Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0122/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0122/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina

17.2.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà/il-Viċi President tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Rebecca Harms and Werner Schulz f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0116/2010

Proċedura : 2010/2525(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0122/2010
Testi mressqa :
B7-0122/2010
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0122/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-OSCE tat-18 ta' Jannar 2010 dwar ir-riżultat tal-ewwel ċiklu tal-elezzjonijiet presidenzjali,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-OSCE tas-7 ta' Frar 2010 dwar is-sejbiet preliminari u l-konklużjonijiet tat-tieni ċiklu tal-elezzjonijiet presidenzjali,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta adottata mill-partijiet fis-Samit UE-Ukraina li sar f'Kiev fl-4 ta' Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit ta' Praga tas-Sħubija tal-Lvant tas-7 ta' Mejju 2009,

–   wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina, adottata mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Ukraina f'Ġunju 2009, li tissostitwixxi l-Pjan ta' Azzjoni UE-Ukraina,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI)[1],

–   wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Nazzjonali 2011-2013 għall-Ukraina,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Missjoni Internazzjonali għall-Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, l-assemblei parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, l-OSCE, in-NATO u l-Uffiċċju tal-OSCE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) ikkonkludew li l-ewwel ċiklu tal-elezzjonijiet presidenzjali li sar fis-17 ta' Jannar 2010 ssodisfa l-maġġoranza tal-impenji tal-OSCE u tal-Kunsill tal-Ewropa; billi anki t-tieni ċiklu kkonferma l-evalwazzjoni tal-ewwel ċiklu,

B.  billi dawn l-elezzjonijiet urew progress u titjib sinifikanti meta mqabbla ma' elezzjonijiet preċedenti, b'mod partikolari fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet ċivili u politiċi, inkluża l-libertà ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni; billi jiem l-elezzjonijiet saru b'mod korrett u effiċjenti,

C. billi ċertu nuqqasijiet ġew madankollu identifikati, b'mod partikolari fir-rigward tal-midja, li kienet suġġetta għal pressjoni finanzjarja kbira u pressjoni minn interessi ekonomiċi u wriet xaqliba editorjali li rriflettiet l-opinjonijiet politiċi tas-sidien tagħha, u fir-rigward tal-aċċess ta' partiti żgħar għall-midja,

D.  billi l-atmosfera tal-kampanja elettorali tat-tieni ċiklu kienet affettwata b'mod negattiv minn akkużi reċiproċi ta' frodi u emendi tal-aħħar minuta għal-liġi dwar l-elezzjoni,

E.  billi għalkemm l-organizzazzjonijiet mhux governattivi ma tħallewx uffiċjalment josservaw l-elezzjonijiet, il-preżenza ta' osservaturi domestiċi u internazzjonali żiedet b'mod sinifikanti t-trasparenza matul il-proċess elettorali u waqt il-jum tal-votazzjoni,

F.  billi l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina huma riflessi għal kollox fl-Aġenda ta' Assoċjazzjoni bil-għan li titħaffef l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni li issa qed tiġi nnegozjata; billi dan il-ftehim il-ġdid jipprovdi l-qafas għal relazzjonijiet aktar b'saħħithom u eqreb u jiftaħ it-triq għall-integrazzjoni ulterjuri tal-Ukraina fil-politiki komuni tal-UE u għaż-żieda fil-kooperazzjoni politika,

G.  billi r-relazzjonijiet UE-Ukraina għamlu in ġenerali progress sostanzjali f'dawn l-aħħar snin, u b'mod partikolari fl-oqsma tal-politika barranija u tas-sigurtà u fi kwistjonijiet kummerċjali, finanzjarji u ekonomiċi; billi hemm bżonn ta' progress ulterjuri fl-oqsma tal-enerġija u tal-ambjent,

H.  billi s-Sħubija tal-Lvant, sabiex tkun ta' suċċess u tikkontribwixxi għall-iżvilupp paċifiku, l-istabilità u l-prosperità tal-ġirien Ewropej kollha, trid tkun ibbażata fuq proġetti prattiċi u kredibbli; billi l-Ukraina għandha rwol kruċjali u strateġiku f'dan ir-rigward,

1.  Jifraħ lill-poplu tal-Ukraina talli vvota f'numri kbar u esprima liberament ir-rieda tiegħu, biex b'hekk wera xewqa kbira li jipparteċipa u jiddeċiedi dwar it-triq li għandu jieħu pajjiżhom; jinnota li l-firxa wiesgħa ta' kandidati, li rrappreżentaw opinjonijiet politiċi alternattivi matul l-elezzjonijiet presidenzjali, offriet għażla lill-poplu tal-Ukraina;

2.  Jinnota r-riżultat tal-elezzjonijiet, jifraħ lill-President il-ġdid u jistenna li huwa jerġa' jikkonferma u jsaħħaħ id-determinazzjoni tal-Ukraina li tkompli fit-triq tagħha lejn l-integrazzjoni Ewropea u r-riforma demokratika, kif ukoll li tfannad u ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-UE fiż-żona tal-viċinat fir-rigward b'mod partikolari s-Sħubija tal-Lvant u l-politiki tas-Sinerġiji tal-Baħar l-Iswed; jemmen f'dan ir-rigward li l-kooperazzjoni bejn il-President u l-Prim Ministru tal-Ukraina u d-djalogu mal-oppożizzjoni huma estremament importanti sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet u titħeġġeġ l-istabilità politika u ekonomika fil-pajjiż;

3.  Jilqa' l-fatt li l-elezzjonijiet presidenzjali kienu saru b'mod sodisfaċenti, bi qbil mal-istandards elettorali internazzjonali, u jinnota li l-Ukraina miexja bil-mod il-mod lejn demokrazija li kull ma tmur dejjem qed timmatura b'tali mod li lesta tieħu r-rwol tagħha fuq il-Kontinent f'konformità mal-aspirazzjonijiet Ewropej;

4.  Jieħu nota tan-nuqqasijiet tal-elezzjonijiet identifikati mill-Missjoni Internazzjonali għall-Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet relevanti fl-Ukraina biex ifasslu kodiċi elettorali ċar li jiġi implimentat b'bona fidi u b'mod mhux restrittiv; jitlob b'urġenza għal iktar trasparenza fl-iffinanzjar tal-partiti politiċi u jitlob għal iżjed iffinanzjar trasparenti tal-kampanji elettorali matul il-perjodu ta' qabel l-elezzjonijiet sabiex jiġi evitat l-użu ħażin tar-riżorsi amministrattivi għall-qligħ personali; jistieden lill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali biex tindirizza l-ilmenti mressqa mill-kandidati b'mod trasparenti u biex tipprovdi rimedji effikaċi permezz ta' deċiżjonijiet formali;

5.  Jitlob lill-awtoritajiet Ukraini, filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-Ukrania rratifikat il-'Konvenzjoni ta' Qafas għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali' u l-'Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji' tal-Kunsill tal-Ewropa biex jagħmlu sforzi akbar biex jilħqu lill-komunitajiet minoritarji fl-Ukraina billi jipproduċu materjal tal-kampanji f'lingwi minoritarji u biex jinvolvu lil dawn il-komunitajiet b'mod aktar sħiħ fi kwalunkwe żvilupp politiku fil-pajjiż;

6.  Jilqa' t-titjib sinifikanti fil-libertà tal-espressjoni u l-ambjent tal-midja pluralistiku fl-Ukraina, li offra lill-votanti informazzjoni sinifikanti dwar il-kandidati presidenzjali ewlenin u l-programmi elettorali tagħhom; jitlob li ssir reviżjoni tal-liġi elettorali biex jiġi żgurat aċċess aktar ġust u ugwali għall-midja għall-kandidati kollha li jipparteċipaw fil-proċessi elettorali fil-futur;

7.  Jisgħobbih dwar l-adozzjoni mill-Werkhovna Rada tal-emendi ferm kontroversjali għal-liġi elettorali presidenzjali proposti mill-Partit tar-Reġjuni ftit jiem biss qabel it-tieni ċiklu, anki jekk din l-azzjoni ma dehritx li kellha impatt sinifikanti fuq il-kondotta ta' jum l-elezzjoni;

8.  Jittama li r-riżultat ta' dawn l-elezzjonijiet iwassal għal impenn politiku aktar fil-fond biex jissaħħaħ id-djalogu politiku u biex jitwettqu r-riformi kostituzzjonali u politiċi tant meħtieġa fl-Ukraina biex tiġi żgurata l-governanza stabbli u li taħdem tal-pajjiż; jiġbed l-attenzjoni, b'mod partikolari, għall-bżonn li jiġu adottati liġijiet bil-għan li tiżdied it-trasparenza tas-sistema politika fir-rigward, b'mod partikolari, tar-relazzjonijiet bejn in-negozju u l-politika, u li tiġi indirizzata l-mistoqsija tal-kunflitti tal-interessi;

9.  Jilqa' l-appoġġ attiv tal-Ukraina għas-Sħubija tal-Lvant u l-Assemblea Parlamentari Euronest u l-impenn tagħha li tikkonsolida l-isforzi tagħha biex jiġi żgurat li jkun hemm aktar demokrazija, l-istat tad-dritt, rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll għall-ekonomija tas-suq, l-iżvilupp sostenibbli u governanza tajba f'dan il-kuntest;

10. Iħeġġeġ lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jimxu mal-wegħdiet tal-UE u jindirizzaw l-aspettattivi tal-poplu Ukrain li qed jistennew iżjed u iżjed mill-UE biex tipprovdi iżjed opportunitajiet speċifiċi ħalli tiġi integrata iżjed politikament, ekonomikament u soċjalment fl-istrutturi u l-politiki Ewropej, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli u tħaffef in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li jservu biex jgħinu lill-Ukraina fl-approssimazzjoni gradwali tagħha lejn l-UE fuq il-bażi ta' responsabilità konġunta u sjieda konġunta miż-żewġ partijiet; jitlob lill-Kummissjoni biex tikkonforma mill-qrib l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni mal-Programm Indikattiv Nazzjonali 2011-13;

11. Iħeġġeġ lill-pajjiżi ġirien kollha biex jirrispettaw b'mod sħiħ l-għażliet demokratiċi u ħielsa tal-poplu Ukrain u jżommu lura minn kwalunkwe pressjoni jew interferenza mmirata biex tbiddel ir-rieda demokratika tal-Ukraina u kwalunkwe deċiżjoni meħuda minnha rigward l-iżvilupp politiku, soċjali u ekonomiku tagħha;

12. Jinnota li l-implimentazzjoni tal-ftehim għad-dħul mill-ġdid u għall-faċilitazzjoni tal-viżi għamlet progress imma mingħajr riżultat; jenfasizza li hemm bżonn ta' sforzi ulterjuri ħalli jitjiebu dawn il-ftehimiet issa fir-rigward, b'mod partikolari, tat-twessigħ tal-kategoriji taċ-ċittadini Ukraini li jgawdu mill-ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viżi u biex jinstabu soluzzjonijiet xierqa biex titħaffef il-proċedura ġenerali tal-viżi għaċ-ċittadini Ukraini minħabba l-leġiżlazzjoni KE dwar il-viżi;  

13. Jitlob lill-Istati Membri biex japplikaw il-Kodiċi tal-Viżi b'tali mod li l-applikazzjonijiet u l-ħruġ ta' viżi jsiru kemm jista' jkun malajr u faċli għall-applikanti, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrispettaw il-ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viżi tal-Unjoni u jibqgħu lura minn kwalunkwe proċedura mhux meħtieġa;

14. Jilqa' l-ħolqien ta' djalogu strutturat dwar il-viżi bejn l-UE u l-Ukraina bil-għan li jitwaqqaf reġim ħieles mill-viżi u jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-bżonn li jiġi definit pjan direzzjonali favur vjaġġar ħieles mill-viżi għall-Ukraina, kif mitlub mill-Komunikazzjoni dwar is-Sħubija tal-Lvant, li trid tiġi approvata din is-sena mill-Kunsill; jitlob lill-Kunsill biex jagħti mandat lill-Kummissjoni, fuq perjodu ta' żmien qasir, ħalli tikkonkludi reviżjoni tal-ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viżi mal-Ukraina sabiex tneħħi l-ispejjeż kollha tal-viżi, bi qbil mal-Artikolu 14(4) tal-ftehim u biex tintroduċi t-tieni pass tal-Patt għall-Mobilità u s-Sigurtà;

15. Jinnota li l-Ukraina għamlet progress sinifikanti biex tissodisfa l-impenji tagħha ta' ħlas lir-Russja għax-xiri tal-gass u biex tevita theddid għat-tranżitu tal-provvisti tal-gass lil pajjiżi Ewropej differenti li jiddependu fuq gass naturali Russu mgħoddi mill-Ukraina; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukraini biex jimmodernizzaw is-settur tal-gass tagħhom ħalli jiżguraw li dan in-netwerk jaħdem b'mod trasparenti u li wieħed jista' joqgħod fuqu;

16. Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi l-għajnuna teknika neċessarja sabiex titjieb b'mod radikali l-effiċjenza tal-enerġija tan-netwerk ta' distribuzzjoni tal-elettriku tal-Ukraina u biex tiżdied il-kooperazzjoni fir-rigward tar-riforma tas-settur tal-gass sabiex jiġi konformi mal-istandards tal-UE; jitlob għal appoġġ konsistenti Ewropew għal strateġija Ukraina biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u biex tiżdied l-effiċjenza tal-enerġija, bħala l-aħjar mezz biex jitnaqqsu l-infiq fuq il-gass u d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern u l-Parlament tal-Ukraina u lill-Assemblei Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-OSKE u tan-NATO.