Proċedura : 2010/2504(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0078/2010

Testi mressqa :

B7-0078/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/02/2010 - 9.6
CRE 10/02/2010 - 9.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 133kWORD 88k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0078/2010
3.2.2010
PE432.931v01-00
 
B7-0078/2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Iran


Struan Stevenson, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Ashley Fox, Michał Tomasz Kamiński, Konrad Szymański, Tomasz Piotr Poręba, Adam Bielan f'isem il-Grupp ECR

 


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sitwazzjoni fl-Iran  
B7‑0078/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-sitwazzjoni politika fl-Iran għadha sejra lura, bl-ebda indikazzjoni mill-gvern Iranjan li biħsiebu jindirizza t-tħassib minn madwar id-dinja kollha dwar il-leġittimità tal-elezzjoni li saret fl-2009;

B.  billi l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, minn keddiet żgħar lil minoranzi reliġjużi u etniċi sa proċessi politiċi, tortura u eżekuzzjoni ta' dissidenti politiċi, huma komuni;

C. billi l-Iran ikompli jagħti inkoraġġiment, tagħmir u finanzi lill-estremiżmu u t-terroriżmu mal-Lvant Nofsani kollu u jissokta jiddestabilizza t-tentattivi biex ir-reġjun jilħaq paċi dejjiemi;

D. billi hemm evidenza sostanzjali li tissuġġerixxi li l-Iran għadu għaddej bl-isforzi tiegħu biex jibni armi nukleari mingħajr ma jagħti kas la tal-obbligi tiegħu skont it-trattat tan-nonproliferazzjoni nukleari u lanqas tar-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti li jordnawlu jieqaf mill-arrikkimanet tal-uranju;

E.  billi għadd ta' pajjiżi Ewropej għamlu madwar EUR 65 biljun f'kummerċ mal-Iran f'dawn l-aħħar tliet snin;

1.  Jikkundanna s-soppressjoni tad-demokrazija fl-Iran, b'mod partikolari n-nuqqas tal-libertà tal-espressjoni u l-abbuż, b'rutina, tad-drittijiet tal-bniedem ta' dawk li jopponu r-reġim;

2.  Jiddeplora l-isskutar tar-rifjut min-naħa tar-reġim li jirrikonoxxi t-tħassib dwar il-leġittimità tar-riżultati mħabbra tal-elezzjonijiet;

3.  Jikkundanna l-abbuż, b'rutina, tad-drittijiet tal-bniedem ta' dawk li jopponu r-reġim fl-Iran; isejjaħ biex il-gvern tal-Iran jikkommuta s-sentenzi kollha maqtugħa kontra dimostranti u biex jeħles lil dawk li jinsabu quddiem il-qrati jew fil-ħabs;

4.  Jesprimi l-għadab tiegħu dwar l-eżekuzzjoni riċenti ta' dimostranti politiċi, u b'mod partikolari jikkundanna bil-qawwa l-eżekuzzjoni fit-28 ta' Jannar 2010 ta' żewġ priġunieri politiċi talli 'organizzaw dimostrazzjonijiet ta' protesta' u talli kienu konnessi ma' 'rvelli riċenti', minkejja li kienu ġew arrestati xhur qabel id-dimostrazzjonijiet li saru mal-pajjiż kollu wara l-elezzjonijiet finta f'Ġunju 2009;

5.  Jikkundanna t-tortura u l-proċessi politiċi tad-dimostranti miżmuma, kif ukoll li priġunieri sfaw imġegħla biex, bit-televiżjoni, jagħmlu ammissjonijiet ta' ħtija u akkużi foloz kontra gruppi tal-oppożizzjoni;

6.  Jiddeplora l-istqarrijiet uffiċjali mill-ġudikatura Iranjana li kwalunkwe appoġġ lill-moviment ta' oppożizzjoni People's Mujahedin of Iran (PMOI) jew relazzjoni magħhom hija att ta' 'Moharabeh' (gwerra kontra Alla) u li, skont il-liġi kriminali Iżlamika, iġġib il-piena tal-mewt; jinnota li huwa ċar li dawn l-istqarrijiet iwittu t-triq għall-eżekuzzjoni ta' bosta dimostranti żgħażagħ;

7.  Jikkundanna l-impożizzjoni b'rutina, u għal kollox inaċċettabbli, tal-piena tal-mewt fuq minorenni f'kull każ u, b'mod partikolari, fuq adulti li jinstabu ħatja ta' 'reati' li jinvolvu mġiba sesswali minuri li titqies ħażina jew orjentament sesswali, pożizzjoni li tikser l-obbligi legali internazzjonali tal-Iran;

8.  Jesprimi tħassib gravi dwar l-arrest u s-sentenzi ta' ħabs fit-tul għal qraba ta' residenti tal-Kamp Ashraf, li l-offiża waħdanija tagħhom kienet li żaru l-familji tagħhom l-Iraq;

9.  Jikkundanna l-istqarrija tal-President tal-Iran li fiha sejjaħ biex jinqered stat membru tan-NU, l-Iżrael, ksur ta' kull standard li jirregola r-relazzjonijiet internazzjonali paċifiċi, u, fl-interessi tal-paċi fil-Lvant Nofsani, isejjaħ biex il-President tal-Iran jitlob skuża u jirtira kull stqarrija provokanti bħal din;

10. Isejjaħ biex il-Gvern tal-Iran minnufih iwaqqaf l-appoġġ morali u materjali tiegħu għat-terroriżmu u l-estremiżmu, mogħti permezz ta' aġenti tiegħu f'Gaża, il-Libanu, l-Iraq, il-Jemen u pajjiżi oħra, b'mod partikolari l-appoġġ tiegħu għall-Ħamas u l-Ħiżballa fl-attentati kontinwi tagħhom biex jattakkaw liċ-ċivili f'Iżrael, kif ukoll l-appoġġ allegat tiegħu għal gruppi Xiiti radikali fl-Iraq, li mhux biss jattakkaw lit-truppi taż-żamma tal-paċi, imma jwettqu wkoll atroċitajiet kontra l-popolazzjoni ċivili tal-Iraq permezz tal-attakki suwiċida bil-bombi;

11. Isejjaħ biex il-Gvern Iranjan itemm l-isfrozi tiegħu biex jipproduċi armi nukleari u jiftaħ is-siti kollha għall-ispezzjoni, kif talbet l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA);

12. Jappoġġa l-isforzi internazzjonali biex jintensifikaw is-sanzjonijiet kontra l-Iran, inklużi friża tat-tranżazzjonijiet mal-Bank Ċentrali tal-Iran u mal-azjendi kkontrollati mill-Korp tal-Gwardja Revoluzzjonarja, issikkar ulterjuri tal-projbizzjoni tal-ivjaġġar internazzjonali u l-iffriżar tal-assi ta' individwi u kumpaniji identifikati, sakemm ma jkunx hemm tmiem tal-attivitajiet suspettużi tal-arrikkiment tal-uranju, ottemperanza totali mat-talbiet tal-IAEA u titjib immedjat fir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

13. Isejjaħ biex il-Gvern Ċiniż jappoġġa l-isforzi internazzjonali biex iżommu lura l-programm nukleari Iranjan;

14. Jiddeplora l-fatt li bosta pajjiżi Ewropej u kumpaniji individwali jkomplu jżommu rabtiet kummerċjali estensivi mal-Iran, li l-valur tagħhom stmat li jilħaq biljuni ta' euro kull sena; f'dan ir-rigward, jilqa' d-deċiżjoni ta' Siemens li sa nofs l-2010 ttemm it-tranżazzjonijiet tagħha mal-Iran, u jsejjaħ biex kumpaniji Ewropej oħra jagħmlu l-istess;

15. Isejjaħ biex l-Istati Membri jieqfu milli jibagħtu lill-Iran kwalunkwe tagħmir jew arma li tista' b'xi mod tintuża biex tissopprimi l-protesti fit-toroq;

16.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lid-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika u lill-Gvern u l-Parlament tar-Republika Iżlamika tal-Iran.

Avviż legali - Politika tal-privatezza