Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0139/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0139/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-diżastri naturali kbar fir-Reġjun Awtonomu ta' Madejra u fi Franza

3.3.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Giommaria Uggias u Marielle De Sarnez f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0139/2010

Proċedura : 2010/2580(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0139/2010
Testi mressqa :
B7-0139/2010
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0139/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-diżastri naturali kbar fir-Reġjun Awtonomu ta' Madejra u fi Franza

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat KE, u l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (COM(2005)0108) u l-pożizzjoni tal-Parlament tat-18 ta' Mejju 2006[1],

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem (COM(2009)82),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi d-diżastri naturali kbar li laqtu lil Madejra fl-20 ta' Frar u lil Franza fis-27 ta' Frar, b'xita eċċessiva u bla preċedenti, irwiefen qawwija u mewġ enormi, u li f'Madejra kkawża l-mewt ta' mill-inqas 48 ruħ, 32 għebu, 370 persuna spustata u madwar 70 ruħ midruba; u fi Franza, b'mod partikolari fl-erba' reġjuni Charente-Maritime, Vendée, Deux-Sèvres e Vienne, il-mewt ta' mill-inqas 51 ruħ, bosta nies li għebu u eluf ta' nies li sfaw bla dar,

B.  billi dan id-diżastru kkawża tbatija u danni psikoloġiċi irreparabbli lill-familji tal-vittmi u lill-popolazzjoni milquta,

C.  billi d-diżastru kkawża qerda fuq skala kbira, bi ħsarat sinifikanti lill-infrastrutturi pubbliċi - fosthom it-toroq, il-provvista tal-ilma, l-elettriku, l-impjanti sanitarji u t-telekomunikazzjonijiet - kif ukoll lill-bini privat, stabbilimenti kummerċjali, l-industriji, u r-raba' u għamel ukoll ħsara lill-wirt naturali u kulturali,

D. billi d-diżastru jirriskja li jipproduċi konsegwenzi ekonomiċi u soċjali fit-tul,

E.  billi jeħtieġ li ż-żoni milquta mid-diżastru jitnaddfu u jerġgħu jinbnew, kif ukoll jirkupraw il-potenzjal produttiv tagħhom u jiġu kkumpensati l-ispejjeż soċjali kkawżati mid-diżastru,

1.  Jesprimi l-mogħdrija u s-solidarjetà tiegħu mal-popolazzjonijiet milquta, partikolarment, jibgħat il-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi;

2.  Juri l-ammirazzjoni tiegħu lill-iskwadri ta' tiftix u salvataġġ li ħadmu ma waqfien biex isalvaw lin-nies u jillimitaw id-danni umani u materjali;

3.  Jinnota li l-ħsara kkawżata mid-diżastri naturali setgħet aktarx ġiet evitata, almenu parzjalment, u li dan imissu jagħti inċentiv biex jiġu żviluppati u implimentati politiki ta' prevenzjoni u leġiżlazzjoni adegwata fil-qasam tal-kostruzzjoni urbana ma' xatt il-baħar, il-bini ta' digi, kif ukoll fil-qasam tal-konservazzjoni u sfruttament adegwat tal-art, prattiki agrikoli u ta' foresterija sostenibbli u ġestjoni tar-riskji effikaċi;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi mill-aktar fis possibbli, malli l-Gvernijiet tal-Portugall u ta' Franza jkunu ppreżentaw it-talbiet tagħhom, l-azzjonijiet kollha meħtieġa għall-mobilitazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea bl-aktar mod urġenti u flessibbli u fl-akbar miżura possibbli, b'kunsidrazzjoni tal-ispeċifiċità tar-reġjuni Franċiżi kkonċernati u tal-fraġilità ta' Madejra billi hija reġjun insulari u ultraperiferiku, bil-għan li l-vittmi ta' dan id-diżastru jiġu megħjuna;

5.  Jistieden lill-Istati Membri biex jeżaminaw il-ħtieġa li jsiru investimenti fit-tul f'politiki ta' prevenzjoni ta' dawn id-diżastri u jiġu limitati l-ħsarat;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jappoġġaw lill-operaturi ekonomiċi milquta mid-diżastru, bħall-bdiewa, is-sajjieda u l-imprendituri tal-akkwakultura;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-gvern tar-Reġjun Awtonomu ta' Madejra.