MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Bjelorussja
3.3.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Tannock, Michał Tomasz Kamiński, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Paweł Robert Kowal, Konrad Szymański, Adam Bielan, Marek Henryk Migalski, Mirosław Piotrowski f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0134/2010
B7‑0134/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Bjelorussja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja, b’mod partikolari dik tat-2 ta’ April 2009 dwar l-evalwazzjoni biennali tad-djalogu bejn l-UE u l-Bjelorussja[1],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Diċembru 2008 rigward Is-Sħubija tal-Lvant (COM(2008)0823),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar is-Sħubija tal-Lvant li ħareġ il-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tad-19 u l-20 ta’ Marzu 2009 u d-dikjarazzjoni konġunta li ħarġet fis-Samit tas-Sħubija tal-Lvant ta' Praga tas-7 ta' Mejju 2009,
– wara li kkunsidra l-istqarrija dwar is-Sħubija tal-Lvant li ħareġ il-Kunsill Ewropew waqt il-laqgħa tiegħu tal-10 u l-11 ta’ Diċembru 2009,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura,
A. billi l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar imposti fuq ċerti uffiċjali tal-Gvern Bjelorussu, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2009/314/CFSP, ġiet sospiża sa Ottubru 2010,
B. billi l-Unjoni tal-Pollakki fil-Bjelorussja (UPB) immexxija minn Andzelika Borys mhijiex rikonoxxuta uffiċjalment mill-awtoritajiet Bjelorussi, li jappoġġjaw b’mod attiv l-organizzazzjoni rivali li għandu l-istess isem immexxi minn Stanisław Siemiaszko,
C. billi fit-8 ta’ Frar 2010 id-Dar Pollakka f’Ivyanets, immexxija mill-UPB, ittieħded bil-forza f’idejn il-pulizija Bjelorussa u ngħatat f’idejn l-organizzazzjoni tas-Sur Siemiaszko; billi fl-10 ta’ Frar 2010, waqt il-protesta b’difiża tad-Dar Pollakka f’Ivyanets, madwar 40 attivist tal-UPB ġew miżmuma arrestati u kkundannati għal żmien ta’ priġunerija u immultati,
D. billi fis-17 ta’ Frar 2010, wara proċess quddiem il-qorti mmexxi bi vjolazzjoni ċara ta’ kull proċess dovut rikonoxxut, il-qorti Bjelorussa fid-Distrett ta’ Valozhyn iddefendiet l-azzjoni tal-pulizija u kkonfermat l-għoti tad-Dar Pollakka f’Ivyanets f’idejn l-organizzazzjoni mmexxija mis-Sur Siemiaszko; billi ħafna membri tal-UPB li kienu qed jippruvaw jaslu l-qorti ġew miżmuma arrestati fi triqithom jew ġew imċaħħda milli jidħlu fil-kamra tal-qorti waqt is-seduta,
E. billi l-qorti fi Grodno ikkundannat lil Polonica, kumpanija li torganizza korsijiet tal-lingwa Pollakka għal aktar minn 400 tifel u tifla fil-Bjelorussja, biex tħallas multa ta’ USD 25 000; billi din id-deċiżjoni, li fil-prattika se twassal għal-likwidazzjoni tal-kumpanija mmexxija minn Andzelika Borys, kienet ir-riżultat ta' proċess tal-qorti li kien difettuż u inġust,
F. billi l-azzjonijiet tal-awtoritajiet Bjelorussi bil-għan li tinbidel it-tmexxija tal-UPB u l-ikkonfiskar tal-propjetà tagħha jmorru kontra d-dikjarazzjoni maħruġa mis-Samit tas-Sħubija tal-Lvant fi Praga – u ffirmata mill-Bjelorussja – fis-7 ta’ Mejju 2009,
G. billi, minkejja talbiet urġenti li saru ripetutament mill-Gvern Pollakk, il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, Catherine Ashton, ma ħarġitx l-istqarrija tagħha sa ġimgħa wara li seħħl-inċident,
H. billi l-Pollakki etniċi huma stmati li jimmontaw għal 400 000 ruħ mill-popolazzjoni totali tal-Bjelorussja ta’ 10 miljuni,
I. billi l-awtoritajiet Bjelorussi qed ikomplu jrażżnu bil-qawwa l-oppożizzjoni, jiżbandaw ralis paċifiċi u jattakkaw lill-dawk li jkunu qed jipprotestaw,
J. billi l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Bjelorussu, Syarhei Martynau, iddikjara li 'l-Bjelorussja għandha fehma pożittiva rigward il-parteċipazzjoni fl-Inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant', filwaqt li żied jgħid li l-Bjelorussja għandha l-ħsieb li tipparteċipa f’dik l-inizjattiva,
K. billi d-delegazzjoni Bjelorussa għall-Assemblea Parlamentari tas-Sħubija tal-Lvant se tkun tikkonsisti f’10 osservaturi mill-oppożizzjoni politika u s-soċjetà ċivili,
L. billi s-sħubija tal-Parlament Bjelorussu fil-Euronest ġiet sospiża minħabba li mhijietx rikonoxxuta la mill-Parlament Ewropew, la mill-OSCE u l-anqas mill-Kunsill tal-Ewropa,
M. billi, hekk kif l-elezzjonijiet għall-Parlament Bjelorussu jkunu ħielsa, ġusti, demokratiċi u rikonoxxuti bħala leġittimi mill-Parlament Ewropew, membri tal-Parlament Bjelorussu se jiġu mistiedna biex jingħaqdu mal-Assemblea Parlamentari tal-Euronest u jipparteċipaw fl-attivitajiet tagħha,
N. billi fl-1 ta’ Frar 2010 Alexander Lukashenko ffirma digriet li jimponi ċensura tal-Internet, li stabbilixxa ‘ċentru ta’ analiżi’ li jkun jista’ jimmoniterja l-Internet u jitlob bi dritt li l-fornituri tas-servizz jimblukkaw l-aċċess fi żmien 24 siegħa għal kwalunkwe websajt li ċ-ċentru jispeċifika, u b’hekk il-Bjelorussja tiġi tixbah lil pajjiżi bħaċ-Ċina, il-Korea ta' Fuq u l-Iran,
O. billi, wara sentejn ta’ xandir, TV Belsat huwa l-għajn indipendenti prinċipali ta’ tagħrif għall-Bjelorussi u l-uniku xandar bit-televiżjoni li jittrasmetti firxa sħiħa ta’ programmi bil-lingwa Bjelorussa, u qiegħed jiġbed għadd dejjem akbar ta’ telespettaturi regolari fil-Bjelorussja,
1. Jikkundanna bil-qawwa l-azzjonijiet tal-awtoritajiet Bjelorussi kontra membri tal-organizzazzjoni li tirrappreżenta l-minoranza nazzjonali Pollakka u jtenni t-talba tiegħu biex il-Bjelorussja tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet taċ-ċittadini tagħha kollha kemm huma;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-proċessi quddiem il-qorti mmotivati politikament u d-dipendenza li tidher li għandha l-ġudikatura fuq l-eżekuttiv Bjelorussu; jistieden, f’dan ir-rigward, lill-qrati tal-appell biex iwarrbu d-deċiżjoni li d-Dar Pollakka f’Ivyanets tiġi mogħtija f’idejn l-organizzazzjoni tas-Sur Siemiaszko u d-deċiżjoni li Polonika tiġi mmultata USD 25 000;
3. Huwa tal-fehma li l-livell tal-koperazzjoni tal-UE mal-awtoritajiet Bjelorussi għandu jkun marbut direttament mal-livell tar-rispett għad-drittijiet tal-bnieden fil-Bjelorussja;
4. Jistieden lill-Kunsill biex iqis jekk għandu jdaħħal mill-ġdid l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar imposti fuq ċerti uffiċjali tal-Gvern Bjelorussu u għandux jimponi aktar sanzjonijiet fuq l-awtoritajiet Bjelorussi li ma jkunux jaffettwaw lill-popolazzjoni ġenerali;
5. Isemma’ t-tħassib tiegħu dwar l-istqarrija dgħajfa u li saret tard tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà dwar ir-ripressjoni tal-minoranza nazzjonali Pollakka, u jistieden lil Catherine Ashton biex iżżid l-involviment tagħha fil-moniteraġġ tal-iżviluppi fil-Bjelorussja;
6. Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni mill-awtoritajiet Bjelorussi li jillimitaw l-aċċess għall-Internet;
7. Itenni t-talba tiegħu biex l-awtoritajiet Bjelorussi jiggarantixxu l-ħelsien tal-midja, il-ħelsien tal-assoċjazzjoni u tal-assemblea, il-ħelsien tar-reliġjon għal dawk il-knejjes li mhumiex il-Knisja Ortodossa tal-Bjelorussja, u drittijiet u libertajiet politiċi oħra;
8. Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħtu appoġġ finanzjarju lil TV Belsat u jħeġġeġ lill-Gvern Bjelorussu biex lix-xandar jirreġistrah uffiċjalment fil-Bjelorussja;
9. Jemmen li elezzjonijiet ħielsa u ġusti huma ġebla tax-xewka tad-demokrazija, u li sakemm ikunu għadhom ma sarux elezzjonijiet bħal dawn fil-Bjelorussja l-Parlament Bjelorussu m'għandux jitqies bħala wieħed leġittimu mill-Unjoni Ewropea; itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja biex iwettqu riforma mill-qiegħ tal-leġiżlazzjoni elettorali skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSCE/ODIHR, bil-għan li jiżguraw elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti fil-ġejjieni; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà biex ma tinvolvi ruħha fl-ebda koperazzjoni ma’ membri tal-Parlament Bjelorussu sakemm ikunu għadhom ma seħħewx elezzjonijiet bħal dawn, u biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha mal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili Bjelorussi;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblej Parlamentari tal-OSCE u l-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarjat tal-Commonwealth ta’ Stati Indipendenti u lill-Gvern tal-Bjelorussja.
- [1] Testi adottati, P6_TA(2009)0212.