Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0149/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0149/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-investiment fl-iżvilupp ta' teknoloġiji b'livell baxx ta' karbonju (SET-Plan)

3.3.2010

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B7‑0011/2010 u B7‑0012/2010
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Herbert Reul, Maria Da Graça Carvalho, Romana Jordan Cizelj f'isem il-Grupp PPE-DE
Giles Chichester f'isem il-Grupp ECR


Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0149/2010
Testi mressqa :
B7-0149/2010
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0149/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-investiment fl-iżvilupp ta' teknoloġiji b'livell baxx ta' karbonju (SET-Plan)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2008,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Investiment fl-Iżvilupp ta’ Teknoloġiji b’livell baxx ta’ Karbonju (SET-Plan) (COM(2009)0519) u l-Karti ta' Ħidma li jfasslu il-pjanijiet direzzjonali għat-teknoloġija 2010-2020 għall-implimentazzjoni tas-SET-Plan (SEC(2009)1295) u l-investiment tar-riċerka u l-iżvilupp fit-teknoloġiji prijoritarji (SEC(2009)1296),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008 dwar il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (2008/2005(INI))[1],

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1982/2006/KE tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013)[2],

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1639/2006/KE tal-24 t'Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013)[3],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 663/2009 tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija[4],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE[5],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra[6],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2007 dwar il-Politika tal-Enerġija għall-Ewropa, li tiddefinixxi l-objettivi ewlenin tal-UE għall-enerġija bħala s-sostenibilità, il-kompetittività u s-sigurtà tal-enerġija (COM(2007)0001),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar ir-riżultat tal-Konferenza ta' Kopenħagen dwar il-Bidla fil-Klima (COP 15)[7],

–– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tat-12 ta' Frar 2010 dwar l-investiment fl-iżvilupp ta' teknoloġiji b'livell baxx ta' karbonju (SET-Plan) (O-0015/2010 – B7‑0011/2010, O-0016/2010 – B7‑0012/2010),

 

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni Ewropea huwa biss jekk iżżid l-isforzi tagħha biex tiżviluppa portafoll ta' teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli b'livell baxx ta' karbonju li jkollhom prezz raġjonevoli, u jkunu nodfa, effiċjenti u sostenibbli, li tista' tikseb l-objettiv tagħha għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra b'20%, u bi 30% f'każ ta' ftehim internazzjonali, billi jonqos il-konsum tal-enerġija b'20% u tintlaħaq ċifra ta' mill-inqas 20% tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli sal-2020,

B.  billi dawn it-teknoloġiji jistgħu jkunu parti mis-soluzzjoni biex jiġu indirizzati kif xieraq l-isfidi tal-bidla fil-klima, biex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija fl-UE u biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-ekonomiji tagħna,

C. billi l-baġits pubbliċi u privati għar-riċerka fl-enerġija naqsu mis-snin 80; billi l-livell attwali ta' riżorsi mhuwiex kompatibbli mal-iskala tal-isfidi fiċ-ċaqliqa lejn sistema tal-enerġija sostenibbli b'livell baxx ta' karbonju,

D. billi l-finanzjament jikkostitiwixxi waħda mill-ikbar sfidi biex titkompla l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija fl-UE,

E.  billi fil-qasam tas-sitt Inizjattivi Industrijali Ewropej (EIIs), il-Kummissjoni tidentifika bżonn ta' investiment pubbliku u privat tul l-10 snin li ġejjin ta' EUR 6 biljuni għall-enerġija mir-riħ, EUR 16-il biljun għall-enerġija mix-xemx, EUR 2 biljuni għan-netwerks tal-elettriku, EUR 9 biljuni għall-bijoenerġija, EUR 13-il biljun għall-Qabda u l-Ħażna tal-Karbonju (CCS), EUR 7 biljuni għall-fissjoni nukleari u EUR 5 biljuni għall-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta (JTI) dwar iċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu,

F.  billi s-SET-Plan għandu l-objettiv u l-potenzjal li jagħmel mill-UE ekonomija innovattiva, u b'hekk joħloq eluf ta' impjiegi ġodda ta' sengħa fl-10 snin li ġejjin u jmexxi 'l quddiem settur industrijali li qed jikber malajr,

G. billi l-bidla li hemm bżonn urġenti tagħha fil-paradigma tal-enerġija teħtieġ li jittieħed approċċ ta' qsim tar-riskju, li fih l-atturi rilevanti kollha, pubbliċi u privati, għandhom jieħdu parti mir-riskju, li jimplika l-bżonn ta' appoġġ finanzjarju pubbliku ikbar, iżda wkoll il-bżonn li l-industrija, il-banek u l-investituri privati jieħdu riskji teknoloġiċi u kummerċjali ikbar,

H. billi r-riċerka qatt mhi ffinanzjata biżżejjed fl-UE,

1.  Jilqa' s-SET-Plan bħala li jiddeskrivi azzjonijiet konkreti għal riċerka fil-qasam ta' teknoloġiji tal-enerġija b'livell baxx ta' karbonju li jkunu nodfa, sostenibbli u effiċjenti; jenfasizza l-potenzjal tiegħu li jagħmel mill-UE ekonomija innovattiva; jenfasizza wkoll li, mingħajr dan l-approċċ il-ġdid, l-UE ma tistax tilħaq l-għanijiet tagħha għall-enerġija u l-klima sal-2020;

2.  Jirrikonoxxi l-bżonn li jiżdied b'mod sostanzjali l-investiment pubbliku u privat fl-iżvilupp ta' teknoloġiji sostenibbli b'livell baxx ta' karbonju, sabiex tingħata spinta lill-iżvilupp, l-użu bi prezz raġjonevoli u l-applikazzjoni mgħaġġla u mxerrda ta' dawn it-teknoloġiji tul l-10 snin li ġejjin;

3.  Jemmen ħafna li l-bżonnijiet ta' finanzjament għall-implimentazzjoni tas-SET-Plan jistgħu biss jintlaħqu jekk isiru disponibbli iktar riżorsi pubbliċi u privati u li s-SET-Plan ikun biss kredibbli jekk jiġu allokati lilu mill-ġdid flus ġodda mill-baġit tal-UE;

4.  Jitlob kemm lill-partijiet interessati pubbliċi kif ukoll lil dawk privati biex jallokaw immedjatament iktar riżorsi għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet direzzjonali miftehma, li minnhom il-parti l-kbira trid toħroġ mis-settur privat b'żieda sostanzjali fil-parti tal-investiment pubbliku fil-livell tal-UE u anke f'dak nazzjonali;

5.  Jenfasizza li, fid-dawl tal-kriżi ekonomika, l-investiment fit-teknoloġiji ġodda li jkollhom l-ikbar potenzjal għall-ħolqien tal-impjiegi għandu jkun prijorità; jenfasizza li dan se jwassal għall-ħolqien ta' swieq, joħloq flussi ġodda ta' dħul u jikkontribwixxi fl-iżvilupp tal-ekonomija u l-kompetittività tal-UE; fl-aħħarnett jenfasizza li, barra minn hekk, dan se jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE u jnaqqas id-dipendenza enerġetika tagħha minn numru limitat ta' riżorsi tal-enerġija, fornituri u rotot ta' trasport;

6.  Itenni t-talba tiegħu biex jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-appoġġ ta' teknoloġiji tal-enerġija nodfa, sostenibbli u effiċjenti b'livell baxx ta' karbonju, li jammonta għal total minimu ta' EUR 2 biljuni kull sena tal-baġit tal-UE li għandu jintefaq minbarra l-FP7 u s-CIP mill-2010 'l quddiem; jitlob f'dan il-kuntest sabiex tiġi stabbilita b'mod urġenti skeda ta' żmien għall-finanzjament mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tar-riżorsi li se jimpenjaw biex jiżguraw li l-fondi jibdew ikunu disponibbli mill-2010;

7.  Jitlob, barra minn hekk, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex japprofittaw mid-dibattitu dwar ir-reviżjoni f'nofs it-terminu tal-perspettivi finanzjarji attwali u dwar id-dibattitu rigward il-perspettivi finanzjarji li jmiss, sabiex ikun hemm koerenza ikbar bejn il-baġits tal-UE attwali u futuri u l-prijoritajiet ta' politika, partikolarment fir-rigward tar-riċerka, l-azzjoni dwar il-klima u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija;

8.  Iqis li huwa assolutament neċessarju li jintużaw malajr l-allowances ta' EUR 300 miljun imwarrba mir-Riżerva għall-Entranti Ġodda tal-Iskema tal-UE għall-Iskambju tal-Emissjonijiet (ETS) għall-appoġġ tal-qabda u l-ħażna tal-karbonju u s-sorsi rinnovabbli innovattivi tal-enerġija; iħeġġeġ lill-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) biex joħloq koerenza bejn il-kriterji ta' self tiegħu u l-istallazzjonijiet rinnovabbli innovattivi eliġibbli;

9.  Ifakkar lill-Istati Membri li mill-2013 'l quddiem, id-dħul mill-irkant tal-ETS se jkun sors kruċjali ta' finanzjament għall-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima u għall-użu u l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli b'livell baxx ta' karbonju;

10. Jitlob li r-rwol tal-BEI fi proġetti ta' finanzjament relatati mal-enerġija jitwessa', b'mod partikolari billi jiżdiedu l-miri ta' self fil-qasam tal-enerġija, billi tiżdied il-kapaċità ta' offerta ta' garanziji ta' ipoteki għal proġetti ta' enerġija u billi jittejbu l-koordinazzjoni u l-kontinwità tal-finanzjament għal proġetti tal-enerġija tar-riċerka u żvilupp b'riskju ogħla;

11. Jilqa' l-inizjattivi li qed jitwettqu bħalissa bħall-Faċilità ta' Finanzjament għall-Qsim tar-Riskji (RSFF), il-'Fond Marguerite' (Fond ta' Kapital Privat tal-2020 għall-Enerġija, il-Bidla fil-Klima u l-Infrastruttura), il-kapital tar-riskju u l-Faċilità għall-SMEs Innovattivi b'Rata Għolja ta' Tkabbir (GIF), li r-rwol tagħhom fil-kontribuzzjoni għall-finanzjament ta' inizjattivi tas-SET-Plan għandu jissaħħaħ u jitressaq għal proċedura ta' evalwazzjoni xierqa fir-reviżjoni f'nofs it-terminu;

12. Jitlob lill-Kummissjoni biex, b'koperazzjoni mill-qrib mal-BEI, tfassal mingħajr dewmien u sa mhux iktar tard mill-2011 proposta komprensiva għal strument biex jiġu ffinanzjati proġetti ta' enerġija rinnovabbli u ta' effiċjenza fl-enerġija u l-iżvilupp ta' smart grids;

13. Jisħaq dwar il-ħtieġa li titkabbar il-kapaċità tal-bażi ta' riċerka tal-UE u dwar l-importanza kbira ta' tagħlim u taħriġ aktar avvanzat biex ikun hemm ir-riżorsi umani fi kwantità u kwalità meħtieġa ħalli jittieħed il-benefiċċju sħiħ tal-opportunitajiet tat-teknoloġiji ġodda li qed ifiġġu;

14. Jenfasizza l-bżonn li jinħolqu l-kundizzjonijiet adegwati u qafas regolatorju stabbli u favorevoli għall-appoġġ tat-twaqqif ta' sħubiji pubbliċi-privati, li huma prerekwiżit għall-implimentazzjoni tas-SET-Plan u l-Inizjattivi Industrijali Ewropej (EIIs);

15. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-produtturi tat-teknoloġija jistgħu japplikaw direttament għall-finanzjament mis-SET-Plan, mhux biss bħala membri ta' konsorzji ta' produtturi tal-enerġija, bħal mhuwa l-każ tal-programm ta' rkupru ekonomiku u ta' NER300;

16. Jirrikonoxxi li s-SMEs jikkostitwixxu forza ta' spinta maġġuri fl-iżvilupp ta' ħafna teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli b'livell baxx ta' karbonju, b'mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp ta' sistemi tal-enerġija iktar deċentralizzati, u jenfasizza għalhekk li l-aċċess għall-allowances pubbliċi u s-self, inkluż il-finanzjament taħt is-SET-Plan, għandhom jitfasslu b'mod li jkunu favorevoli għas-SMEs; jitlob li sehem sinifikanti ferm mill-finanzjament tal-UE taħt is-SET-Plan jiġi allokat għas-SMEs;

17. Jilqa' l-iffokar fuq il-finanzjament ta' proġetti ta' wiri (fuq skala kbira); jenfasizza madankollu l-bżonn li jsiru disponibbli fondi għal riċerka riskjuża bażika u applikata fuq medda ta' żmien medja u twila wkoll;

18. Jistieden lill-Alleanza Ewropea għar-Riċerka fl-Enerġija (EERA) biex tniedi u timplimenta programmi konġunti għall-implimentazzjoni tas-SET-Plan billi tiżviluppa rabtiet qawwija mal-EIIs u tespandi l-attivitajiet tagħha;

19. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC) mhuwa qed jippjana l-ebda programmi speċifiċi relatati mal-enerġija, u b'hekk qed juri nuqqas ta' investiment xieraq f'riċerka bażika;

20. Jilqa' l-iniżjattiva tal-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni (EIT) li tniedi Komunitajiet speċifiċi ta' Għarfien u Innovazzjoni (KICs) dwar l-enerġija sostenibbli u l-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima u l-adattament għaliha;

21. Jilqa' l-proposta li l-Inizjattiva ta' Smart Cities il-ġdida, li tiffoka fuq l-effiċjenza fl-enerġija fi bliet Ewropej (b'mod partikolari l-firmatarji tal-Patt tas-Sindki), tiżdied mas-sitt EIIs eżistenti bl-għan li jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-massa mis-suq ta' teknoloġiji tal-enerġija effiċjenti fl-użu tal-enerġija u rinnovabbli kif ukoll xbieki ta' tixrid għaqli fiż-żoni urbani; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw malajr din l-inizjattiva l-ġdida, billi jinvolvu bis-sħiħ l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li għandhom rwol fundamentali fil-promozzjoni u l-użu ta' teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli b'livell baxx ta' karbonju;

22. Ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-obbligi tagħha ta' rappurtaġġ skont ir-Regolament dwar il-Pjan ta' Rkupru tal-Enerġija u dwar l-impenn tagħha li tagħmel proposti addizzjonali li jippermettu finanzjament għal proġetti fl-oqsma tal-effiċjenza tal-enerġija u tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli jekk jibqa' l-flus wara s-sejħa għall-proposti; jinnota li hemm EUR 50 miljun li għadhom mhumiex allokati;

23. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jesploraw ulterjorment u jxerrdu approċċi innovattivi għall-ippjanar u l-iżvilupp tal-bliet, partikolarment l-ippjanar integrat tal-bliet li jissodisfa l-ħtiġijiet għal inklużjoni soċjali b'saħħitha, koeżjoni territorjali u użu qawwi ta' enerġija sostenibbli u trasport nadif sabiex jinbnew sistemi urbani b'saħħithom;

24. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq inizjattivi kumplimentari biex jiġi sfruttat il-potenzjal kbir ta' rotot teknoloġiċi oħra msemmija fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Investiment fl-Iżvilupp ta' Teknoloġiji b'Livell Baxx ta' Karbonju (SET-Plan) tas-7 t'Ottubru 2009, kif ukoll il-potenzjal ta' gradjenti tas-salinità u ta' enerġija ġeotermali; jenfasizza l-bżonn li jsiru disponibbli riżorsi addizzjonali mill-baġit tal-UE sabiex dawn jiġu ffinanzjati;

25. Jilqa' l-għażla ta' sitt EIIs u t-tfassil ta' pjanijiet direzzjonali għat-teknoloġija 2010-2020 li jipprovdu objettivi konkreti biex kull teknoloġija sostenibbli b'livell baxx tal-karbonju ssir kompetittiva fil-prezz, u jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi EIIs maturi, u tiżgura li l-istruttura ta' governanza tagħhom tkun ħafifa, mhux burokratika u trasparenti, u li element komuni ċentrali jkun f'kuntatt regolari mal-Grupp ta' Tmexxija tas-SET-Plan u mal-BEI;

26. Jistieden lill-Grupp ta' Tmexxija tas-SET-Plan biex jirrapporta lill-Parlament Ewropew darba fis-sena u biex jikkunsidra struttura usa' ta' għarfien espert billi joħloq gruppi ta' ħidma teknika fl-oqsma ta' interess sabiex jiġi involut għadd ikbar ta' partijiet interessati fid-diskussjoni u fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

27. Jistieden lill-Kummissjoni biex trawwem koperazzjoni internazzjonali ma' msieħba strateġiċi ewlenin oħra f'pajjiżi żviluppati, emerġenti u li qed jiżviluppaw fil-qasam tal-iżvilupp, tal-użu u tat-tixrid ta' teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli b'livell baxx tal-karbonju, partikolarment permezz ta' fondi bħall-GEEREF, li jiffokaw fuq proġetti fuq skala żgħira;

28. Jilqa' l-azzjonijiet biex titnieda koperazzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji tal-enerġija, bħal dik li nbdiet permezz tat-twaqqif reċenti tal-Kunsill tal-Enerġija UE-Stati Uniti; jistieden f'dan il-kuntest lill-Kunsill tal-Enerġija biex jisfrutta sinerġiji għall-implimentazzjoni tas-SET-Plan;

29. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu skambju dinji tal-emissjonijiet tal-karbonju biex jinħoloq ambjent kompetittiv stabbli u ġust għall-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji sostenibbli b'livell baxx tal-karbonju;

30. Jitlob lill-Kummissjoni biex tissorvelja l-implimentazzjoni effettiva tas-SET-Plan, tintroduċi sistema ta' evalwazzjoni ta' akkopanjament għal dan l-għan, tevalwa kwalunkwe ostaklu fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet direzzjonali u tinforma lill-Parlament b'mod regolari dwar il-progress imwettaq fl-implimentazzjoni tas-SET-Plan u tal-pjanijiet direzzjonali tiegħu;

31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.