Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0158/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0158/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-trasparenza u s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-ACTA

4.3.2010

imressqa wara l-mistoqsija b’talba għal tweġiba orali B7‑0000/2010 – O-0026/2010
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Tokia Saïfi, Daniel Caspary, Cristiana Muscardini, Georgios Papastamkos f'isem il-Grupp PPE
Syed Kamall, Robert Sturdy f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0154/2010

Proċedura : 2010/2572(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0158/2010
Testi mressqa :
B7-0158/2010
Testi adottati :

B7‑0158/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza u s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-ACTA

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Trattat FUE),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Frar 2010 dwar Ftehim ta' Qafas rivedut bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għall-perjodu leġiżlattiv li jmiss[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (tfassil mill-ġdid), li għandha titqies bħala l-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-impatt tal-iffalsifikar fuq il-kummerċ internazzjonali[3],

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tat-22 ta’ Frar 2010 dwar in-negozjati li qed isiru bħalissa mill-Unjoni Ewropea dwar Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA),

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, kif emendata mid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku),

–   wara li kkunsidra l-mistoqsija tal-24 ta' Frar 2010 lill-Kummissjoni dwar it-trasparenza u s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-ACTA (O-0026/2010 – B7‑0000/2010),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fl-2008 l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi l-oħra tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) bdew in-negozjati dwar ftehim ġdid plurilaterali li jsaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali (IPR) u jiġġieled kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija (Ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni - ACTA) u ftehmu b’mod konġunt dwar klawsola ta’ kunfidenzjalità,

B.  billi fis-27 ta' Jannar 2010 l-Kummissjoni tat assigurazzjonijiet dwar l-impenn tagħha għal assoċjazzjoni msaħħa mal-Parlament, b'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Frar 2010 dwar Ftehim ta’ Qafas rivedut mal-Kummissjoni li talab li jkun hemm “l-għoti immedjat u sħiħ ta' informazzjoni lill-Parlament f'kull stadju tan-negozjati (...) b’mod partikolari dwar kwistjonijiet ta' kummerċ u negozjati oħra li jinvolvu l-proċedura ta' kunsens, b'tali mod li jingħata effett sħiħ lill-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE”,

C. billi l-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tat-Trattati, hija obbligata li tara li jiġi osservat l-acquis communautaure meta jiġu nnegozjati ftehimiet internazzjonali li jeffettwaw il-leġiżlazzjoni fl-UE,

D. billi, skont dokumenti li ġew żvelati, in-negozjati tal-ACTA jinkludu, fost affarijiet oħra, leġiżlazzjoni pendenti tal-UE dwar l-infurzar tal-IPR (COD/2005/0127 – Miżuri kriminali bil-għan li jiżguraw l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRED-II)) u l-hekk imsejjaħ "Pakkett Telecom", u dwar il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE fir-rigward tal-kummerċ elettroniku u l-protezzjoni tad-data,

E.  billi l-isforzi li qed tagħmel bħalissa l-UE biex tarmonizza l-miżuri ta’ infurzar tal-IPR m’għandhomx jiġu evitati permezz ta’ negozjati kummerċjali li jaqgħu taħt l-ambitu tal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet normali tal-UE,

F.  billi hu kruċjali li jkun żgurat li l-iżvilupp ta' miżuri ta' infurzar tal-IPR iseħħ b'mod li ma jimpedix l-innovazzjoni jew il-kompetizzjoni, ma jdgħajjifx il-limitazzjonijiet tal-IPR u l-protezzjoni tad-data personali, ma jirrestrinġix il-fluss ħieles tal-informazzjoni u ma jtaqqalx bla bżonn il-kummerċ leġittimu,

G. billi kwalunkwe ftehim li jintlaħaq mill-Unjoni Ewropea dwar l-ACTA għandu jkun konformi mal-obbligi legali imposti fuq l-UE fir-rigward tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data, kif stabbilit b’mod speċjali fid-Direttiva 95/46/KE, id-Direttiva 2002/58/KE u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti tal-Ġustizzja,

H. billi bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona f'Diċembru 2009 l-Parlament Ewropew se jkollu jagħti l-approvazzjoni tiegħu għat-test tal-Ftehim tal-ACTA, qabel ma l-ftehim jidħol fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea,

I.   billi l-Kummissjoni impenjat ruħha li tipprovdi informazzjoni immedjata u sħiħa lill-Parlament Ewropew f’kull stadju tan-negozjati dwar il-ftehimiet internazzjonali,

1.  Hu konxju li n-negozjati tal-ACTA, minħabba n-natura partikolari tagħhom, jeħtieġu livell għoli ta’ kunfidenzjalità sabiex ma jippreġudikawx l-interessi leġittimi tal-partijiet interessati u tal-istati parteċipanti; iqis, madankollu, li għandu jkun żgurat proċess iktar trasparenti sabiex tiġi provduta informazzjoni iktar xierqa, kif talab b’mod ripetut il-Parlament Ewropew;

2.  Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni żammet lill-membri tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali tal-Parlament (INTA) informati, minkejja n-natura kunfidenzjali tan-negozjati multilaterali, bl-użu tal-format ta' skambji regolari ta' opinjonijiet mal-Direttur Ġenerali tad-DĠ Kummerċ fil-laqgħat miftuħa tal-koordinaturi tal-INTA;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti aċċess lill-Parlament għad-dokumentazzjoni tat-testi ta’ nnegozjar tal-ACTA sabiex tippermettilu li jiġi aġġornat dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati; jirrikonoxxi li ċerta informazzjoni tista’ teħtieġ il-kunfidenzjalità u għandha tkun provduta f’forma xierqa;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni wkoll biex tinvolvi ruħha b'mod attiv mal-imsieħba l-oħra tal-ACTA qabel il-fażi li jmiss tan-negozjati fi New Zealand f'April 2010, sabiex tqiegħed b’mod formali l-kwistjoni tat-trasparenza fl-aġenda ta’ dik il-laqgħa, u biex tagħti rapport lill-kumitat speċjalizzat tal-Parlament dwar ir-riżultat ta' dik il-fażi immedjatament wara li din tiġi konkluża;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli n-negozjati dwar l-ACTA sabiex tittejjeb l-effettività tas-sistema ta’ infurzar tal-IPR kontra l-falsifikazzjoni;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq evalwazzjoni tal-impatt tal-implimentazzjoni tal-ACTA fuq id-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data, fuq l-isforzi li għaddejjin bħalissa biex jiġu armonizzati l-miżuri ta' infurzar tal-IPR u fuq il-kummerċ elettroniku, bil-għan li jintlaħaq ftehim tal-UE dwar test konsolidat tal-ACTA, u biex tikkonsulta mal-Parlament dwar ir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni fiż-żmien dovut;

7.  Jilqa’ d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-fatt li kwalunkwe ftehim tal-ACTA se jkun limitat għall-infurzar tal-IPRs eżistenti, mingħajr preġudizzju għall-iżvilupp tal-liġi sostantiva dwar l-proprjetà intelletwali fl-Unjoni Ewropea;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tal-ACTA – speċjalment dawk dwar proċeduri ta' infurzar tad-drittijiet tal-awtur fl-ambjent diġitali – ikun konformi bis-sħiħ mal-acquis communautaire u li l-ebda tfittxijiet personali ma jsiru fil-fruntieri tal-UE;

9.  Iqis li, sabiex tikkonforma mad-drittijiet fundamentali, bħal-libertà tal-espressjoni u d-dritt għall-privatezza, b’osservanza sħiħa tas-sussidjarjetà, il-ftehim propost m’għandux jimponi l-hekk imsejħa ‘proċedura tat-tliet strajkijiet’;

10. Jenfasizza li l-privatezza u l-protezzjoni tad-data huma valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea, kif rikonoxxuti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li għandhom jiġu rispettati fil-politiki u r-regoli kollha adottati mill-UE skont l-Artikolu 16 tat-Trattat FUE;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-istati li huma partijiet fin-negozjati tal-ACTA.