MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina
16.2.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Adina-Ioana Vălean u Siiri Oviir f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0116/2010
B7‑0116/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina,
– wara li kkunsidra s-Sħubija tal-Lvant imnedija fi Praga f'Mejju 2009,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Samit UE-Ukraina li sar f'Kiev fl-4 ta' Diċembru 2009,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Parlamentari ta' Kooperazzjoni UE-Ukraina li ltaqa' f'Kiev mis-26 sas-27 ta' Ottubru 2009,
– wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Ukraina għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija, approvat mill-Kunsill Ministerjali tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija f'Żagreb f'Diċembru 2009,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998, u n-negozjati li għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (FA) maħsub biex jieħu post il-FSK;
– wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina, li tieħu post il-Pjan ta' Azzjoni, stabbilita f'Ġunju 2009,
– wara li kkunsidra l-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar il-faċilitazzjoni tal-viża, iffirmat fit-18 ta' Ġunju 2007, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2008,
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali tal-Ukraina, li l-ewwel rawnd tagħhom sar fis-17 ta' Jannar u t-tieni rawnd fis-7 ta' Frar 2010,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Missjoni ta' Osservazzjoni OSKE/ODHIR dwar l-elezzjonijiet presidenzjali tas-17 ta' Jannar u tas-7 ta' Frar 2010, li kkonkludiet li l-parti l-kbira tal-istandards internazzjonali intlaħqu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-fatt li l-elezzjonijiet presidenzjali li saru fis-17 ta' Jannar u fis-7 ta' Frar 2010 saru bla xkiel fir-rigward tad-drittijiet ċivili u politiċi juri li l-Ukraina għandha l-kapaċità li jkollha elezzjonijiet ħielsa u ġusti,
B. billi l-konklużjonijiet tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali OSKE/ODHIR li jiddeskrivu l-elezzjonijiet bħala ġeneralment konformi mal-istandards internazzjonali jagħtu x'wieħed jifhem li l-awtoritajiet Ukraini jistgħu jiggarantixxu l-istabbiltà politika, u b'hekk jagħtu lill-awtoritajiet l-opportunità li jibnu mill-ġdid ambjent politiku stabbli sabiex jerġgħu jġibu fuq saqajha l-ekonomija tal-pajjiż,
C. billi wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-politika barranija tal-Parlament hu t-tisħiħ u t-trawwim tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, li timmira għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kulturali tal-pajjiżi kkonċernati mal-UE u mal-Istati Membri tagħha,
D. billi s-Sħubija tal-Lvant qiegħda tifforma; billi l-awtoritajiet Ukraini l-ġodda għandhom jaħdmu sabiex jirrealizzaw l-objettivi tagħha,
E. billi l-UE hija favur Ukraina stabbli u demokratika li tirrispetta l-prinċipji tal-ekonomija tas-suq, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi u li tiggarantixxi d-drittijiet fundamentali,
F. billi l-adeżjoni tal-Ukraina mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tirrappreżenta pass importanti fl-aċċettazzjoni tagħha tal-istandards ekonomiċi internazzjonali u Ewropej u ta' rabtiet kummerċjali msaħħa mal-UE, u tħaffef in-negozjati dwar l-istabbiliment ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles Qawwija u Komprensiva bħala parti integrali mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni,
G. billi l-adeżjoni tal-Ukraina għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija hija ta' importanza kbira għall-partijiet kollha,
H. billi, irrispettivament mir-riżultati tal-elezzjoni presidenzjali, l-Ukraina se tkompli fit-triq preżenti tagħha lejn ir-riformi kostituzzjonali sabiex tistabbilixxi sistema vijabbli u effiċjenti ta' kontrolli u bilanċi biex tiddefinixxi distribuzzjoni ċara ta' kompetenzi bejn il-President, il-Kabinett tal-Ministri u l-Verkhovna Rada,
I. billi l-istabilità politika domestika u l-attenzjoni għar-riforma interna tal-Ukraina huma prerekwiżiti għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina; billi r-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali (is-Sħubija tal-Lvant) huma prekundizzjoni għall-kooperazzjoni tal-Ukraina billi jtejbu l-konsistenza indisputibbli tal-pajjiż fil-kisba tal-għanijiet tiegħu,
J. billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina għandu jservi bħala strument fil-proċess ta' riforma u tagħti rwol aktar b'saħħtu lis-soċjetà ċivili,
1. Jilqa' r-rapporti tal-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali dwar l-elezzjonijiet presidenzjali (17 Jannar - 7 Frar 2010) li tosserva li sar progress sinifikanti meta jitqabbel ma' elezzjonijiet preċedenti, b'din l-elezzjoni tilħaq il-parti l-kbira tal-istandards tal-OSKE u tal-UE dwar elezzjonijiet ħielsa u ġusti;
2. Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali OSKE/ODHIR dwar ir-rispett tad-drittijiet ċivili u politiċi, inkluża l-libertajiet ta' għaqda, assoċjazzjoni u espressjoni f'ambjent tal-midja pluralistiku;
3. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li f'din l-elezzjoni kien hemm varjetà ta' kandidati li jirrappreżentaw opinjonijiet politiċi alternattivi, u offrew għażla ġenwina lill-elettorat;
4. Jirrikonoxxi li l-Ukraina, bħala pajjiż Ewropew, għandha storja komuni u valuri komuni għal dawk tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u tirrikonoxxi l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina;
5. Jenfasizza l-ħtieġa għall-istabbilizzazzjoni politika u ekonomika, notevolment permezz tar-riforma kostituzzjonali, tal-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt, u sforzi mġedda fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u għat-titjib tal-ambjent tan-negozju u tal-investiment;
6. Jisħaq dwar l-importanza li tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-Ukraina u l-UE fil-qasam tal-enerġija u jitlob għal iktar ftehimiet bejn l-UE u l-Ukraina bl-għan li jiżguraw il-provvisti tal-enerġija għaż-żewġ naħat, u jinkludu sistema affidabbli ta' transitu taż-żejt u tal-gass;
7. Jenfasizza l-fatt li għalkemm sar progress, il-ftehim eżistenti għall-faċilitazzjoni tal-viża għandu jerġa' jiġi eżaminat bit-tir ta' objettivi għal perjodu twil ta' żmien, u jitlob lill-Kunsill biex jinkariga lill-Kummissjoni biex tirrevedi dan il-ftehim mal-awtoritajiet Ukraini sabiex ikun elaborat pjan direzzjonali għall-ivvjaġġar lejn l-Ukraina mingħajr il-bżonn ta' viża;
8. Jiddispjaċih li r-regoli elettorali għadhom qed jibqgħu jiġu diskussi u jirrimarka li l-liġi elettorali attwali, kif emendata f'Awissu 2009, titqies mill-OSKE/ODHIR bħala pass lura meta titqabbel mal-leġiżlazzjoni preċedenti, u dan iwassal għal qafas legali li la hu ċar u lanqas komplut; għalhekk iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukraini biex jirrevedu u jlestu l-leġiżlazzjoni elettorali tal-pajjiż;
9. Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jaffermaw mill-ġdid id-disponibilità tal-UE li tgħin lill-Ukraina permezz ta' strumenti proposti mis-Sħubija tal-Lvant u mill-Aġenda ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, u lill-gvern u l-parlament tal-Ukraina.