MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Iran
3.2.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Lena Kolarska-Bobińska, Mario Mauro, Michael Gahler, Marco Scurria, Alejo Vidal-Quadras, Potito Salatto, Tunne Kelam, Salvatore Tatarella, Monica Luisa Macovei f'isem il-Grupp PPE-DE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0078/2010
B7‑0080/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Iran
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, b'mod partikolari dawk dwar id-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2009 dwar is-sitwazzjoni umanitarja tal-persuni residenti fil-Kamp Ashraf,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar l-Iran maħruġa mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2009,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza tat-28 ta' Diċembru 2009 dwar id-dimostrazzjonijiet reċenti fl-Iran,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR) u l-Konvenzjoni dwar it-Tneħħija ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni, li r-Repubblika Islamika tal-Iran tagħmel parti minnhom,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Ministeru tal-Intelliġenza Iranjan tal-5 ta’ Jannar 2010, li tgħid li l-kuntatti kollha bejn iċ-ċittadini Iranjani u 60 organizzazzjoni mhux governattiva, flimkien ma' bosta setturi tal-midja internazzjonali li jxandru bil-Farsi, huma “illegali”,
– wara li kkunsidra l-avvenimenti tas-27 ta’ Diċembru 2009, meta mill-inqas 15-il individwu nqatlu waqt il-protesti tal-oppożizzjoni, fosthom Seyed Ali Moussavi, in-neputi tal-mexxej tal-oppożizzjoni, u l-avvenimenti li ġraw wara,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tat-12 ta’ Jannar 2010 dwar il-ġuri kontra seba' mexxejja tal-Baha'i fl-Iran,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni adottata mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) fis-27 ta' Novembru 2009 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar is-Salvagwardji NPT u d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSC) Nru 1737 (2006), 1747 (2007), 1803 (2008) u 1835 (2008),
– wara li kkunsidra l-ittra tad-29 ta’ Novembru 2009 ffirmata mill-maġġoranza tal-membri tal-Majlis li fiha talbu lill-Organizzazzjoni għall-Enerġija Atomika tal-Iran biex tippjana l-kostruzzjoni ta’ 10 impjanti oħra ta' arrikkiment tal-uranju, kif ukoll il-kumment tat-30 ta' Novembru 2009 tal-kelliem għall-Majlis li tefa’ dubju fuq l-importanza tat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni,
– wara li kkunsidra l-kanċellazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Iranjani taż-żjara tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-Relazzjonijet mal-Iran, li kellha ssir bejn it-8 u l-11 ta’ Jannar 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni ġenerali rigward id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran għadha sejra għall-agħar, b’mod partikulari fejn jidħol l-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili u l-libertajiet politiċi,
B. billi eluf ta’ ċittadini Iranjani f'bosta okkażjonijiet ħarġu fit-toroq biex jipprotestaw kontra r-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali tat-12 ta' Ġunju 2009 u kontra l-ksur tad-drittijiet fundamentali; billi kien irrappurtat li mill-inqas 150 persuna nqatlu u eluf ta’ dimostranti kienu arrestati dan l-aħħar wara l-mewt ta’ Hoseyn Ali Montazeri u waqt u wara r-ritwal Shi'ita ta’ Ashura,
C. billi l-awtoritajiet irrispondew għal dawn il-protesti bl-użu tal-forza li wasslet għal telf ta' ħajjiet, arresti tal-massa u s-sentenza tal-mewt għal ħafna dimostranti,
D. billi l-awtoritajiet stqarrew ukoll li gvernijiet u organizzazzjonijiet barranin qegħdin jappoġġaw dawn il-protesti demokratiċi, u għalhekk waqqfu liċ-ċittadini Iranjani milli jiġu f’kuntatt ma’ għadd ta’ organizzazzjonijiet barranin mhux governattivi u mblokkaw l-aċċess għall-midja internazzjonali fl-Iran,
E. billi seba’ mexxejja tat-twemmin Baha'i tressqu biex jgħaddu ġuri b'akkużi li jidhru li kienu msejsa fuq il-fatt li kienu membri ta' minoranza reliġjuża,
F. billi l-Iran huwa wieħed mill-Partijiet tat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT) u impenja ruħu li jakkwista l-armi nukleari bir-ratifika tal-NPT u huwa marbut legalment li jiddikjara u jqiegħed l-attività nukleari tiegħu kollha, inkluż il-materjal nukleari, fis-salvagwardja tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA),
G. billi l-Artikolu IV tat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT) jinnota d-dritt inaljenabbli tal-Partijiet kollha li jiżviluppaw riċerka, produzzjoni u użu ta' enerġija nukleari għal skopijiet paċifiċi bla diskriminazzjoni u bi qbil mal-Artikoli I u II ta' dan it-Trattat,
H. billi għal kważi 20 sena, f’kontravenzjoni ċara tal-obbligi espliċiti tiegħu skont l-NPT, l-Iran ħaddem programm nukleari sigriet,
I. billi l-Iran ħeba l-kostruzzjoni tal-impjant ta' arrikkiment tal-uranju ħdejn il-belt ta’ Qom sal-21 ta’ Settembru 2009, u għalhekk kiser id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi 3.1 rivedut tal-AIEA kif ukoll ta' numru ta’ riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jitolbu s-sospensjoni sħiħa tal-attivitajiet tiegħu ta’ arrikkiment,
J. billi l-Iran s'issa għadu ma ssospenda l-ebda attività marbuta mal-arrikkiment, l-ipproċessar u l-ilma tqil u għadu ma implimentax il-Protokolli Addizzjonali tal-NPT, kif mitlub mir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 1696(2006), 1737(2006), 1747(2007), 1803 (2008) u 1835 (2008), bħala pass li għandu jgħin biex terġa' tidħol il-fiduċja fil-programm tiegħu ta’ natura paċifika,
K. billi l-Parlament Iranjan, il-Majlis, huwa awtorizzat mil-liġi Iranjana biex jirratifika l-Protokoll Addizzjonali, u ħa passi biex tiġi evitata din ir-ratifika,
L. billi d-Direttur Ġenerali tal-IAEA li se jispiċċa mill-kariga, Dr El Baradei, fir-rapport imsemmi hawn fuq tas-16 ta’ Novembru 2009, innota li sakemm l-Iran ma jimplimentax il-Protokoll Addizzjonali u ma jiċċarax il-kwistjonijiet pendenti b'mod sodisfaċenti mal-IAEA, l-Aġenzija mhix se tkun f'pożizzjoni li tagħti assigurazzjoni kredibbli dwar l-assenza ta’ materjal nukleari mhux iddikjarat u ta' attivitajiet nukleari fl-Iran, u nnota wkoll li għad hemm għadd ta’ kwistjonijiet preokkupanti pendenti dwar id-dimensjonijiet militari possibbli għall-programm nukleari tal-Iran,
M. billi l-kapaċità tal-Iran għall-armi nukleari tkun ta’ theddida gravi għall-paċi u għas-sigurtà globali għax tbiddel u tiddestabilizza b’mod fundamentali l-bilanċ strateġiku fil-Lvant Nofsani, u timmina bis-serjetà t-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni,
N. billi l-Iran qed ikompli jiżviluppa t-teknoloġija tal-missili ballistiċi u qed jaħdem għall-kapaċità li jiskjera missili ballistiċi interkontinentali, b'sistema ta’ trasport adattata għat-tagħbijiet ta' armi nukleari,
O. billi r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 1803 (2008) titlob li jkun hemm viġilanza kemm meta jittieħdu impenji ġodda għal appoġġ finanzjarju pprovdut mill-pubbliku għall-kummerċ mal-Iran, kif ukoll għal dawk l-attivitajiet ta’ istituzzjonijiet finanzjarji mal-banek kollha domiċiljati fl-Iran,
P. billi l-mexxejja tal-G8, waqt is-samit annwali li sar bejn it-8 u l-10 ta’ Lulju 2009 f'L'Aquila, l-Italja, esprimew tħassib serju dwar ir-riskji tal-proliferazzjoni minħabba l-programm nukleari tal-Iran u n-nuqqas kontinwu tal-Iran li jissodisfa l-obbligi internazzjonali tiegħu,
Q. billi l-Gvern Iranjan qed ikompli jippressa l-awtoritajiet Iraqin biex il-persuni residenti fil-Kamp Ashraf jiġu spostati,
R. billi l-kanċellazzjoni taż-żjara tad-delegazzjoni uffiċjali tal-Parlament Ewropew għall-Iran tista’ titqies bħala prova oħra li l-awtoritajiet Iranjani jixtiequ jillimitaw l-aċċess barrani fil-pajjiż u jiżguraw li ma jkunx hemm xhieda għall-azzjonijiet tagħhom,
Dwar id-drittijiet tal-bniedem
1. Itenni l-kundanna ħarxa tiegħu għall-użu kontinwu tal-forza min-naħa tal-pulizija, inkluż il-ftuħ tan-nar fuq folol mhux armati li kien irrappurtat li sar; jiddeplora l-arresti arbitrarji u l-qtil tad-dimostranti u tal-mexxejja tal-oppożizzjoni mill-forzi tas-sigurtà Iranjani u minn organizzazzjonijiet paramilitari; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jirrispettaw id-drittijiet fundamentali ċivili u politiċi, b’mod speċjali l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-assemblea u l-libertà tal-informazzjoni, u biex iwaqqfu s-soppressjoni ta’ dawn id-drittijiet;
2. Huwa maħsud għall-aħħar bid-deċiżjoni tal-awtoritajiet Iranjani li jsir it-tgħalliq ta' żewġ irġiel żgħażagħ, Mohammad Reza Ali Zamani u Arash Rahmanpur, li kienu mixlija bil-"Moharebeh" (li għamlu gwerra kontra Alla), iżda li fil-fatt kienu esprimew biss l-oppożizzjoni tagħhom għar-reġim waqt il-protesti ta’ wara l-elezzjonijiet f’Ġunju 2009;
3. Jitlob biex jinħelsu dawk kollha li kienu arrestati waqt il-protesti reċenti u dawk il-membri tal-oppożizzjoni – kemm studenti, akkademiċi, persuni li ħadu sehem f'kampanji, ġurnalisti jew attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem – li kienu arrestati fil-kuntest usa' tal-inkwiet reċenti, u li ħafna drabi ttieħdu minn djarhom jew mill-post tax-xogħol mingħajr twissija; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex jagħtu lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar aċċess għall-priġunieri kollha bla eċċezzjoni;
4. Jistieden lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jibgħat Mibgħut Speċjali biex jeżamina s-sitwazzjoni tad-detenuti politiċi u biex jiżgura li l-awtoritajiet Iranjani jaderixxu mal-istandards ta' proċedura internazzjonali u jikkonformaw mal-obbligi legali tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem;
5. Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex jieħdu seħem fi djalogu kostruttiv mal-oppożizzjoni, bil-għan li tidħol demokrazija sħiħa fl-Iran;
6. Jikkundanna d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Iranjani li jipprojbixxu l-kuntatti mal-organizzazzjonijiet barranin mhux governattivi, b’mod partikulari dawk li jiddefendu l-libertajiet u d-drittijiet ċivili, u jistieden lill-istess awtoritajiet biex ineħħu din il-projbizzjoni minnufih;
7. Jikkundanna bil-qawwa s-sentenzi għall-mewt u l-eżekuzzjonijiet fl-Iran, u jitlob li titneħħa l-piena kapitali; iqis li l-użu tal-akkuża tal-"Moharebeh", jiġifieri reat kontra r-reliġjon Islamika, mhuwiex aċċettabbli;
8. Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tal-Gvern Iranjan biex jibda l-ġuri kontra s-seba' mexxejja tal-komunità Iranjana tal-Baha'i; itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Iranjani biex jonoraw l-obbligu tal-gvern li jirrispetta l-minoranzi reliġjużi u jeħles minnufih lill-mexxejja tal-komunità tal-Baha'i u dawk kollha li bħalissa huma miżmuma fl-Iran minħabba t-twemmin reliġjuż tagħhom;
9. Jitlob li jingħata aċċess bla restrizzjonijiet lill-midja internazzjonali u lill-midja Iranjana kollha biex jirrappurtaw l-avvenimenti fl-Iran; jenfasizza li stampa ċara ta’ dawn l-avvenimenti tista’ tingħata biss minn midja indipendenti;
Dwar il-kwistjoni nukleari
10. Itenni mill-ġdid li r-riskji tal-proliferazzjoni tal-programm nukleari Iranjan jibqgħu għajn ta’ tħassib serju għall-UE u għall-komunità internazzjonali, kif espress b’mod ċar ħafna fir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 1696(2006), 1737(2006), 1747(2007), 1803 (2008) u 1835 (2008); jerġa' jiċċara, għalhekk, li l-Iran, mingħajr aktar dewmien, għandu jikkonforma mal-obbligi internazzjonali tiegħu li jissospendi l-attivitajiet kollha marbuta mal-arrikkiment, l-ipproċessar mill-ġdid u l-attivitajiet tal-ilma tqil;
11. Jiddeplora l-fatt li ma sarx progress sostanzjali dwar il-kwistjonijiet ewlenin li jqajmu tħassib serju, u jtenni t-talbiet tiegħu lill-Iran biex ireġġa’ għal li kienet it-trasparenza tal-programm nukleari tiegħu billi jipprovdi tweġibiet kompluti, ċari u kredibbli lill-IAEA, biex iħoll il-kwistjonijiet u l-preokkupazzjonijiet pendenti marbuta ma' dan il-programm, inklużi suġġetti li jista’ jkollhom dimensjoni militari, biex jimplimenta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Komprensiv ta’ Salvagwardja, inklużi l-arranġamenti sussidjarji tiegħu, u biex jirratifika u jimplimenta l-Protokoll Addizzjonali;
12. Jiddeplora d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Iranjani li rrifjutaw l-abbozz ta’ ftehim propost mill-P5+1 dwar l-arrikkiment tal-fjuwil nukleari, u b’hekk waqqfu negozjati oħra dwar il-kwistjoni nukleari;
13. Jistieden lill-Iran biex jikkonferma, kif mitlub mill-IAEA, li ma kienx awtorizza l-kostruzzjoni ta’ impjanti nukleari oħra mhux iddikjarati;
14. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li ġew adottati skont il-Kapitolu VII, Artikolu 41, tal-Karta tan-NU, fosthom id-dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet imposti fuq l-Iran sakemm jibqa' jirrifjuta li jissospendi l-attivitajiet nukleari tiegħu jew sakemm ma jikkonformax mar-riżoluzzjonijiet imsemmija; japprova l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew imsemmija hawn fuq; jilqa' b’sodisfazzjon il-fatt li l-komunità internazzjonali qiegħda tieħu approċċ komuni dwar il-kwistjoni; jesprimi l-approvazzjoni tiegħu għall-appoġġ tal-UE għal azzjoni min-naħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jekk l-Iran ikompli ma jikkooperax mal-komunità internazzjonali dwar il-programm nukleari tiegħu, kif ukoll biex l-UE tkun lesta tieħu l-passi meħtieġa biex tikkomplementa l-proċess tal-Kunsill tas-Sigurtà b’miżuri awtonomi Ewropej; iħeġġeġ biex ikomplu l-isforzi fost il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tal-Ġermanja, kif ukoll ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, biex jintlaħaq ftehim dwar abbozz ta’ riżoluzzjoni ġdid dwar l-Iran li jaħseb għal miżuri oħra; jistieden lill-membri kollha tal-UE biex kemm jista’ jkun inaqqsu l-kuntatt tagħhom mal-Iran fl-oqsma tal-kummerċ u l-finanzi;
15. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li jista' jkun hemm soluzzjoni għall-eskalazzjoni nukleari preżenti; jistieden lill-komunità internazzjonali biex tkompli bil-proċess fuq żewġ binarji, biex timxi b’attenzjoni meta tittratta mal-Iran, u biex tevita li l-Iran ikompli jtawwal iż-żmien;
16. Jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm koperazzjoni mal-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina u l-pajjiżi mhux allineati sabiex jiġu meqjusa kunċetti komplementari bit-tama li jintlaħaq ftehim komprensiv mal-Iran dwar l-impjanti nukleari tiegħu u l-użu tagħhom u li jkun iqis id-dimensjonijiet militari possibbli tal-programm nukleari tal-Iran;
Dwar il-Kamp tar-Refuġjati ta' Ashraf
17. Jistieden lill-Gvern Iranjan biex iwaqqaf kull interferenza fl-affarijiet interni tal-Iraq li jkollha l-għan li timponi l-imblokk tal-kamp tar-refuġjati ta' Ashraf biex ir-residenti jkollhom jiċċaqalqu bilfors;
Dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iran
18. Jiddeplora d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Iranjani li waqqfu d-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew milli żżur l-Iran biex tiltaqa’ mal-uffiċjali tal-gvern u tal-oppożizzjoni; jemmen li dan iservi biss biex issir aktar ħsara lir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iran u biex ir-reġim tal-Iran ikompli jaqta' lil pajjiżu mill-komunità internazzjonali;
19. Ifakkar lill-awtoritajiet Iranjani li sabiex jiġu żviluppati relazzjonijiet li jagħtu l-frott mal-UE, l-Iran għandu jiggarantixxi d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, ir-rispett tal-prinċipji tad-demokrazija, il-libertà tal-espressjoni u l-istat tad-dritt, billi dawn huma kundizzjonijiet meħtieġa minn dawk il-pajjiżi kollha li jridu jżommu relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi mal-UE; jenfasizza li l-konklużjoni possibbli ta’ Ftehim ta’ Koperazzjoni u Kummerċ bejn l-Iran u l-UE hija marbuta mar-rispett għal dawn il-valuri, mal-konformità sħiħa tal-Iran mar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tal-IAEA, kif ukoll mal-għoti ta' garanziji verifikabbli rigward in-natura paċifika tal-programm nukleari tal-Iran u rigward il-waqfien tal-appoġġ tal-Iran għat-terroriżmu;
20. Iħeġġeġ li għandha ssir reviżjoni komprensiva tar-relazzjoni bilaterali tal-UE mal-Iran; f’dan il-kuntest, u minħabba s-sehem li kellha l-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran fit-trażżin tal-protesti li seħħew wara l-elezzjonijiet, it-tkomplija tal-programm tal-Iran ta' armi għall-qerda tal-massa (WMD) u l-faċilitazzjoni tat-terroriżmu internazzjonali, jitlob li l-Iran jiddaħħal fil-lista tal-UE tal-organizzazzjonijiet terroristiċi u tal-persuni marbuta ma' attivitajiet terroristiċi;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lid-Direttur Ġenerali tal-IAEA, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Islamika tal-Iran.