MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina
16.2.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Adrian Severin, Kristian Vigenin, Marek Siwiec, Barbara Weiler f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0116/2010
B7‑0117/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit ta' Praga tas-Sħubija tal-Lvant tas-7 ta' Mejju 2009,
– wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina tat-8 ta' Ġunju 2009, li tissostitwixxi l-Pjan ta' Azzjoni UE-Ukraina,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Presidenza Svediża tal-UE dwar ir-riżultat tas-samit UE-Ukraina li sar fl-4 ta' Diċembru 2009,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-OSKE tas-17 ta' Jannar u s-7 ta' Frar 2010 dwar ir-riżultat tal-elezzjonijiet Presidenzjali,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, dwar l-elezzjonijiet presidenzjali Ukraini, fit-8 ta' Frar 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali Internazzjonali tal-Parlament Ewropew, tal-assemblej parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropea, tal-OSKE, tan-NATO u tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-OSKE (ODIHR) ikkonkludiet li l-ewwel u t-tieni rawnd tal-elezzjonijiet Presidenzjali li saru fis-17 ta' Jannar u fis-7 ta' Frar 2010 kienu relattivament ħielsa u ġusti u saru f'konformità ma' standards internazzjonali għal elezzjonijiet demokratiċi,
B. billi l-elezzjonijiet Presidenzjali wrew progress u titjib sinifikanti meta mqabbla ma' elezzjonijiet preċedenti, b'mod partikolari fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet ċivili u politiċi, inkluża l-libertà ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni,
C. billi għalkemm l-organizzazzjonijiet nongovernattivi ma tħallewx uffiċjalment josservaw l-elezzjonijiet, il-preżenza ta' osservaturi domestiċi u internazzjonali żiedet b'mod sinifikanti t-trasparenza matul il-proċess elettorali u l-jum ta' votazzjoni,
D. billi l-Ukraina hija lesta li tiġi integrata fl-Unjoni Ewropea fuq il-bażi tal-prinċipji u l-kriterji fundamentali tal-UE, u dawn l-elezzjonijiet urew li kienu pass 'il quddiem f'din id-direzzjoni,
E. billi l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Ukraina jirrikonoxxu l-importanza ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib ibbażata fuq ir-rispett reċiproku u l-valuri fundamentali Ewropej,
1. Jilqa' l-fatt li l-elezzjonijiet Presidenzjali saru b'mod sodisfaċenti, f'konformità ma' standards elettorali internazzjonali, u jqis li l-Ukraina tinsab fit-triq it-tajba biex issir demokrazija matura u tieħu l-post li hu tagħha bi dritt f'komunità Ewropea ta' nazzjonijiet demokratiċi,
2. Jifraħ lill-poplu tal-Ukraina tal-livell għoli ta' parteċipazzjoni fl-elezzjoni u talli esprima liberament ir-rieda tiegħu, biex b'hekk wera xewqa kbira li jipparteċipa u jiddeċiedi dwar it-triq li għandu jieħu l-pajjiż; jinnota li l-firxa wiesgħa ta' kandidati li rrappreżentaw opinjonijiet politiċi alternattivi matul l-elezzjonijiet Presidenzjali offriet għażla ġenwina lill-poplu tal-Ukraina;
3. Jieħu nota tan-nuqqasijiet tal-elezzjonijiet li identifikat il-Missjoni ta' Osservanza Elettorali Internazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet relevanti fl-Ukraina biex jadottaw kodiċi elettorali ċar li jiġi implimentat b'bona fidi u b'mod mhux restrittiv; jinkoraġġixxi finanzjament aktar trasparenti tal-kampanji matul il-perjodi ta' qabel elezzjoni biex jiġi evitat l-użu ħażin tar-riżorsi amministrattivi għall-gwadann personali; jistieden lill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali biex tindirizza l-ilmenti mressqa mill-kandidati b'mod trasparenti u biex tipprovdi rimedji effikaċi permezz ta' deċiżjonijiet formali;
4. Jinnota li n-nisa kienu rrappreżentati tajjeb f'pożizzjonijiet ta' tmexxija fl-amministrazzjoni tal-elezzjoni; jinkoraġġixxi l-kontinwità tar-rispett tad-drittijiet u l-opportunitajiet ugwali f'elezzjonijiet futuri f'konformità mal-prinċipji u l-valuri fundamentali tal-pajjiżi demokratiċi Ewropej;
5. Jinnota li l-Ukraina rratifikat il-'Konvenzjoni ta' Qafas għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali' u l-'Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew tal-Minoranzi' tal-Kunsill tal-Ewropa iżda jappella lill-awtoritajiet Ukraini biex jagħmlu sforz akbar biex jilħqu lill-komunitajiet ta' minoranzi fl-Ukraina billi jipproduċu materjal tal-kampanji f'lingwi tal-minoranzi u biex jinvolvu lil dawn il-komunitajiet b'mod aktar sħiħ fi kwalunkwe żvilupp politiku fil-pajjiż;
6. Jieħu nota tat-titjib sinifikanti fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni u ambjent tal-midja pluralistiku fl-Ukraina, li offra lill-votanti informazzjoni sinifikanti dwar il-kandidati presidenzjali ewlenin u l-programmi elettorali tagħhom; jitlob li ssir reviżjoni tal-liġi elettorali biex jiġi żgurat aċċess aktar ġust u ugwali għall-midja għall-kandidati kollha li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet fil-futur;
7. Iħeġġeġ lill-President li għadu kif ġie elett biex ikompli jkun sieħeb affidabbli tal-Unjoni Ewropea, b'mod speċifiku fir-rigward tat-tisħiħ tal-istabilità fir-reġjun; iħeġġeġ lill-President biex jibqa' impenjat b'mod sħiħ fir-rigward tal-irriversibilità tal-proċess demokratiku u biex ikompli u jsaħħaħ, mingħajr riżervi, ir-riformi politiċi, soċjali u ekonomiċi fl-Ukraina; jemmen li l-kooperazzjoni bejn il-President u l-Prim Ministru tal-Ukraina hija importanti ħafna biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija aktar 'il fuq u biex tiġi promossa l-istabilità politika u ekonomika fil-pajjiż;
8. Jittama li r-riżultat ta' dawn l-elezzjonijiet se jwassal għal impenn politiku aktar qawwi biex jissaħħaħ id-djalogu politiku u biex jitwettqu r-riformi kostituzzjonali tant meħtieġa fl-Ukraina biex tiġi żgurata governanza stabbli u li taħdem tal-pajjiż;
9. Japprova l-parteċipazzjoni attiva tal-Ukraina fis-sħubija tal-Lvant u fl-Assemblea Parlamentari Euronest u l-impenn tagħha li tikkonsolida l-isforzi tagħha biex jiġi żgurat li jkun hemm aktar demokrazija u rispett tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll l-impenn tagħha fir-rigward tal-ekonomija tas-suq, l-iżvilupp sostenibbli u t-tmexxija tajba; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iżommu ħajjin it-tamiet tal-poplu Ukrain, li qiegħed dejjem aktar iħares lejn l-UE, billi joffru aktar passi konkreti lejn integrazzjoni politika, ekonomika u soċjali akbar fil-familja Ewropea, u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli u tħaffef il-pass tan-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Ukraina, billi tinkludi Żona ta' Kummerċ Ħieles bħala parti integrali minnu, xi ħaġa li saret possibbli bl-adeżjoni tal-Ukraina fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;
10. Jappella lill-pajjiżi ġirien kollha biex jirrispettaw b'mod sħiħ l-għażla demokratika tal-poplu Ukrain u jżommu lura minn kwalunkwe pressjoni ekonomika jew ta' xi forma oħra biex ibiddlu r-rieda demokratika tal-Ukraina u kwalunkwe deċiżjonijiet meħuda minnha rigward l-iżvilupp politiku, soċjali u ekonomiku tagħha;
11. Jemmen li d-djalogu bejn l-UE u l-Ukraina dwar il-viżi intensifika u hemm rieda politika aktar qawwija biex jaslu għall-għan aħħari ta' sistema mingħajr viżi; jappoġġa l-inizjattiva tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari UE-Ukraina li jwaqqaf grupp ta' ħidma dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi, bil-ħsieb li jingħata kontribut għan-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-ftehim tal-faċilitazzjoni tal-viżi billi jagħmel proposti li jserrħu moħħ iż-żewġ naħat rigward il-preokkupazzjonijiet li għad fadal; jemmen b'mod qawwi li d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Viżi u r-Riammissjoni jkun pass kbir ieħor għall-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina;
12. Jinnota li l-Ukraina għamlet progress sinifikanti biex tissodisfa l-impenji tagħha ta' ħlas lir-Russja għax-xiri tal-gass u biex tevita theddid għat-tranżitu tal-provvisti tal-gass lil pajjiżi Ewropej differenti li jiddependu fuq gass naturali Russu mgħoddi mill-Ukraina; ikompli jħeġġeġ lill-Ukraina biex timmodernizza s-settur tal-gass tagħha biex tiżgura li n-netwerk ikompli jaħdem b'mod effiċjenti, affidabbli u trasparenti fil-futur; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tgħin u tikkoopera mal-Ukraina biex tirriforma s-settur tal-gass Ukrain u tallinjah mas-suq intern tal-enerġija tal-UE;
13. Jilqa' l-politika ta' relazzjonijiet imtejba mar-Russja u jappella lill-awtoritajiet tal-Ukraina biex jevitaw li fil-futur il-ftehim tal-gass bilaterali mar-Russja ikun suġġett ta' konfrontazzjoni u minflok ifittxu li jinnegozjaw u jaqblu mar-Russja dwar ftehim li jkun ta' benefiċċju għaż-żewġ naħat, u jistieden lill-Ukraina biex tkompli t-tranżitu kontinwu tal-provvisti tal-gass lejn l-Ewropa;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern u l-Parlament tal-Ukraina u lill-Assemblei Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-OSKE u tan-NATO.