Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0120/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0120/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Ukraina

17.2.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Lena Kolarska-Bobińska, Paweł Zalewski, Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ioannis Kasoulides, Cristian Dan Preda, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Filip Kaczmarek, Traian Ungureanu, Mário David f'isem il-Grupp PPE-DE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0116/2010

Proċedura : 2010/2525(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0120/2010
Testi mressqa :
B7-0120/2010
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0120/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Ukraina

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina, li tissostitwixxi l-Pjan ta' Azzjoni UE-Ukraina u (li ġiet) approvata mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Ukraina f'Ġunju 2009,

–   wara li kkunsidra n-negozjati li bdew fil-5 ta' Marzu 2007 għal Ftehim ta' Assoċjazzjoni li għandu jissostitwixxi l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim dwar ir-Riammissjoni u l-Iffaċilitar tal-Viżi UE-Ukraina, iffirmat f'Ġunju 2007 u rratifikat mill-Verkhovna Rada tal-Ukraina f'Jannar 2008,

–   wara li kkunsidra s-Sħubija tal-Lvant tal-Unjoni Ewropea, kif approvata mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2008 u stabbilita mid-dikjarazzjoni konġunta tas-samit tas-Sħubija tal-Lvant, li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

–   wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Ftehim dwar kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, iffirmat fl-1 ta' Diċembru 2005,

–   wara li kkunsidra s-sħubija tal-Ukraina fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, minn Marzu 2008,

–   wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Ftehim għall-istabbiliment ta' djalogu dwar il-politika reġjonali u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni reġjonali bejn il-Ministeru tal-Iżvilupp Reġjonali u l-Kostruzzjoni tal-Ukraina u l-Kummissjoni Ewropea, iffirmat fit-22 ta' Lulju 2009,

–   wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-adeżjoni tal-Ukraina fit-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija (ECT) mill-Kunsill Ministerjali tal-ECT f'Żagreb fit-18 ta' Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta adottata mill-Konferenza dwar l-Investiment Internazzjonali UE-Ukraina dwar il-Modernizzazzjoni tas-Sistema ta' Tranżitu tal-Gass, li saret fit-23 ta' Marzu 2009,

–   wara li kkunsidra l-ftehim bejn l-Ukraina u l-Federazzjoni Russa dwar il-miżati tat-tranżitu għall-provvisti taż-żejt għall-2010, li ġie konkluż f'Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-attivitajiet tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-Kumitat ta' Kooperazzjoni Parlamentari UE-Ukraina u tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tiegħu,

–   wara li kkunsidra t-tlettax-il laqgħa tal-Kumitat għall-Kooperazzjoni Parlamentari UE-Ukraina tas-26 u s-27 ta' Ottubru 2009 f'Kiev, u b'mod partikolari d-Dikjarazzjoni Finali u r-Rakkomandazzjonijiet,

–   wara li kkunsidra r-riżultati tal-ewwel ċiklu tal-elezzjonijiet presidenzjali Ukraini tas-17 ta' Jannar 2010 u t-tieni ċiklu tas-7 ta' Frar 2010,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tas-Sejbiet Preliminari u l-Konklużjonijiet tal-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali għall-Ukraina fl-elezzjonijiet presidenzjali tas-17 ta' Jannar (l-ewwel ċiklu) u s-7 ta' Frar 2010 (it-tieni ċiklu),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Frar 2010 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi Presdient tal-Kummissjoni Ewropea, Catherine Ashton, dwar iż-żewġ ċikli tal-elezzjonijiet presidenzjali fl-Ukraina,

–   wara li kkunsidra l-bidliet tal-aħħar minuta fil-liġi elettorali tal-Ukraina adottata mill-Verkhovna Rada fit-3 ta' Frar 2010, qabel it-tieni ċiklu tal-elezzjonijiet presidenzjali,

–   wara li kkunsidra r-riżultati tas-Samits riċenti bejn l-UE u l-Ukraina, inkluż ir-rikonoxximent mis-samit UE-Ukraina ta' Pariġi fl-2008 tal-Ukraina bħala pajjiż Ewropew li għandu storja komuni u valuri komuni mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, u l-konklużjonijiet tas-Samit UE-Ukraina li sar f'Kiev fl-4 ta' Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Ukraina hi ġara ta' importanza strateġika għall-UE u l-pont naturali li jgħaqqad lill-UE mar-Russja u mal-Asja Ċentrali; billi d-daqs, ir-riżorsi, il-popolazzjoni u l-pożizzjoni ġeografika tagħha jagħtu lill-Ukraina pożizzjoni distintiva fl-Ewropa u jagħmluha attur reġjonali ewlieni,

B.  billi l-UE għandha 1257 kilometru ta' fruntiera komuni mal-Ukraina, b'rabtiet kummerċjali u kulturali qawwija u aktar opportunitajiet għall-kummerċ reġjonali, il-kooperazzjoni industrijali u t-tkabbir ekonomiku,

C. billi l-Unjoni qed tagħmel ħilitha sabiex l-Ukraina ssir pajjiż stabbli u demokratiku skont l-istat tad-dritt u b'ekonomija tas-suq ibbażata fuq il-kompetizzjoni ġusta u l-koeżjoni soċjali,

D. billi wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Parlament fl-isfera tal-politika barranija hu li jsaħħaħ u jrawwem il-Politika tal-Viċinat u s-Sħubija tal-Lvant, u billi l-kwistjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali li jinqalgħu fl Ewropa tal-Lvant jikkostitwixxu sfidi komuni li jitolbu reazzjoni Ewropea kkoordinata,

E.  billi l-isforzi ta' dan it-tip jeħtieġu l-ħolqien ta' klima ta' rieda tajba li fiha jkun possibbli l-iskambju ħieles tal-individwi, l-oġġetti u l-ideat,

F.  billi l-adeżjoni tal-Ukraina f'numru ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluża l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-Komunità tal-Enerġija, turi x-xewqa tal-pajjiż li jħaddan l-istandards internazzjonali kif ukoll Ewropej,

G. billi l-UE u l-Ukraina huma determinati li jaħdmu b'pass ħafif biex jilħqu l-objettiv ta' ħolqien ta' żona komuni ta' kummerċ ħieles, kif kien ikkonfermat waqt il-laqgħat ta' livell għoli u s-samits li saru dan l-aħħar,

H. billi l-elezzjonijiet tas-17 ta' Jannar u s-7 ta' Frar 2010 kienu ħielsa u ġusti, kif kien ikkonfermat mill-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Parlament Ewropew, il-Missjoni tal-OSKE / ODIHR u l-Kunsill tal-Ewropa; billi l-bidliet fl-aħħar minuta tal-liġi elettorali Ukraina, il-protesti kontra elezzjoni ġusta f'ċerti partijiet tal-pajjiż u l-instabilitajiet politiċi u istituzzjonali għadhom iqajmu tħassib,

I.   billi kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Ukraina hi fl-interess taż-żewġ partijiet u tikkorrispondi għar-rieda tal-poplu Ukrain,

IR-RIŻULTATI TAL-ELEZZJONIJIET PRESIDENZJALI U R-RELAZZJONIJIET MAL-UE

1.  Jinnota r-riżultati tal-elezzjonijiet Presidenzjali fl-Ukraina; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-President futur biex jieħu approċċ ibbażat fuq ir-rendiment u jaħdem mal-gvern tal-Ukraina sabiex jitrawwem l-iżvilupp ta' mekkaniżmi demokratiċi, jitwettqu r-riformi politiċi u ekonomiċi neċessarji u titjieb l-istabilità u l-għaqda fil-pajjiż;

2.  Jilqa' l-istqarrija tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali Internazzjonali li tgħid li l-elezzjonijiet saru b'mod liberu u ġust skont il-valuri Ewropej u li l-impenji ġew issodisfati kollha; jinnota, madankollu, li tinħtieġ aktar ħidma biex jissolvew in-nuqqasijiet kollha msemmija fl-Istqarrija, sabiex tiġi żgurata d-demokrazija fl-Ukraina; jistieden lill-partiti politiċi kollha tal-Ukraina u lill-mexxejja tagħhom biex jaħdmu flimkien dwar it-tisħiħ tal-Ukraina;

3.  Jenfasizza li, flimkien mal-elezzjonijiet ħielsa, jeħtieġ li jinħoloq qafas legali xieraq, ċar u stabbli; jistieden lill-partijiet kollha biex jirrevedu l-liġi elettorali Ukraina u jadottaw il-bidliet li din teħtieġ, skont l-istandards internazzjonali, biex jinħoloq kodiċi elettorali unifikat qabel ma jsiru l-elezzjonijiet li jmiss;

4.  Jappella lill-Ukraina sabiex tieħu din l-opportunità biex iżżid l-isforzi interni tagħha biex issaħħaħ l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili u d-drittijiet tal-minoranzi u, b'mod partikolari, id-dritt għal edukazzjoni fil-lingwi tal-minoranzi, kif ukoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, riformi strutturali tal-finanzi pubbliċi u suq ħieles fil-pajjiż;

5.  Jistenna li l-Ukraina ttenni d-determinazzjoni tagħha li tkompli miexja fit-triq lejn l-integrazzjoni Ewropea, kif ukoll lejn il-kooperazzjoni qawwija mal-UE fiż-żona tal-viċinat taħt tas-Sħubija tal-Lvant u l-politiki tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed;

6.  Jitlob, fl-istess ħin, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jaffermaw mill-ġdid ir-rieda tal-Unjoni li tappoġġa l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina u tgħin lill-pajjiż biex jilħaq dan il-għan permezz ta' miżuri ekonomiċi u prattiċi, inklużi l-passi stipulati mill-Aġenda ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina u s-Sħubija tal-Lvant; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jibbażaw il-livell ta' dan l-appoġġ fuq il-prestazzjoni verifikata tal-tmexxija Ukraina fl-impożizzjoni tal-istat tad-dritt u r-riformi ekonomiċi;

IS-SĦUBIJA U L-ASSOĊJAZZJONI TAL-LVANT

7.  Jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġaw bis-sħiħ il-miżuri msemmija fis-Sħubija tal-Lvant, inklużi l-inizjattivi emblematiċi dwar l-immaniġġjar integrat tal-fruntieri u l-enerġija u Żona ta' Kummerċ Ħieles, bħala l-ewwel passi fi sħubija estensiva;

8.  Ifaħħar l-involviment tal-Parlament Ukrain mal-Assemblea Parlamentari Euronest, li dalwaqt se tiġi mnedija formalment biex tiskrutinja l-kooperazzjoni fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant u tiżgura l-effikaċja tal-attivitajiet parlamentari u l-implimentazzjoni tal-istandards u tal-prattiki tal-UE fl-Ukraina, fost affarijiet oħra;

9.  Jitlob li l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni tiġi implimentata bis-sħiħ bil-għan li n-negozjati għaliha jintemmu qabel l-2011;

10. Jitlob lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-programmi implimentati taħt il-Fond ta' Koeżjoni u fondi oħra Ewropej bil-għan li jiżdiedu l-kuntatti transkonfinali mal-Ukraina;

11. Jistieden lill-istati membri tas-Sħubija tal-Lvant biex isaħħu r-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi reċiproċi tagħhom biex itejbu l-approċċ multilaterali;

12. Jenfasizza l-importanza li tiżdied il-kooperazzjoni fuq skambji għaż-żgħażagħ u għall-istudenti u l-iżvilupp ta' programmi ta' boroż ta' studju li jippermettu lill-Ukraini biex jiffamiljarizzaw ruħhom ma' pajjiżi ħielsa u demokratiċi u mal-Unjoni Ewropea u biex jistabilixxu kuntatti internazzjonali, u b'hekk jitħalla impatt pożittiv fuq il-kooperazzjoni soċjoekonomika u kulturali bejn l-Ukraina u UE ħielsa u l-Istati Membri tagħha;

13. Jiddeplora ħafna d-deċiżjoni tal-President Viktor Yushchenko, li għadu kemm spiċċa mill-kariga, li jonora wara mewtu lill-Stepan Bandera, mexxej tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonalisti Ukraini (OUN) li kkollaborat mal-Ġermanja Nażista, bit-titlu ta' 'Eroj Nazzjonali tal-Ukraina'; jittama, f'dan ir-rigward, li t-tmexxija l-ġdida tal-Ukraina se terġa' tikkonsidra deċiżjonijiet ta' dan it-tip u żżomm l-impenn tagħha lejn il-valuri Ewropej;

L-INTEGRAZZJONI EKONOMIKA

14. Jitlob li tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-Ukraina u l-UE fl-isferi tal-kummerċ u tal-ekonomija, li ngħataw spinta tajba permezz tal-adeżjoni tal-Ukraina għall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, u jħeġġeġ liż-żewġ naħat biex jieħdu impenn aktar b'saħħtu għan-negozjati taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Estensiva u Komprensiva;

15. Jitlob li titjieb il-klima tan-negozju u tal-investiment fl-Ukraina, b'mod speċifiku permezz ta' progress rigward l-istat tad-dritt, ir-riforma tal-ġudikatura u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, għax dan ikun ta' benefiċċju kbir għar-relazzjonijiet ekonomiċi;

16. Iqis li ż-żieda fil-kooperazzjoni f'livell għoli bejn l-Ukraina u l-UE fil-qasam tal-enerġija hija vitali, u jħeġġeġ il-progress lejn il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija tal-Ukraina u l-integrazzjoni tiegħu fl-Ewropa;

17. Jisħaq dwar l-importanza li tkun żgurata sistema ta' tranżitu sikura, trasparenti u affidabbli bejn l-Ukraina u l-UE, u għaldaqstant jilqa' l-ftehim bejn l-Ukraina u r-Russja dwar il-miżati għat-tranżitu għall-2010; jitlob, madankollu, li ftehimiet ġejjiena jiġu konklużi ftit żmien sew qabel ma jidħlu fis-seħħ, biex ikunu evitati l-inċertezzi rigward il-provvisti tal-enerġija;

18. Jilqa' l-ftehim dwar il-finanzjament tal-UE għall-infrastruttura tal-gass Ukraina u jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni mill-UE dwar l-infrastruttura tal-enerġija Ukraina, bil-għan li l-Ukraina u l-UE jieħdu responsabilità konġunta għall-flussi u għat-tranżitu tal-gass u taż-żejt fi triqthom lejn l-UE;

19. Jistieden lill-Ukraina biex timplimenta u tirratifika b'mod sħiħ l-adeżjoni tagħha għat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija u biex b'ħeffa tadotta liġi ġdida dwar il-gass li tkun konformi mad-Direttiva 2003/55/KE tal-UE;

20. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Ukraina tkompli tagħmel riforma tas-suq intern tal-elettriku u tas-setturi l-oħra tal-enerġija tagħha biex tilħaq l-istandards Ewropej u tippermetti kompetizzjoni akbar;

21. Jenfasizza li Żona ta' Kummerċ Ħieles Estensiva u Komprensiva għandha tiżgura l-integrazzjoni gradwali tal-Ukraina fis-suq intern tal-UE billi jestendu l-erba' libertajiet għall-pajjiż;

22. Jilqa' l-intenzjoni li tinħoloq rappreżentazzjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) f'Kiev, u jisħaq dwar l-importanza li jikber aktar l-impenn tal-BEI fl-Ukraina;

IL-MOVIMENT ĦIELES

23. Jinnota l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar ir-riammissjoni u l-faċilitazzjoni tal-viżi, u jitlob li jkun hemm aktar djalogu biex il-ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi jiġi emendat bil-għan li, b'mod partikolari, jestendi l-kategoriji ta' ċittadini Ukraini li jibbenefikaw mill-ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi u biex jintużaw il-mezzi xierqa biex jiffaċilitaw il-proċedura ġenerali tal-viżi għal ċittadini Ukraini, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE dwar il-viżi;

24. Jistieden lill-Istati Membri sabiex japplikaw il-Kodiċi tal-Viża b'tali mod li l-applikazzjoni għall-viżi u l-ħruġ tagħhom isiru kemm jista' jkun malajr u faċilment għal dawk li japplikaw u biex kwalunkwe miżati oħra tal-ipproċessar jinżammu baxxi kemm jista' jkun; jistieden lill-Istati Membri kollha biex jirrispettaw il-ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi tal-Unjoni u biex joqogħdu lura milli jużaw kwalunkwe proċeduri mhux meħtieġa;

25. Jilqa' l-progress li sar lejn l-għan fit-tul li jiġi stabbilit reġim mingħajr viżi mal-Ukraina, u l-ħolqien ta' djalogu strutturat dwar il-viżi għal dan il-għan; jemmen li l-kisba ta' dan l-għan se tiffaċilita l-integrazzjoni akbar tal-Ukraina fl-istrutturi Ewropej;

26. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kunsill japprova, din is-sena, pjan direzzjonali għal vjaġġar mingħajr viżi fl-Ukraina, kif intalab fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Sħubija tal-Lvant; jistieden lill-Kunsill biex jinkariga lill-Kummissjoni, fil-ġejjieni qarib, sabiex twettaq reviżjoni tal-ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi mal-Ukraina, bil-għan li jitneħħew l-ispejjeż kollha tal-viżi, bi qbil mal-Artikolu 14(4) tal-ftehim u t-tieni pass tal-Patt għall-Mobilità u s-Sigurtà;

27. Jitlob lill-Kummissjoni biex taħden mal-Istati Membri u mal-Ukraina biex jitħejjew miżuri speċjali sabiex jiġu introdotti fir-rigward tal-Kampjonat tal-Futbol Ewropew 2012, bil-għan li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar għad-detenturi tal-biljetti;

o

o       o

28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, u lill-gvern u l-parlament tal-Ukraina.