Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0146/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0146/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-implimentazzjoni tar-Rapport Goldstone

3.3.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Kyriacos Triantaphyllides, Patrick Le Hyaric, Bairbre de Brún, Willy Meyer, Ilda Figueiredo f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0136/2010

Proċedura : 2010/2557(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0146/2010
Testi mressqa :
B7-0146/2010
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0146/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tar-Rapport Goldstone

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Karta tan-NU,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tal-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 dwar il-Protezzjoni ta' Ċivili fi Żmien ta' Gwerra,

   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2009/1860 tan-NU,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-ICJ dwar Opinjoni Konsultativa dwar il-Konsegwenzi Legali tal-Bini ta' Ħajt fit-Territorju Okkupat Palestinjan,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni ta’ Ġbir ta’ Fatti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Konflitt ta' Gaza, immexxija mill-Imħallef Richard Goldstone, tal-15 ta’ Settembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Iżrael ilu jokkupa t-territorji Palestinjani sa mill-1967; billi skont ir-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra Iżrael hu responsabbli għall-protezzjoni umanitarja tal-popolazzjoni ċivili kollha taħt l-okkupazzjoni tiegħu;

 

B.  billi l-istat ta' Iżrael għandu l-obbligu li jtemm il-vjolazzjonijiet tal-liġi internazzjonali (skont id-deċiżjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja),

 

C.  billi aktar minn 8,000 Palestinjan qed jinżamm fil-ħabsijiet ta' Iżrael,

 

D.  billi Iżrael qed isegwi politika ta' tkeċċija bil-forza minn Ġerusalem ta' Lvant permezz ta' ostakoli amministrattivi, pertubazzjonijiet ta' kuljum, qtugħ tal-ilma u l-qerda kontinwa tad-djar tagħhom;

 

E.  billi Iżrael qed ikompli l-politika tiegħu ta' kolonjalizzazzjoni tat-territorji Palestinjani bil-bini kontinwu ta' zoni ta' bini u l-estensjoni ta' dawk eżistenti, b'serq ta' art Palestinjana u bl-iskop li ssir bidla demografika de facto tal-popolazzjoni;

 

F.  billi Iżrael kompla bil-bini tal-ħajt, bl-imblukkar tat-territorji Palestinjani hekk li ħoloq zoni magħluqa u ħoloq sitwazzjoni ġdida fil-post,

 

G.  billi dan jikkostitwixxi vjolazzjoni kontinwa minn Iżrael tal-liġi internazzjonali kif konfermat mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja; skont l-Opinjoni Konsultativa dwar "Il-Ħajt", Iżrael "għandu l-obbligu li jieqaf minnufih mix-xogħol ta' kostruzzjoni tal-ħajt li qed jinbena fit-Territorju Okkupat Palestinjan, inkluż madwar u ġewwa Ġerusalem tal-Lvant, li jżarma minnufih l-istrutturi li jinsabu fihom, u li jirtira jew irendi bla effett minnufih l-atti leġiżlattivi u regolatorji kollha li jirrigwardawhom"; billi Iżrael qed ikompli bil-politika tiegħu ta' mblukkar u checkpoints fil-Palestina sabiex jostakola l-moviment ħieles u l-aċċess tal-Palestinjani, hekk li jaffettwa b'mod serju l-ħajja tagħhom ta' kuljum u jhedded il-mezzi ta' għajxien tagħhom;

 

H.  billi fis-27 ta' Diċembru 2008 Iżrael għamel offensiva militari fuq skala kbira kontra l-popolazzjoni Palestinjana fil-Gaza li damet sejra sat-18 ta' Jannar 2009 u kellha fil-mira ta għha nies civili u partijiet mill-infrastruttura ċivili; billi din ma kenitx l-ewwel darba li Iżrael wettaq ksur tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali kontra l-poplu Palestinjan;

 

I.  billi fl-offensiva militari tilfu ħajjithom aktar minn 1,400 Palestinjan, il-maġġoranza kbira tagħhom nies ċivili, inklużi ħafna nisa u tfal, kif ukoll 13-il Iżraeljani, kif ukoll sfaw feruti eluf ta' Palestinjani; billi fl-offensiva militari ta' Iżrael eluf ta' djar, skejjel, sptarijiet, bini komunali, toroq u infratsruttturi vitali sfaw immirati u meqruda; billi fl-istess perjodu mietu erba' Iżraeljani u mijiet sfaw feruti b'riżultat ta' sparar ta' rokits u kanuni minn Gaza lejn in-Nofsinhar ta' Iżrael;

 

J.  billi ksur tal-liġi internazzjonali umanitarja twettaq ukoll mill-Ħamas u minn gruppi oħrajn fuq Iżrael u fuq persuni ċivili Iżraeljani u Palestinjani,

 

K.  billi hemm provi li juru li Iżrael ħa fil-mira l-popolazzjoni ċivili u uża armi u munizzjon li suppost huma projbiti, bħal fosforu abjad, u kkawża għadd ta' vittmi u feriti speċifiċi,

 

L.  billi wara l-gwerra fil-Gaza u l-allegazzjonijiet ta' delitti serji kontra l-popolazzjoni ċivili, il-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'April 2009 ħatar Missjoni għall-Ġbir tal-Fatti bil-mandat li "tinvestiga l-vjolazzjonijiet kollha tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali li setgħu twettqu fi kwalunkwe żmien fil-kuntest tal-operazzjonijiet militari li tmexxew f’Gaża waqt il-perjodu tas-27 ta’ Diċembru 2008 sat-18 ta’ Jannar 2009, kemm jekk qabel, matul jew wara dan il-perjodu’,

 

M.  billi fid-29 ta' Settembru 2009 il-Kap tal-Missjoni għall-Ġbir tal-Fatti dwar il-Konflitt ta' Gaza, l-Imħallef Richard Goldstone, ippreżenta r-Rapport tal-Missjoni lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, li ddikjara li Iżrael kien wettaq f'Gaza vjolazzjonijiet tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali u naqas milli jirrispetta l-obbligi tar-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra, atti li huma delitti li għandhom jitressqu quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali,

 

N.  billi Iżrael irrifjuta li jikkopera mal-Missjoni għall-Ġbir ta' Fatti u caħad ir-rapport bl-akbar qawwa; billi l-Awtoritajiet Palestinjani ħatru kumitat ta' stħarriġ intern,

 

O.  billi fl-osservazzjonijiet finali tar-rapport tal-Missjoni għall-Ġbir tal-Fatti, l-artikolu 1876 jgħid li " Fit-twettiq tal-mandat tagħha, il-Missjoni kkunsidrat, bħala gwidi ewlenin, il-liġi internazzjonali ġenerali, il-liġi internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u dik umanitarja, u l-obbligi li dawn jimponu fuq l-Istati, l-obbligi li jimponu fuq atturi mhux Statali, u fuq kollox, id-drittijiet u l-jeddijiet li jagħtu lil persuni individwali. Dan bl-ebda mod ma jimplika l-ekwivalenza tal-pożizzjoni ta' Iżrael bħala Poter okkupanti ma' dik tal-popolazzjoni okkupata Palestinjana jew entitajiet li jirrapreżentawha. Id-differenzi fir-rigward tas-setgħa u l-kapaċità li tikkawża danni jew li tipproteġi, inkluż billi ssir ġustizzja meta jitwettqu vjolazzjonijiet, huma ovvji u la huma possibbli paraguni u lanqas ma huma meħtieġa. Li jeħtieġ attenzjoni u sforz ekwivalenti hija l-protezzjoni tal-vittmi skont il-liġi internazzjonali",

 

P.  billi xi Stati Membri rappreżentati fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU rrifjutaw r-rapport kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-UNHRC,

 

Q.  billi ma ntlaħaq ebda ftehim rigward it-tqegħid tar-rapport fuq l-aġenda tal-Assemblea Ġenerali tan-NU jew tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

 

R.  billi l-imblukkar tal-medda ta' Gaza qed jitkompla u mhux iħalli l-isforzi internazzjonali jassistu fir-rikostruzzjoni ta' Gaza; billi sena wara l-gwerra is-sitwazzjoni umanitarja tirrapreżenta katastrofi internazzjobnali,

 

S.  billi l-poplu Palestinjan għandu d-dritt li jiddetermina liberament is-sistema politika u ekonomika tiegħu li jgħix fil-paċi, il-liberta u s-sigurtà, fl-Istat proprju tiegħu; billi l-poplu Iżraeljan għandu d-dritt li jgħix fil-paċi u s-sigurtà; billi ż-żewġ popli għandhom dritt għall-ġustizzja skont il-liġi internazzjonali,

 

1.  Jilqa' bi pjaċir ir-rapport tal-Missjoni għall-Ġbir tal-Fatti dwar il-Konflitt ta' Gaza u jitlob li jiġu aċċettati immedjatament ir-riżultati tagħha mill-Istati Membri tal-UE u li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tagħha; jenfasizza li dawn ir-riżultati u rakkomandazzjonijiet jista' jkollhom impatt kbir fuq l-isforzi sabiex jinkiseb ftehim ta' paċi bbażat fuq is-soluzzjoni ta' żewġ stati; iqis li r-responsabilizzazzjoni tista' tikkontribwixxi għal soluzjoni paċifika tal-Konflitt fil-Lvant Nofsani; jistieden lill-UE sabiex ma tittollerax in-nuqqas ta' responsabilizzazzjoni min-naħa ta' Iżrael għal delitti mwettqa kontra l-popolazzjoni ċivili Palestinjana;

 

2.  Jitlob li tintemm l-okkupazzjoni minn Iżrael tat-Territorji Okkupati Palestinjani, jiġfieri x-Xatt tal-Punent u Gaza;

 

3.  Jikkundanna l-attakki kontra l-popolazzjoni ċivili minn kwalunwe naħa;

 

4.  Jitlob il-ħelsien tal-priġunieri kollha Palestinjani miżmuma illegalment fil-ħabs minn Iżrael;

 

5.  Jikkundanna l-politika tal-Gvern ta' Iżrael kontra l-poplu Palestinjan;

 

6.  Jikkundanna d-delitti mwettqa mill-militar ta' Iżrael kontra l-popolazzjoni ċivili f'Gaza, b'mod partikulari l-fatt li jiġu mmirati u jinqatlu nies ċivili, l-ikkastigar kollettiv, l-użu ta' armi u materjal li suppost hu pprojbit;

 

7.  Jikkundanna d-distruzzjoni mill-militar ta' Iżrael tal-infrastruttura fil-Gaza, b'mod partikulari infrastruttura marbuta mal-produzzjoni tal-ikel, is-saħħa u l-edukazzjoni, kif ukoll l-għeluq u l-projbizzjoni tal-moviment liberu li kkawżaw li s-sitwazzjoni umanitarja f'Gaza tmur għall-agħar;

 

8.  Jiddispjaċih għar-rifjut ta' Iżrael li jikkopera mal-Missjoni, kif ukoll li jwaqqaf kumitat ta' stħarriġ; jistieden lill-Iżrael sabiex jirreaġixxi b'mod pożittiv għat-talba reċenti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU li jwettaq investigazzjonijiet serji; jilqa' bi pjaċir il-ħatra tal-kumitat intern ta' stħarriġ Palestinjan u jistenna bil-ħerqa r-riżultati tiegħu;

 

9.  Jistieden lill-Ħamas sabiex jaċċetta l-konklużjonijiet relevanti tar-Rapport Goldstone, u jassumi r-responsabiltajiet tiegħu u jidħol għal djalogu politiku inklussiv;

 

10.  Jenfasizza l-importanza li tintlaħaq ir-rikonċiljazzjoni inter-Palestinjana u jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' konnessjoni ġeografika permanenti bejn il-Medda ta' Gaża u x-Xatt tal-Punent u r-riunifikazzjoni paċifika u dejjiema tagħhom;

 

11.  Jitlob lill-Istati Membri tal-UE kollha sabiex jappoġġaw il-preżentazzjoni tar-rapport lill-Assemblea Ġenerali tan-NU u b'hekk jinġieb quddiem l-ICC bl-iskop li jiġu proċessati dawk li wettqu delitti bħal dawk deskritti hawnfuq;

 

12.  Jenfasizza li l-politika tal-UE u ta' parteċipanti internazzjonali oħra li tingħata impunità lill-Iżrael għal vjolazzjonijiet tal-liġi internazzjonali u dik umanitarja internazzjonali falliet; jistieden lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex saflaħħar jiġbdu l-konklużjonijiet meħtieġa minn dan il-fatt; jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE sabiex jappoġġaw il-preżentazzjoni tar-rapport lill-Assemblea Ġenerali tan-NU;

 

13.  Jitlob li ma jkunx hemm ebda aġġornament għall-aħjar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael, fid-dawl tal-vjolazzjonijiet imwettqa minn Iżrael; Jerġa' jisħaq li l-iżvilupp tar-relazzjonijiet UE-Iżrael għandhom jiddependu ħafna mir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, (it-tmiem tal-kriżi umanitarja f'Gaza u fir-territorji Okkupati Palestinjani, impenn reali sabiex tinstab soluzzjoni paċifika komprensiva)

14.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jkomplux ifornu armi lill-Iżrael;

 

15.  Iqis li r-responsabilizzazzjoni tista' ttemm it-twettiq ta' delitti kontra l-popolazzjoni Palestinjana;

 

16.  Huwa impenjat attivament sabiex jippromwovi soluzzjoni negozjata, ġusta u paċifika għall-problema tal-Palestina abbażi tas-soluzzjoni ta' żewġ stati, it-twaqqif ta' stat Palestinjan indipendenti u vijabbli skont il-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalem tal-Lvant bħala belt kapitali, u l-akkomodazzjoni komprensiva tar-refuġjati Palestinjani kollha abbażi tar-Riżoluzzjoni tan-NU 194;

 

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kwartett, lill-Gvern Iżraeljan, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, lill-Knesset u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.