Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0138/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0138/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet Goldstone dwar l-Iżrael/il-Palestina

3.3.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni u mill-Kunsill
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Véronique De Keyser, Adrian Severin, Hannes Swoboda, Richard Howitt, Proinsias De Rossa, Olga Sehnalová, María Muniz De Urqiza, Robert Goebbels f’isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0136/2010

Proċedura : 2010/2557(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0138/2010
Testi mressqa :
B7-0138/2010
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0138/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet Goldstone dwar l-Iżrael/il-Palestina

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani, b’mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2009 dwar is-sitwazzjoni fil-Medda ta’ Gaża,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-5 ta' Novembru 2009 u tas-26 ta' Frar 2010,

–   wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-Segwitu għar-rapport tal-Missjoni ta' Tiftix tal-Fatti tan-Nazzjonijiet Uniti tal-4 ta' Frar 2010 dwar il-Kunflitt f'Gaża,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni ta’ Tiftix tal-Fatti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kunflitt f'Gaża, immexxija mill-Imħallef Richard Goldstone, tal-15 ta’ Settembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi matul l-attakk militari Iżraeljan fil-Medda ta' Gaża li seħħ, wara attakki bil-missili fin-Nofsinhar tal-Iżrael, mis-27 ta' Diċembru 2008 sat-18 ta' Jannar 2009, aktar minn 1 400 Palestinjan, li l-biċċa l-kbira minnhom kienu ċivili, fosthom bosta nisa u tfal, kif ukoll 13-il Iżraeljan, inqatlu u partijiet ewlenin mill-infrastruttura ċivili, inklużi faċilitajiet agrikoli u industrijali, inqerdu fiż-żona,

B.  billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU, fir-riżoluzzjoni tagħha tal-5 ta' Novembru 2009, stiednet lill-Gvern ta' Iżrael jieħu l-miżuri xierqa kollha, fi żmien tliet xhur, biex isiru investigazzjonijiet li jkunu indipendenti, kredibbli u konformi mal-istandards internazzjonali, dwar il-vjolazzjonijiet serji tad-dritt umanitarju internazzjonali u tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li ġew irrappurtati mill-Missjoni ta' Tiftix tal-Fatti tan-NU dwar il-Kunflitt f'Gaża,

C. billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU, fl-istess riżoluzzjoni, ħeġġet li min-naħa Palestinjana, fi żmien tliet xhur, isiru investigazzjonijiet li jkunu indipendenti, kredibbli u konformi mal-istandards internazzjonali, dwar il-vjolazzjonijiet serji tad-dritt umanitarju internazzjonali u tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, li ġew irrappurtati mill-Missjoni ta' Tiftix tal-Fatti msemmija hawn fuq,

D. billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU talbet lis-Segretarju Ġenerali tan-NU jagħmel rapport dwar l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni tagħha bil-għan li tikkunsidra aktar azzjoni, jekk ikun meħtieġ, mill-korpi u l-entitajiet rilevanti tan-NU, inkluż il-Kunsill tas-Sigurtà; billi s-Segretarju Ġenerali ppreżenta r-rapport tiegħu fl-4 ta' Frar 2010,

E.  billi fir-riżoluzzjoni tagħha tas-26 ta' Frar 2010, l-Assemblea Ġenerali tan-NU, tenniet l-istedina tagħha kemm lill-Iżrael kif ukoll lill-Palestina biex jagħmlu investigazzjonijiet kredibbli u talbet aktar rapporti fi żmien ħames xhur,

F.  billi l-awtoritajiet militari u ċivili Iżraeljani nedew investigazzjonijiet - abbażi ta' tagħrif minn sorsi Izraeljani, Palestinjani u oħrajn - dwar 150 inċident separat, fosthom 36 investigazzjoni kriminali; billi ħafna minn dawn l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin,

G. billi Digriet Presidenzjali tal-25 ta' Jannar 2010 waqqaf kummissjoni indipendenti ta' investigazzjoni biex issegwi l-implimentazzjoni tar-Rapport Goldstone fuq in-naħa Palestinjana; billi l-kummissjoni bdiet il-ħidma tagħha matul l-aħħar ġimgħa ta' Jannar 2010,

H. billi l-investigazzjonijiet ta' segwitu għar-Rapport Goldstone u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport jista' jkollhom impatt kbir fuq l-isforzi favur il-paċi bejn l-Iżreaeljani u l-Palestinjani, kif ukoll fuq żviluppi politiċi interni fuq iż-żewġ naħat,

I.   billi l-embargo, li jirrappreżenta kastig kollettiv li jmur kontra d-dritt umanitarju internazzjonali, aggrava l-kriżi umanitarja fil-Medda ta' Gaża; billi t-tneħħija tal-imblokk u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-1.5 miljun ruħ li jgħixu fil-Medda ta' Gaża, kif ukoll il-ħelsien ta' Gilad Shalit, is-suldat Iżraeljan maqbud, huma aspetti ewlenin tal-isforzi li qed isiru bil-għan li jitnedew mill-ġdid in-negozjati sabiex tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani,

J.   billi l-appoġġ konsiderevoli tal-Unjoni Ewropea lill-Palestinjani kellu sehem importanti fit-tentattiv li jkun evitat diżastru umanitarju fil-Medda ta' Gaża; billi l-Unjoni Ewropea għadha tagħti, anke permezz tal-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Għajnuna u x-Xogħlijiet għar-Rifuġjati Palestinjani fil-Lvant Qrib (UNRWA), appoġġ finanzjarju u għajnuna umanitarja fiż-żona,

1.  Jerġa' jisħaq fuq l-importanza li tinkiseb paċi ġusta u dejjiema fil-Lvant Nofsani, u b'mod partikulari bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jenfasizza li r-rispett għad-dritt umanitarju internazzjonali u l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet kollha u fi kwalunkwe ċirkustanza, kif ukoll il-bini tal-fiduċja bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani huma partijiet essenzjali minn proċess ta' paċi li jwassal għal żewġ stati li jgħixu ħdejn xulxin fil-paċi u s-sigurtà;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi li saru mill-Assemblea Ġenerali tan-NU sabiex tkun żgurata r-responsabbiltà għall-vjolazzjonijiet kollha tad-dritt umanitarju internazzjonali u tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem matul il-kunflitt f'Gaża u jħeġġiġha tissokta b'dawn l-isfrozi;

3.  Jinsisti li l-investigazzjonijiet ta' segwitu għar-Rapport Goldstone iridu jkunu indipendenti, kredibbli u konformi mal-istandards internazzjonali; jistieden lill-partijiet konċernati kollha biex jagħmlu l-isforzi kollha possibbli sabiex dawn ir-rekwiżiti u l-istandards jiġu ssodisfati fl-investigazzjonijiet tagħhom, biex jippreżentaw rapport komprensiv dwar l-eżiti, u biex jimplimentaw b'mod sħiħ ir-riżultati inklużi fir-rapport tagħhom, kif ukoll biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Goldstone;

4.  Jisħaq fuq l-importanza tal-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet uffiċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-investigazzjonijiet ta' segwitu u fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Goldstone miż-żewġ partijiet; ifisser il-preokkupazzjoni tiegħu rigward l-attakki riċenti kontra NGOs involuti fl-elaborazzjoni tar-Rapport Goldstone u fl-investigazzjonijiet ta' segwitu, u jistieden lill-awtoritajiet taż-żewġ naħat biex ma jieħdu l-ebda azzjoni li jista' jkollha impatt negattiv fuq l-attivitajiet ta' dawn l-organizzazzjonijiet;

5.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jimmonitorjaw mill-qrib l-investigazzjonijiet ta' segwitu għar-Rapport Goldstone mill-partiijiet kollha kif ukoll l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport, kif ukoll biex jinsistu li l-investigazzjonijiet iridu jkunu indipendenti, kredibbli u konformi mal-istandards internazzjonali;

6.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jqisu l-eżiti tal-investigazzjonijiet ta' segwitu u tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Goldstone fir-relazzjonijiet tagħhom mal-partijiet kollha msemmija fir-Rapport;

7.  Iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex taħdem favur pożizzjoni komuni koerenti u b'saħħitha tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha f'dan il-kuntest;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Gvern Iżraeljan, lill-Knesset, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.