Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0153/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0153/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Istrateġija UE 2020 bil-ħsieb għat-tħejjija għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa

3.3.2010

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0000/2010
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Corien Wortmann-Kool, Peter Liese, Richard Seeber, Pilar del Castillo Vera, Andreas Schwab, Jean-Paul Gauzès, Csaba Őry, Mathieu Grosch, Lambert van Nistelrooij, Albert Deß, Othmar Karas, Marian-Jean Marinescu f'isem il-Grupp PPE-DE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0151/2010

Proċedura : 2010/2543(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0153/2010
Testi mressqa :
B7-0153/2010
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0153/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija UE 2020 bil-ħsieb għat-tħejjija għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Kunsill Ewropew informali tal-11 ta' Frar 2010,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza wara l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew f'Marzu tal-2000, tal-2001, tal-2005, tal-2006, tal-2007 u Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni dwar l-UE 2020 u l-eżitu tagħha (SEC(2010)116),

–   wara li kkunsidra l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija ta' Lisbona (SEC(2010114),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-mistoqsija tat-23 ta' Frar 2010 lill-Kummissjoni dwar l-Agrikoltura u l-Istrateġija futura 'UE 2020' (O-0023/2010 – B7-0000/2010),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi kwalunkwe strateġija fit-tul għandha tkun kombinata ma' azzjoni konkreta biex twieġeb għat-tħassib u l-biżgħat immedjati taċ-ċittadini Ewropej, u billi l-Istrateġija UE 2020 għandha sservi l-objettiv ewlieni tagħna rappreżentat mit-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi,

B.  billi l-istrateġija ta' Lisbona kellha biss suċċess parzjali minħabba l-istruttura ta' governanza dgħajfa u n-nuqqas ta' responsabilità min-naħa tal-Istati Membri,

C. billi għandhom jintlaqgħu b'sodifazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tinkiseb ekonomija soċjali tas-suq sostenibbli; jiġifieri ekonomija inklussiva, aktar intelliġenti u sostenibbli,

D. billi huwa ta' dispjaċir li l-Kummissjoni ma kkonċentratx l-istrateġija tagħha fuq il-promozzjoni u s-sostenn lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju; billi l-maġġoranza tal-impjiegi jinħolqu f'dan is-settur u jeħtieġu miżuri prattiċi biex tonqos il-burokrazija żejda u biex jiġu promossi u implimentati l-ideat innovattivi f'dawn l-industriji; billi l-finanzjament ma għandux ikun biss iffukat fuq il-ħolqien ta' impjiegi 'ekoloġiċi',

E.  billi l-innovazzjonijiet ewlenin bħall-e-mobilità, it-teknoloġija solari u ħafna aktar mhumiex se jkunu jistgħu jiġu prodotti fl-Ewropa jekk ma nistabbilixxux qafas biex niżguraw il-provvista ta' materja prima,

F.  billi l-Konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija UE 2020 tal-futur bl-ebda mod ma ssemmi l-agrikoltura u s-settur agroalimentari, u billi jeħtieġ li din l-omissjoni tiġi rettifikata minnufih, minħabba li s-settur kombinat tal-agrikoltura u tal-ikel jikkostitwixxi parti fundamentali tal-ekonomija tal-UE li jirrappreżenta 19.2 miljun impjieg (9% tal-impjiegi totali) u 4.3% tal-PDG fl-UE-27,

G.  billi l-Istrateġija UE 2020 qed titnieda matul is-Sena Ewropea kontra l-Faqar, u għandha tingħata attenzjoni lill-eradikazzjoni tal-faqar u lill-aspett soċjali tal-Aġenda ta' Lisbona,

H.  billi l-politika ta' koeżjoni tkopri t-Trattat ta' Lisbona l-ġdid, hija strument li bih jintlaħqu l-objettivi ddefiniti fih u għandha tkun parti integrali tal-Istrateġija 2020 jekk l-Istati Membri jridu din il-politika l-ġdida għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi tiffunzjona; billi l-Istrateġija 2020 għandha tgħożż ir-rilevanza ta' din il-politika, f'kundizzjonijiet kemm ġenerali kif ukoll eċċezzjonali u għandha tieħu f'kunsiderazzjoni l-fatt li politika ta' żvilupp reġjonali għal perjodu post-2013 li tkun iffinanzjata tajjeb hija indispensabbli għall-Istati Membri kollha tal-UE, jekk qegħdin jimmiraw għal ekonomika soċjali tas-suq sostenibbli u għat-tkabbir,

I.   billi, fid-dawl tan-nuqqasijiet tal-Istrateġija ta' Lisbona, il-Kummissjoni għandha tipproponi strateġija ċara u bbażata fuq l-objettivi f'dokument uniku, li għandu jinkorpora u jorbot il-konklużjonijiet tar-rapport ta' Mario Monti dwar it-tnedija mill-ġdid tas-Suq Uniku, u l-istrateġiji rilevanti kollha tal-UE, bil-għan li jitqies bħala dokument fundamentali għall-10 snin li ġejjin,

1.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill – huwa u jfakkar li l-Kummissjoni u l-President tagħha, is-Sur Barroso, enfasizzaw ir-rwol kruċjali li jiżvolġi l-Parlament Ewropew fl-Istrateġija UE 2020 – biex jirrispettaw bis-sħiħ il-prerogattivi tal-Parlament fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-istrateġija sabiex tiżdied il-leġittimità demokratika tiegħu f'għajnejn is-soċjetà ċivili;

1. Governanza Ewropea b'saħħitha għal Strateġija 2020 li tirnexxi

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fid-dawl tan-nuqqasijiet tal-Istrateġija ta' Lisbona, biex tipproponi strateġija ċara f'test uniku, li għandu jibni fuq approċċ ibbażat fuq l-objettivi;

3.  Jenfasizza li leġiżlazzjoni Ewropea kkoordinata u konkreta għandha tqies id-diversità li teżisti madwar l-UE, u għaldaqstant tinkorpora struttura ta' governanza b'saħħitha u trasparenti li tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipju ta' sussidjarjetà stabbilit fit-Trattat ta' Lisbona;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa għal implimentazzjoni b'saħħitha u mekkaniżmi ta' segwitu; jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal tabella ta' valutazzjoni preċiża tal-ostakli u tipproponi azzjoni mmirata fuq l-impedimenti ewlenin; iqis bħala kwistjoni fundamentali għall-Ewropa li kwalunkwe strateġija futura għandha tforni mekkaniżmi effikaċi biex jintlaħqu r-riżultati maħsuba;

5.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ekonomija soċjali tas-suq li tkun aktar sostenibbli tista' biss tinkiseb jekk l-objettivi u l-istrateġiji jkunu mirfuda minn azzjoni tal-gvern mmirata u jkunu kkoordinati b'mod korrett;

6.  Iqis li s-soċjetà ċivili għandha tkun involuta u għandha tikkondividi l-proprjetà sabiex tinkiseb Strateġija 2020 li tirnexxi, u li għaldaqstant l-imsieħba soċjali għandhom jiġu mistiedna jikkontribwixxu fid-definizzjoni tal-istrateġija u fl-implimentazzjoni tagħha kemm fuq livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali;

7.  Iqis li, bil-għan li jinkisbu l-objettivi ambizzjużi tal-Istrateġija, huwa fundamentali li tinħoloq governanza maqsuma fuq bosta livelli, u li l-objettivi, il-kompiti u r-responsabilitajiet tal-UE 2020 għandhom jinqasmu f'mod organizzat sew bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, filwaqt li jaġixxu fil-pront, b'mod deċiż u b'livell għoli ta' urġenza; iqis li governanza u sħubija maqsuma fuq bosta livelli għandha tikkostitwixxi l-qofol tal-governanza u tar-riżultati tal-Istrateġija;

8.  Iqis li l-ħolqien ta' suq uniku għal prodotti tal-prodotti tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur għandhom jirrappreżentaw element importanti fl-Istrateġija 2020;

9.  Iqis li l-ftehim li laħaq il-Kunsill dwar l-arkitettura l-ġdida għas-superviżjoni finanzjarja mhjiex koerenti mal-objettivi tal-Istrateġija 2020; għalhekk jitlob lill-Presidenza Spanjola biex tippreżenta proposti ambizzjużi li jsaħħu s-setgħat tal-awtoritajiet li għandhom jinħolqu;

10. Jinnota li wieħed mill-aspetti fundamentali tal-governanza ekonomika Ewropea għandu jkun il-koordinament tal-politiki nazzjonali relatati mal-SMEs bil-għan li jiġi evitat il-ħolqien ta' ostakli jew piżijiet ġodda fl-Istati Membri, waqt li qed nippruvaw inneħħu dawk diġà eżistenti; iqis li l-integrazzjoni fil-liġijiet nazzjonali ta' 'test tal-SMEs' Ewropew ġdid tista' tkun wieħed mill-kompiti tal-fergħa tal-SMEs tal-governanza ekonomika Ewropea;

11. Jenfasizza li politika ta' koeżjoni b'saħħitha, riformata u flessibbli, adattata għall-ħtiġijiet attwali, għandha tirrappreżenta element fundamentali fl-Istrateġija UE 2020; iqis li din l-politika tal-UE, bl-approċċ orizzontali tagħha, tiżvolġi rwol sinifikanti fit-tweġiba għall-isfidi ċentrali li l-Unjoni qiegħda tħabbat wiċċha magħhom, pereżempju: tnaqqis tad-differenzi strutturali bejn pajjiżi u reġjuni, titjib tal-kompetittività tar-reġjuni tal-UE f'dinja globalizzata, kumpensazzjoni għall-effetti tal-kriżi ekonomika globali billi jiddaħħlu fiduċja u dinamiżmu fl-ekonomika Ewropea, u limitazzjoni tal-effetti tal-bidla demografika u tat-tibdil fil-klima;

12. Iqis li l-miżuri ta' politika strutturali u l-meżżi finanzjarji għandhom ikunu ffukati fuq, u jkunu f'konformità magħhom, il-prijoritajiet tal-UE, bħall-kompetittività, l-effiċjenza fir-riżorsi u s-sostenibilitià;

2. Baġits pubbliċi sostenibbli

13. Jenfasizza li d-diskussjoni u d-deċiżjoni dwar il-futur tal-allokazzjoni tal-baġit tal-UE se ssir fil-kuntest tar-reviżjoni intermedja tal-qafas finanzjarju multiannwali attwali 2007-2013 u l-preparamenti u l-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss;

14. Jenfasizza li l-baġits pubbliċi sostenibbli se jifformaw l-bażi għall-finanzjament tal-Istrateġija UE 2020; iqis li l-konformità mal-patt ta' stabilità, u l-prinċipji għal strateġiji ta' ħruġ mill-kriżi kkoordinati biex jingħelbu l-impatti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq l-baġits pubbliċi, għandhom għalhekk jirrappreżentaw kwistjonijiet ewlenin għall-politiki fiskali tal-ġejjieni;

15. Jisħaq li l-politiki antinflazzjonistiċi u r-regoli tal-baġit b'saħħithom għandhom l-effett fit-tul li jippromwovu t-tkabbir u jżidu l-prospetti ta' xogħol taż-żgħażagħ tagħna; iqis li, jekk dan isir, l-Istat se jissodisfa r-rwol tiegħu bħala amministratur tajjeb billi jiggarantaxxi li d-disponibilità ta' servizzi pubbliċi adegwati għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni;

16. Iqis li l-iżviluppi reċenti juru li l-qafas istituzzjonali li jirregola l-UEM falla f'dak li hu ż-żamma taħt kontroll tad-defiċits pubbliċi; jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi inizjattivi biex tindirizza din id-dgħufija fl-UEM; iwissi bil-periklu ta' Ewropa b'żewġ veloċitajiet;

3. Promozzjoni tal-SMEs u tal-impjiegi

17. Jenfasizza li l-SMEs huma l-mutur tal-ekonomija attwali tagħna u joħolqu l-impjiegi li jiżvolġu rwol kruċjali billi jagħtu nifs ġdid lit-tkabbir ekonomiku, u li se jsaħħu ekonomija soċjali tas-suq sostenibbli kif ukoll irawmu l-kreattività u l-innovazzjoni li jirfdu s-saħħa ekonomika u l-progress teknoloġiku; iqis li l-linja politika meħuda bl-introduzzjoni tal-Att dwar l-Impriżi ż-Żgħar għandha titkompla b'mod aktar ambizzjuż; jemmen għaldaqstant li għandha tingħata prijorità lil sforzi ulterjuri fil-qasam tad-deregolamentazzjoni bħall-implimentazzjoni ulterjuri tal-objettivi ta' deregolamentazzjoni u tal-leġiżlazzjoni favorevoli għall-SMEs, il-ħolqien ta' ambjent vibranti għall-impriżi li għadhom kemm fetħu, it-tħeġġiġ tal-imprenditorija u t-titjib tal-aċċess għall-finanzjamenti;

18. Jenfasizza li Strateġija 2020 li tirnexxi ma għandhiex biss tiffoka fuq it-tħeġġiġ tal-SMEs u impjiegi fil-kummerċ u s-servizzi iżda wkoll fl-industrija, fis-settur tal-agrikoltura u f'dak tas-saħħa, billi dawn huma vitali għall-ekonomika tal-ġejjieni tagħna;

19. Itenni t-talbiet tiegħu għal suq tax-xogħol iktar inklussiv u kompetittiv; iqis li jeħtieġ ristrutturar tas-sistemi tas-sigurtà soċjali sabiex jiġi żgurat li tibdil ta' okkupazzjoni ma jimplikax tnaqqis fil-protezzjoni soċjali, li taħriġ ġdid temporanju għal impjieg differenti ma jirriżultax fi tnaqqis tad-dħul u li l-approċċ tal-flessigurtà mhuwiex unilateralment iffukat fuq il-flessibilità tas-suq tax-xogħol;

20. Hu tal-fehma li t-tixjiħ tal-popolazzjoni Ewropea teħtieġ politiki ta' tagħlim tul il-ħajja billi l-opportunitajiet ta' taħriġ għandhom ikunu inkuraġġuti u għandhom jakkumpanjaw lill-individwi tul il-ħajja professjonali tagħhom; iqis li jkun neċessarju li jinżamm għadd ta' persuni attivi fuq is-suq tax-xogħol u li tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali; jiddispjaċih li speċifikament huma l-potenzjal ta' impjegar tal-anzjani u tal-ħaddiema b'diżabilità li ġie traskurat; jistenna għalhekk il-preżentazzjoni ta' proposti maħsuba biex isaħħu dan il-potenzjal u jinkoraġġixxu l-irtirar flessibbli, anki lil hinn mill-età ta' rtirar attwali;

21. Isostni l-promozzjoni ta' impjieg indipendenti, kif garantit, pereżempju, mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni;

22. Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti għal Bażi Taxxabbli Konsolidata Komuni għall-Kumpaniji (CCCTB); iqis li sistema tal-VAT definittiva bbażata fuq il-prinċipju "pajjiż tal-oriġini" tippromwovi l-effiċjenza tas-Suq Uniku u tipproduċi dħul ġdid għall-baġits pubbliċi mingħajr ma timmodifika r-rati tal-VAT;

4. Lejn ekonomija soċjali tas-suq sostenibbli

23. Jitlob – peress li l-Kummissjoni Ewropea għandha ssaħħaħ is-suq intern u tiggarantixxi l-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni – li s-suq uniku jiddaħħal bħala prinċipju ġenerali ta' sigurtà soċjali fl-Istrateġija UE 2020 abbażi tar-rapport Monti imminenti dwar it-tnedija mill-ġdid tas-Suq Uniku; iqis li, għat-tlestija tas-Suq Intern f'dak li għandu x'jaqsam ma' oġġetti, ħaddiema u servizzi, se jkun importanti li jkollna regolamentazzjoni soda u tiġi garantita traspożizzjoni aħjar tar-regoli Ewropej fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, implimentazzjoni aħjar u superviżjoni Ewropea tas-swieq finanzjarji;

24. Hu tal-fehma li l-UE jmissha tapprofitta mir-rwol ta' mexxej li għandha fl-ekonomija sostenibbli u fit-teknoloġiji tal-mobilità ekoloġika u testendi l-marġini kompetittiv tagħha f'dan il-qasam, kif anki tisfrutta l-potenzjal ta' esportazzjoni ta' dan l-avvanz teknoloġiku; jinnota li l-proċessi produttivi sostenibbli u l-użu effiċjenti tar-riżorsi kif ukoll żvilupp ulterjuri ta' sorsi enerġetiċi li jiġġeddu se jippermettu ż-żamma ta' bażi ta' manifattura fl-Ewropa, filwaqt li jżidu l-kompetittività permezz ta' dipendenza aktar baxxa mir-riżorsi u jinkisbu objettivi ambizzjużi f'dak li huwa tibdil fil-klima; jenfasizza l-potenzjal tal-industrija Ewropej prinċipali biex jagħtu kontribut għal soluzzjonijiet innovattivi f'dan il-qasam; jenfasizza l-ħtieġa għall-ekonomija tal-UE biex, għal dan il-għan, tkun mgħammra b'materja prima ta' teknoloġija avvanzata suffiċjenti;

25. Iqis li s-settur tat-trasport huwa attur importanti fil-kisba ta' 'tkabbir ekoloġiku' previst fl-Istrateġija 2020 u li s-settur jikkontribwixxi konsiderevolment għat-tkabbir ekonomiku meħtieġ għall-implimentazzjoni ta' UE 2020; iqis li taħlita ta' miżuri differenti bħat-taħlita enerġetika, miżuri għall-formazzjoni tal-prezzijiet u internalizzazzjoni ta' spejjeż esterni huma importanti f'dan il-kuntest, u li dawn il-miżuri għandhom ikunu akkumpanjati minn objettivi aktar ċari u realitiċi riveduti regolarment;

26. Jenfasizza l-impenn diġà ġuridikament vinkolanti li daħlet għalih l-UE biex tnaqqas l-emissjonijiet ta' CO2 b'tal-anqas 20% sal-2020 u jqis li l-UE jmissha tikkomunika aħjar ir-rieda tagħha li timxi lejn tnaqqis ta' 30% fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, bil-kundizzjoni li l-pajjiżi l-oħra jkunu lesti jintrabtu li jieħu azzjoni adegwata wkoll; iqis li għandu jkun hemm indikaturi ċari u oġġettivi biex jitkejjel il-progress lejn ekonomija soċjali tas-suq sostenibbli u effiċjenti mil-lat enerġetiku, f'dan il-kuntest, l-objettivi ffissati għandhom ikunu realistiċi u fattibbli;

27. Iqis li t-tlestija rapida ta' suq enerġetiku intern totalment integrat u interkonness tirrappreżenta element essenzjali fl-iżgurar ta' tkabbir ekonomiku, fl-integrazzjoni ta' sorsi enerġetiċi li jiġġeddu u fit-tnaqqis tal-vulnerabilità tal-Unjoni fir-rigward tal-sospensjonijiet tal-provvista; jisħaq li l-isforzi għandhom isiru biex jiżdied il-proporzjon ta' sorsi enerġetiċi awtoktoni b'konsum baxx ta' karbonju fit-taħlita enerġetika tal-UE;

28. Jinnota li, hija u ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala mexxej, l-UE jmissha tisfrutta l-potenzjal ta' esportazzjoni tal-avvanza teknoloġiku;

29. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi garantita traspożizzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE inġenerali, kif ukoll tad-Direttivi dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Kwalifiki Professjonali u dwar is-Servizzi b'mod partikolari, bil-għan li tislet benefiċċju bis-sħiħ mill-potenzjal offrut mis-suq tas-servizzi, li jirrappreżenta l-akbar qasam ta' attività ekonomika fl-UE; iqis li, għal dan il-għan, l-istrateġija għandha timmira għat-tneħħija tal-ostakli li fadal fil-qasam tas-servizzi sa mhux iktar tard mill-2020;

30. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi promoss approċċ għal suq uniku li jagħti inċentiv lill-konsumaturi biex jagħmlu xirjiet transkonfinali ta' oġġetti u servizzi, partikolarment minn fuq l-internet, u lill-SMEs biex jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet offruti mis-suq uniku;

5. Tkabbir sostenibbli bbażat fuq l-għarfien

31. Jenfasizza li t-tkabbir sostenibbli bbażat fuq l-għarfien jeħtieġ attivitajiet ta' riċerka kemm bażiċi kif ukoll applikati; iqis li l-innovazzjoni għandha tkun il-mutur tat-tkabbir u tal-prosperità tal-Ewropa, li r-riċerka għandha ssir fuq livell tal-UE b'mod ikkoordinat u li r-riżultati għandhom jissarrfu f'benefiċċji għaċ-ċittadini kollha tal-UE; iqis partikolarment li r-riċerka dwar is-sigurtà u d-dekarbonizzazzjoni fi ħdan is-settur tat-trasport se tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-UE bħala post għar-riċerka;

32. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżomm l-objettiv tat-'3% tal-PDG għar-R&Ż' tal-Istrateġija ta' Lisbona fl-istrateġija l-ġdida kemm għall-baġit tal-UE kif ukoll għal dawk nazzjonali; iqis li l-programmi ta' riċerka u żvilupp u l-mezzi finanzjarji għandhom ikunu ffukati fuq l-Istrateġija UE 2020 u jkunu konformi magħha; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu aħjar mill-potenzjal ta' sinerġija tal-fondi tal-Politika ta' Koeżjoni u l-fondi għar-R&Ż;

33. Jisħaq li, biex ir-riċerka applikata Ewropea ssir iktar effiċjenti, huwa kruċjali li titjieb ir-razzjonalizzazzjoni tal-istrutturi eżistenti u li jinħoloq ambjent għall-investiment aktar favorevoli għar-riċerka u l-innovazzjoni, kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għal dak privat; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq miżuri prattiċi li jtejbu l-aċċess għall-finanzjamenti, partikolarment bil-għan li tiżdied id-disponibilità ta' kapital ta' riskju u l-parteċipazzjoni fl-ambitu tal-akkwist pubbliku prekummerċjali;

34. Josserva li l-innovazzjoni tibda bl-investiment fl-edukazzjoni, u li l-ħolqien ta' impjegabilità permezz ta' politiki ta' tagħlim tul il-ħajja se jsaħħaħ l-inklużjoni soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex tistimola u tinkoraġġixxi sħubiji ġodda bejn l-impriżi, l-ambitu xjentifiku u r-riċerka universitarja;

35. Jappella għall-adozzjoni ta' appoċċ estiż għall-politika futura tal-innovazzjoni tal-UE; iqis li finanzjament pubbliku u privat adegwat għandhu jkun iffukat fuq oqsma li fihom l-Ewropa hija jew jew tista' ssir attur prinċipali dinji, u għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-iżvilupp ta' teknoloġiji fundamentali li jikkontribwixxu għal dan;

36. Jilqa' pożittivament il-proposta tal-Kummissjoni li tikkunsidra l-politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni bħala waħda mill-prijoritajiet tematiċi; jenfasizza li l-istrutturi industrijali attwali se jibqgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-tkabbir ekonomiku fl-UE u għaldaqstant għandhom jirċievu l-appoġġ;

37. Iqis li, partikolarment fit-trasport, l-iżvilupp tat-teknoloġija u s-semplifikazzjoni tal-ktajjen ta' trasport multimodali għall-persuni u l-merkanzija jiżvolġu rwol importanti; jemmen, għalhekk, li t-trasport għandu jkun ibbażat fuq modalità konġunta effikaċi li titkejjel bi kriterji relatati mal-aspetti ekonomiċi, il-protezzjoni ambjentali, il-kundizzjonijiet soċjali u tal-impjiegi u s-sigurtà;

38. Iqis li l-Ewropa għandha tippromwovi l-protezzjoni effikaċi tal-proprjetà intellettwali permezz tal-promozzjoni ta' sistema ta' privattivi tal-UE effikaċi u tikkonċentra speċjalment fuq l-ekonomija diġitali, sabiex l-Ewropa tkun tista' tiżvolġi r-rwol tagħha ta' attur prinċipali fid-dinja; jemmen li l-funzjonament adegwat tal-ekonomija diġitali huwa fundamentali għall-funzjonament adegwat tal-ekonomija tal-UE kollha kemm hi; iqis, madankollu, li l-moviment liberu tas-servizzi diġitali llum jinsab serjament imxekkel mill-frammentazzjoni tar-regoli fuq livell nazzjonali; hu tal-fehma li, biex jinħoloq dan l-ambjent diġitali tas-suq uniku jeħtieġ li, l-ewwel nett, il-qafas regolatorju jiġi implimentat b'mod effikaċi, li, it-tieni nett, tingħata spinta lis-suq tas-servizzi diġitali, u li, it-tielet nett, jiġi żviluppat il-moviment liberu tal-kontenut u tal-għarfien, magħrufa bħala 'il-ħames libertà';

39. Jinsab konvint li, jekk ikollna qafas politiku korrett u r-riżorsi tal-baġit adegwati, l-agrikoltura u l-foresterija jistgħu jiżvolġu rwol importanti fi strateġija Ewropea ġenerali maħsuba biex tiggarantixxi l-irkupru ekonomiku, filwaqt li simultanjament jikkontribwixxu għas-sigurtà alimentari dinjija u tal-UE, jiġi preservat il-pajsaġġ rurali, li jirrappreżenta 90% tat-territorju tal-UE, jiġu żgurati benefiċċji ambjentali u jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-tfittxija ta' sorsi enerġetiċi alternattivi;

40. Jinnota li d-defiċjenzi fil-qasam tal-infrastrutturi jvarjaw madwar l-Ewropa u jibqgħu madankollu għoljin, u dan jimblokka l-potenzjal ta' tkabbir tagħna u l-funzjonament bla intoppi tas-suq intern; jappella, għaldaqstant, għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni għal dak li għandu x'jaqsam mal-investimenti pubbliċi u privati rilevanti għall-oqsma tat-trasport, l-enerġija, it-telekomunikazzjoni u l-infrastruttura tal-IT;

41. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.