Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0159/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0159/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-UE 2020 - Segwitu tal-Kunsill Ewropew informali tal-11 ta' Frar 2010

4.3.2010

imressqa wara l-mistoqsija b’talba għal tweġiba orali B7-0000/2010
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta’ Proċedura

Rebecca Harms, Daniel Cohn-Bendit f'isem il-Grupp Verts/EFA


Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0159/2010
Testi mressqa :
B7-0159/2010
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0159/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-UE 2020 - segwitu tal-Kunsill Ewropew informali tal-11 ta' Frar 2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Kunsill Ewropew informali tal-11 ta' Frar 2010,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza wara l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew f'Marzu tal-2000, tal-2001, tal-2005, tal-2006, tal-2007 u Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni dwar l-UE 2020 u l-eżitu tagħha (SEC(2010)116),

–   wara li kkunsidra l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija ta' Lisbona (SEC(2010)114),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-mistoqsija tat-23 ta' Frar 2010 lill-Kummissjoni dwar l-Agrikoltura u l-Istrateġija ġejjiena 'UE 2020' (O-0023/2010 – B7-0000/2010),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija 'UE 2020’ hija nieqsa minn proċess ta’ konsultazzjoni xieraq li jinvolvi l-partijiet interessati u l-Parlament Ewropew;

B.  billi l-objettivi stabbiliti fl-Istrateġija ta’ Lisbona ma ntlaħqux; billi d-definizzjoni tal-istrateġija futura UE 2020 teħtieġ li tkun bbażata fuq valutazzjoni adegwata u dettaljata tal-Istrateġija ta’ Lisbona,

C. billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja kixfet il-vulnerabilità strutturali tal-UE u b’mod partikolari taż-żona tal-Euro; billi s-sitwazzjoni fil-Greċja u f’pajjiżi vulnerabbli oħra tal-EMU hija kwistjoni ta’ tħassib serju u sfida urġenti għall-integrazzjoni ekonomika aktar wiesgħa tal-UE,

D. billi l-kriżi neħħiet miljuni ta’ impjiegi u aggravat il-prekarjetà tax-xogħol kif ukoll il-faqar; billi 16% taċ-ċittadini tal-UE qegħdin fir-riskju tal-faqar; billi 23 miljun ċittadin tal-UE jinsabu mingħajr xogħol;

E.  billi id-disponibilità ta’ kreditu faċli, strateġiji għal żmien qasir, id-deregolamentazzjoni tal-finanzi u t-teħid ta’ riskju eċċessiv fis-swieq finanzjarji żiedu l-imġieba spekulattiva, li min-naħa l-oħra wasslet għat-tkabbir ta’ bużżieqa spekulattiva u ż-żieda ta’ żbilanċji mhux sostenibbli interni u globali tal-UE;

F.  billi l-bidla fil-klima teħtieġ azzjoni drastika u urġenti,

G. billi dipendenza qawwija fuq fjuwils konvenzjonali u użu mhux effiċjenti ta’ materja prima pperikolaw id-direzzjoni tal-UE lejn il-kisba ta’ ekonomija sostenibbli,

H.  billi ma hemm ebda għażla għajr li titħaffef it-tranżizzjoni għal ekonomija effikaċi totalment bbażata fuq l-enerġija rinnovabbli u favur l-ambjent sabiex tiġi indirizzata l-bidla fil-klima, tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista u jinkiseb livell għoli ta’ impjegar u koeżjoni soċjali,

I.   I. billi l-effikaċja tar-riżorsi u t-tnaqqis ta’ użu ta’ riżorsi f’termini assoluti huma meħtieġa sabiex tiġi żgurata s-sostenibilità ambjentali,

J.   billi t-tixjiħ demografiku qiegħed jikber hekk kif il-popolazzjoni attiva tal-UE se tibda tiċkien sa mill-2013-2014,

K. billi hemm bżonn ċar li x-xogħol u l-kura jinqasmu ugwalment bejn l-irġiel u n-nisa, titjieb is-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jkun hemm ugwaljanza bejn is-sessi aktar mifruxa,

L.  billi investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja huwa element ewlieni għal kundizzjonijiet ta’ għejxien aħjar u ekonomija bbażata fuq l-għarfien u l-innovazzjoni,

M. billi l-viżjoni tal-Kummissjoni għall-futur tal-istrateġija UE 2020 tinjora r-rwol importanti tal-bijodiversità kif ukoll tal-agrikoltura u r-rwol aktar wiesa’ li l-ekonomiji rurali għandhom fis-sigurtà tal-provvista tal-ikel, ir-riżorsi naturali u l-impjieg u l-potenzjal kbir tagħhom sabiex jiġġieldu kontra l-bidla fil-klima u sfidi ewlenin oħrajn; billi t-telf tal-bijodiversità jwassal għal spiża dinjija ambjentali, soċjali u ekonomika stmata fir-Rapport tat-TEEB (L-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità) bejn EUR 1 350 u EUR 3 100 biljun fis-sena fl-2008 u għal 7% tal-PGD globali sal-2050,

N. billi din l-ommissjoni tidher li tirrifletti nuqqas ta' kuxjenza prinċipali dwar il-ħtieġa li l-Politika Agrikola Komuni u l-politiki għall-iżvilupp rurali jiġu sostanzjalment riformati sabiex dawn l-isfidi jiġu indirizzati, ikunu stabbiliti prattiki sostenibbli permezz tal-immaniġġjar tal-ilma u tal-ħamrija, titnaqqas id-dipendenza fuq iż-żejt, tiġi ppreservata l-bijodiversità u jkunu ddiversifikati l-impjiegi fl-agrikoltura u fl-ekonomija rurali b'mod sostenibbli,

O. billi l-baġit tal-UE jirrappreżenta biss 2.5% tat-total tan-nefqa pubblika fl-Istati Uniti u anqas minn 1% tal-PGD tal-UE;

I. L-UE 2020: mill-vulnerabilità għas-sostenibilità: objettivi u miri għall-istrateġija l-ġdida

1.  Jenfasizza li l-istrateġija UE 2020 għandha tpoġġi lill-Ewropa fuq quddiem nett fir-revoluzzjoni ambjentali tas-Seklu 21 li għandha tirrikonċilja l-iżvilupp tal-bniedem mal-limiti fiżiċi tad-Dinja;

2.  Għalhekk jitlob biex l-għan ġenerali tal-istrateġija UE 2020 jmur lil hinn mill-eżerċizzju waħdieni ta' tkabbir tal-PGD, lejn kunċett politiku aktar wiesa’ tal-futur tal-UE bħal Unjoni soċjali u sostenibbli li jqiegħed lin-nies u l-ħarsien tal-ambjent fiċ-ċentru tat-tfassil tal-politika u jimmira li joħloq il-benessri u l-aħjar opportunitajiet għal kulħadd; jenfasizza f'dan il-kuntest li l-kompetittività mhijiex għan fiha nnifisha;

3.  Iqis li l-istrateġija l-ġdida għandha tinkludu, lil hinn mill-PGD, sett ta' indikaturi għall-benessri, kif ukoll indikaturi li jqisu esternalitajiet ekonomiċi mifruxa u l-pressjoni ambjentali, u li dawn l-indikaturi għandhom ikunu definiti, adottati u evalwati permezz ta' proċeduri demokratiċi u innovattivi;

4.  Ifakkar li fil-qafas tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija ta' Lisbona f'Marzu 2005 l-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid li l-Istrateġija għandha titqies fil-kuntest usa' tal-iżvilupp sostenibbli li huwa kkunsidrat bħala prinċipju ċentrali li jirregola l-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni;

5.  Jinsab allarmat li l-preparazzjoni tal-Kummissjoni għall-istrateġija 2020 mhijiex immirata lejn rwol ta’ tmexxija f'dinja li qiegħda tiffaċċja bidla fil-klima u tnaqqis serju tar-riżorsi naturali u fejn l-ekosistemi dinjija jinsabu fix-xifer ta' kollass;

6.  Jinsab imħasseb ħafna li għanijiet jew miri konkreti, jew saħansitra referenza għall-objettivi tal-bijodiversità 2020, huma nieqsa mill-istrateġija 2020; għalhekk jitlob għall-adozzjoni ta' miri li jistgħu jitkejlu, immirati lejn it-twaqqif tat-telf tas-servizzi tal-bijodiversità u tal-ekosistema u fejn ikun possibbli jiġu restawrati sal-2020;

7.  Ifakkar li kull mira domestika ta’ tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra anqas ambizzjuż minn -30% meta mqabbla mal-livelli tal-1990 hija totalment mhux konformi max-xjenza u mhux se tipprevjeni l-konsegwenzi drammatiċi tal-bidla fil-klima bla kontroll; jikkunsidra li dan juri wkoll il-qsim fit-tmexxija tal-UE fil-politika tal-klima globali; għalhekk jinsisti li din il-mira għandha tiġi stabbilita bi tnaqqis ta' 40%; jirrifjuta s-sussidji għal teknoloġiji dubjużi u riskjużi li jistgħu inqassu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra bi ftit biss meta huwa tard wisq, bħalma huma n-nukleari u l-Qbid u l-Ħżin tal-Karbonju (CCS);

8.  Jenfasizza li s-sostenibilità ambjentali tiddependi fuq tnaqqis assolut fl-użu tar-riżorsi; jitlob, f'din ir-perspettiva għall-adozzjoni ta' mira għat-titjib fl-effiċjenza tar-riżorsi ta' mill-anqas 3% nett kull sena tal-evoluzzjoni tal-PGD;

9.  Jistieden lill-UE, bħala l-ewwel pass lejn ekonomija effikaċi totalment ibbażata fuq l-enerġija rinnovabbli u favur l-ambjent, biex tistabbilixxi miri għall-2020 biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija tagħha b'talanqas 20% meta mqabbel mal-livelli tal-1990 u jiżdied is-sehem ta' enerġiji rinnovabbli b’mhux anqas minn 25% sal-2020 filwaqt li jitneħħew ostakli tekniċi u mhux, għall-iżvilupp ulterjuri tal-enerġiji rinnovabbli sostenibbli;

10. Jenfasizza li l-UE għandha tintensifika l-isforzi tagħha għal politiki b'saħħithom ta' kontra d-diskriminazzjoni li jkunu bbażati fuq id-drittijiet u politiki ta' koeżjoni soċjali vera li jkollhom l-għan li jnaqqsu d-differenzi bejn min hu sinjur u min hu fqir, li jwasslu għal riżultati ta' saħħa aħjar, li jtejbu r-riżultati edukattivi, li jnaqqsu l-kriminalità u li jsaħħu sett ieħor ta' drittijiet u prodotti soċjali li l-ġlieda kontra l-faqar waħidha ma tistax tikseb;

11. Huwa tal-fehma f'dan il-kuntest li l-istrateġija UE 2020 għandha tinkludi b'mod espliċitu miri ambizzjużi għat-tnaqqis tal-faqar b'nofs kull ħames snin (jiġifieri mira ta' livell ta' faqar ta' 8.5% sal-2015 u 4% sal-2020) u għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi u b'mod aktar speċifiku d-differenzi bejn min hu sinjur u min hu fqir; iqis għalhekk li l-faqar għandu jitkejjel bħala 'faqar relattiv' biex jgħin sabiex jiġu identifikati dawk li huma f'riskju ta' esklużjoni u li l-indikatur Gini għandu jkun għodda espliċita tal-istrateġija UE 2020;

12. Jitlob li tingħata attenzjoni qawwija biex tintlaħaq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri sesswali billi tiġi stabbilita mira ta' 60% ta' nisa li jaħdmu f'impjiegi li jħallsu biżżejjed biex jiżguraw indipendenza ekonomika kif ukoll mira biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri sesswali bin-nofs kull ħames snin (jiġifieri titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri sesswali għal 8.5% fl-2015 u għal 4% fl-2020), billi jittejjeb l-aċċess għas-servizzi tal-kura tat-tfal għal mill-inqas 50% tat-tfal li għandhom inqas minn tliet snin u 100% tat-tfal li għandhom iktar minn tliet snin, billi jitwaqqaf osservatorju Ewropew għall-vjolenza kontra n-nisa u billi tiġi stabbilita kwota ta' 40% ta' nisa fuq il-bordijiet tal-kumpaniji;

13. Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni biex jiddefinixxu u jadottaw aġenda dwar xogħol diċenti li tkun ambizzjuża u li tkun tinkludi l-objettiv ta’ paga għall-għajxien, livelli ta’ referenza vinkolanti għall-impjegar taż-żgħażagħ li ma jistgħux jaqbżu r-rata medja tal-qgħad, u approċċ għall-impjieg b'viżjoni tal-ħajja kollha, sostnut bi skemi ta' pensjonijiet statali adegwati;

14. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jistabbilixxu skema ta' 'Youth Guarantee' Ewropea li jiżgura d-dritt ta' kull żagħżugħ fl-UE li jkollu impjieg, apprentistat, taħriġ addizzjonali jew taħlita ta' xogħol u taħriġ wara perjodu massimu ta' 6 xhur qgħad;

15. Iqis li l-istrateġija UE 2020 għandha tinkludi l-objettiv li tintlaħaq il-mira ta' 100% għall-edukazzjoni sekondarja kif ukoll miri u indikaturi kwalitattivi ċari għall-edukazzjoni primarja u sekondarja;

16. Jitlob għall-adozzjoni tal-objettiv ta’ 4% tal-PGD għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni; jikkunsidra f'dan il-qafas li miri espliċiti għandhom jiġu stabbiliti għal strumenti ta’ ffinanzjar kompatibbli mal-SMEs, kif ukoll li jippromwovu Standards Miftuħa li jiggarantixxu l-interoperabilità u l-aċċessibbiltà diġitali;

17. Jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li s-sistema tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tiġi riveduta, minħabba li privattiva żelanti żżejjed u sistema tad-drittijiet esklussiva jistgħu filfatt inaqqsu l-innovazzjoni u jirrestrinġu l-aċċess għal riżorsi essenzjali; jenfasizza li ostakoli bla bżonn għall-moviment ħieles tal-għarfien għandhom jitneħħew, minħabba li t-tqassim tal-għarfien huwa strument essenzjali għall-prosperità;

18. Jenfasizza li n-nefqa militari u nukleari tal-R&D għandha tiġi eskluża mill-4% tal-PGD għall-R&D u l-objettiv tal-innovazzjoni;

19. Jitlob għall-integrazzjoni ċara tal-miri tal-UE għall-ekoinnovazzjoni bħala sehem mill-objettiv ta’ 4% tal-PGD;

20. Jenfasizza l-bżonn għal reviżjoni bir-reqqa tal-istrateġija kummerċjali “Ewropa Globali” tal-Kummissjoni, bil-għan li tkun promossa l-kooperazzjoni dwar standards vinkolanti għal relazzjonijiet kummerċjali li jkollhom sostenibilità soċjali u ambjentali; jitlob f'dan ir-rigward il-waqfa tal-iffirmar tal-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles (FTAs) mal-Kolombja, il-Peru u l-Korea u moratorju tan-negozjati tal-FTA li għaddejjin mal-Indja, il-Kanada, l-Istati tal-Golf u firxa ta' pajjiżi tal-AKP taħt il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs);

II. Tisħiħ tal-governanza għall-istrateġija UE 2020

21. Iqis li l-istrateġija UE 2020 għandha tistabbilixxi objettivi li jorbtu u mekkaniżmi ta' konformità li jikkombinaw l-armonizzazzjoni ’l fuq u l-flessibilità;

22. Jitlob f'din il-perspettiva lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni biex jadottaw inċentivi ekonomiċi, bħal fondi addizzjonali tal-UE, kif ukoll sanzjonijiet, bħall-ħlasijiet addizzjonali, li jappoġġjaw b'mod effikaċi l-għanijiet tal-UE 2020;

23. Huwa tal-fehma li kull Stat Membru għandu jressaq il-programm nazzjonali 2020 tiegħu lill-Kummissjoni, ibbażat fuq is-sitwazzjoni inizjali speċifika tiegħu u konsistenti mal-għanijiet tal-UE 2020;

24. Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni biex jinkludu fl-istrateġija UE 2020 governanza ekonomika ambizzjuża mifruxa mal-UE inkluża t-tnedija konġunta tal-Programmi ta' Stabilità u ta’ Konverġenza u l-Programmi ta' Riforma Nazzjonali fi ħdan qafas komuni;

25. Jisħaq fuq il-fatt li xi nuqqasijiet fl-istruttura tal-EMU u sa ċertu punt il-politiki ekonomiċi ta’ stati sħab jagħmluha diffiċli għall-Istati Membri li jġibu l-finanzi tagħhom f’posthom; b’mod partikolari, jiddispjaċih li l-koordinament tal-politika fiskali huwa limitat għar-regoli stabbiliti fil-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir, li jirreferi biss għall-iżbilanċji pubbliċi u d-dejn pubbliku;

26. Jinnota li l-mekkaniżmu attwali tal-koordinament tal-politika fiż-żona tal-euro jeħtieġ li jitkabbar biex ikun jista' jiffaċċja l-iżbilanċji u d-diverġenzi attwali u futuri fiż-żona tal-euro; jiddispjaċih, f’dan il-kuntest, li ma hemm ebda impenn vinkolanti fost il-gvernijiet biex ikun infurzat il-koordinament fl-EMU u b’mod aktar wiesa’ fl-UE;

27. Iqis li l-Kummissjoni għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar il-fattibilità tal-miri nazzjonali u tevalwa kemm hija mixtieqa l-allokazzjoni ta' fondi żejda fuq bażi ta' kull tliet snin; jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta l-proċedura li ssemmi l-ismijiet biex tħammar l-uċuħ meta tevalwa Programmi Nazzjonali;

28. Jenfasizza li l-Parlament Ewropew għandu jevalwa l-implimentazzjoni tal-istrateġija UE 2020 fuq bażi annwali, u bħala fergħa tal-awtorità baġitarja għandu għalhekk jorbot b'mod espliċitu dawn l-evalwazzjonijiet mal-fondi addizzjonali tal-UE;

29. Iqis li l-appoġġ demokratiku hu kundizzjoni kruċjali għas-suċċess u għaldaqstant li l-parlamenti nazzjonali jeħtiġ li jkunu involuti fid-definizzjoni u fl-implimetazzjoni tal-istrateġija 2020; fl-istess spirtu, hu tal-fehma li r-reġjuni, il-muniċipalitajiet, l-imsieħba soċjali u l-NGOs għandhom ikunu involuti b'mod attiv fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-istrateġija;

30. qis li l-Istrateġija UE 2020 għandha ttejjeb ir-rabtiet strateġiċi u operattivi tagħha mal-Istrateġija ta' Żvilupp Sostenibbli u anke mal-Pakkett dwar l-Enerġija/il-Klima, l-Aġenda Soċjali, l-istrateġija tal-bijodiversità UE 2020 u l-Politika Agrikola Komuni; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex tissottometti komunikazzjoni annwali dwar l-interazzjoni u l-koerenza ta' dawn l-istrateġiji;

31. Jistieden lill-Kummisjoni biex tinkludi r-riforma tal-Politika Agrikola Komuni u l-politiki tal-iżvilupp rurali fl-istrateġija tal-UE 2020 biex l-għanijiet tal-koeżjoni, il-kompetittività u s-sostenibilità jiġi trattati bħala tliet għanijiet inseparabbli, kif diġà kien previst fl-aġendi ta' Lisbona u ta' Göteborg tal-Unjoni;

III. Niżguraw il-mezzi u l-għodod essenzjali biex l-istrateġija l-ġdida tkun suċċess

32. Jistieden lill-pajjiżi li għandhom bilanċi favorevoli fil-kont kurrenti biex jistimulaw l-impjiegi u t-talba interna inter alia billi jtemmu l-moderazzjoni tal-pagi, idaħħlu l-pagi minimi fejn dawn għadhom ma jeżistux u jżidu l-investiment għas-sostenibilità filwaqt li jqisu r-regoli tal-SGP; jistieden lill-pajjiżi b’defiċits fil-kont kurrenti biex irażżnu l-konsum eċċessiv u jżidu l-investiment sostenibbli;

33. Jisħaq li d-dixxiplina fil-moderazzjoni tal-pagi taġixxi wkoll bħala fren fuq it-tkabbir fid-dħul ta' kull household u b'hekk fuq il-konsum privat; għalhekk, iwissi li wieħed m'għandux jiffoka essenzjalment fuq il-moderazzjoni tal-pagi bħala mezz biex tinkiseb l-istabilità tal-prezzijiet; ifakkar li ż-żieda fil-kompetizzjoni globali diġà ġabet pressjoni 'l isfel fuq il-pagi, filwaqt li l-prezzijiet ogħla għall-ħtiġijiet ta’ kuljum għamlu ħsara lill-potenzjal tax-xiri li għandhom il-konsumaturi tal-UE;

34. Iqis li l-baġit Ewropew mhuwiex biżżejjed biex jillimita b’mod effettiv l-iżbilanċi li hemm bejn l-Istati Membri u biex ikollu effett antiċikliku suffiċjenti; jissuġġerixxi, għaldaqstant, tkabbir fil-baġit; hu tal-fehma li d-dibattitu li se jsir dwar il-Perspettivi Finanzjarji joffru l-opportunità li tinbeda riflessjoni biex jiżdied id-daqs tal-baġit tal-UE, riflessjoni li għandha tiġi integrata fil-proċess ta' reviżjoni UE 2020;

35. Iqis li huwa essenzjali li l-mekkaniżmi ta’ solidarjetà fi ħdan l-UE jiġi żviluppat aktar biex ilaħħaq mal-iskossi asimmetriċi; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-fattibilità tal-ħolqien ta’ fond ta’ solidarjetà li l-pajjiżi jkunu jistgħu jikkontribwixxu għalih matul iż-żminijiet it-tajbin, biex ikunu jistgħu jiffaċċjaw aħjar l-iskossi asimmetriċi;

36. Jaqbel mal-Kummissjoni li s-superviżjoni u r-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji bl-għan li tiġi ppreservata l-istabilità finanzjarja, jiġu evitati l-bżieżaq ta' spekulazzjoni, u jiġu limitati l-iżbilanċi interni u esterni huma essenzjali għall-iżvilupp b'suċċess tal-UE;

37. Huwa tal-fehma li hi meħtieġa bażi transkonfinali fuq bażi ugwali għad-ditti u l-aġenti transkonfinali u transsettorjali kollha li joperaw fl-UE (Ewropej u mhumiex);

38. 39- Iqis li l-swieq, l-atturi u l-istrumenti finanzjarji kollha għandhom jiġu regolati, kif ukoll l-infrastrutturi kollha finanzjarji sistemikament importanti bħas-sistemi, il-mekkaniżmi u l-pjattaformi tal-ħlas, tal-ikklerjar u tas-saldu, u l-forniment assoċjat ta' servizzi ta' kustodja;

39. Iqis li sistema ta' regolamentazzjoni finanzjarja effettiva u msaħħa hi kruċjali biex tmexxi d-depożiti u t-tfaddil lejn l-investiment sostenibbli u aħdar u lejn il-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza l-ħtieġa għal superviżur Ewropew waħdieni għall-istituzzjonijiet transkonfinali u transsettorjali kollha; jesiġi għodda xierqa biex tiġi trattata l-ispekulazzjoni fuq l-attivi u l-prodotti u biex tiġi sorveljata l-innovazzjoni finanzjarja;

40. Iqis li r-regolamentazzjoni prudenzjali għandu tiġi msaħħa b'mod sostanzjali u għandha tinkludi rekwiżiti tal-kapital ogħla u aktar kwalitattivi bħal rekwiżiti ta' kapital kontroċikliku u tal-likwidità, proporzjonijiet ta' leverage kif ukoll rekwiżiti ta' kapital progressiv u ta' likwidità skont id-daqs tad-ditta;

41. Iqis li l-attivitajiet bankarji għandhom jerġgħu jiġu ffukati fuq l-attivitajiet kummerċjali tradizzjonali (it-teħid ta' depożiti u l-għoti ta' self); li għandhom ikunu regolati b'mod strett u sorveljati mill-qrib u fl-istess waqt igawdu minn appoġġ ta' selliefa meta ma jibqax għażla oħra u 'market maker' meta ma jibqax għażla oħra; Iqis, min-naħa l-oħra, li l-attivitajiet bankarji oħra għandhom ikunu regolati u sorveljati fuq bażi differenti u skont l-istess prinċipji bħal swieq oħra sistemikament importanti u istituzzjonijiet oħra b'leverage kbir li mhumiex banek, bħall-fondi spekulattivi u l-ekwità privata;

42. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-livell insostenibbli tad-dejn pubbliku u ż-żieda rapida prevista ta' dan id-dejn fl-2010 u l-2011, b'riżultat tal-politika fiskali ta' espansjoni neċessarja biex tieqaf il-kriżi, li hi piż saħansitra ikbar meta wieħed iqis li l-ġenerazzjonijiet ġejjiena se jirtu kemm dejn ekoloġiku kif ukoll dejn finanzjarju privat li qiegħed dejjem jikber; ifakkar li d-dejn privat żdied b'mod insostenibbli f'ħafna Stati Membri waqt il-perjodu ta' qabel il-kriżi;

43. Jenfasizza l-fatt li l-kreditu eċċessiv iżid is-sogru ta' bżieżaq fil-prezz tal-assi; jistieden għaldaqstant lill-BĊE u lis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali biex jevalwaw miżuri xierqa, bħall-aġġustament tar-rekwiżiti ta' riżerva, biex jipproteġu l-istabilità finanzjarja billi jevitaw tkabbir eċċessiv fid-dejn privat;

44. Iqis li jeħtieġ jiġu riveduti r-regoli tal-SGP, li la kienu mfassla għall-iskopijiet tal-livelli ta' dejn akkumulat mistennija ta' wara l-kriżi f'ħafna Stati Membri, u lanqas għall-iskop ta' monitoraġġ tal-evoluzzjoni tad-dejn privat; jissuġġerixxi f'dan ir-rigward li l-proċedura żviluppata għal defiċits eċċessivi tal-SGP tiġi estiża għall-Istati Membri li jkollhom bilanċi favorevoli eċċessivi fil-kontijiet kurrenti u għad-djun privati eċċessivi;

45. Ifakkar li d-defiċits pubbliċi huma kwistjoni ta' tħassib kbir u li l-Istati Membri se jkollhom jieħdu miżuri xierqa biex inaqqsuhom, meta wieħed iqis is-sitwazzjoni ċiklika, inkluż il-livell ta' dejn pubbliku u l-bilanċi tal-kontijiet kurrenti; jenfasizza l-perikli ta' nassa ta' diflazzjoni jekk id-defiċits pubbliċi u l-pagi jitnaqqsu irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja ġeenrali tal-Istati Membri u aktar speċifikament, irrispettivament mill-qabża f'output;

46. Hu tal-fehma, fl-istess rigward, li l-pagi għandhom jevolvu mill-inqas bl-istess rata daqs il-produttività u r-rata ta' inflazzjoni fil-mira;

47. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi ġabra ta’ miżuri biex jgħinu lill-Istati Membri biex jerġa' joħloq il-bilanċ fil-kontijiet pubbliċi u biex jiffinanzjaw l-investiment pubbliku permezz ta’:

(a) eurobonds jew miżuri simili bil-għan li titbaxxa l-ispiża tal-interessi għall-manutenzjoni tad-dejn pubbliku, meta jitqies li l-firxiet tar-rati ta' interessi bejn l-Istati Membri ma niżlux taħt il-livelli ta' qabel il-kriżi;

(b) bidla minn kompetizzjoni fiskali bejn l-Istati Membri għal kooperazzjoni fiskali, inkluża skeda għall-introduzzjoni ta’ bażi fiskali konsolidata komuni għall-profitti tal-kumpaniji u mekkaniżmu biex tkun żgurata koordinazzjoni minima tar-rati tat-taxxa tal-kumpaniji fuq bażi simili għal dik li teżisti diġà għall-VAT;

(c) introduzzjoni kkoordinata ta' taxxi ambjentali biex il-piż jitmexxa minn taxxi fuq ix-xogħol għal fuq attivitajiet u prodotti insostenibbli;

(d) taxxi fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji madwar l-UE bħal taxxa Tobin-Spahn;

(e) l-introduzzjoni ta' rapporti għal kull pajjiż dwar id-dħul tal-kumpaniji u t-taxxi mħallsa fuq dan id-dħul, kif ukoll skambju awtomatiku ta' informazzjoni;

(f)  l-għeluq tal-ġenniet fiskali, l-ewwel nett dawk li jinsabu fl-UE innifisha;

48. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Eurostat u lill-Istati Membri sabiex jaħdmu lejn id-definizzjoni ta’ għodod biex il-baġits nazzjonali jkunu jistgħu jitqabblu aħjar mil-lat ta' nfiq fil-kategoriji differenti, filwaqt li jagħtu lill-Kummissjoni d-dritt li tiċċekkja pubblikament l-istatistiċi nazzjonali;

49. Ifakkar ukoll li l-iżbilanċi globali marbutin maċ-ċaqliq fir-rati tal-kambju bejn, pereżempju, id-dollaru, ir-renminbi u l-euro għandhom jiġu indirizzati wkoll biex jiġu evitati kriżijiet finanzjarji fil-futur; jistieden għaldaqstant lill-Eurogroup, lill-Kunsill u lill-BĊE biex jeżerċitaw bi sħiħ is-setgħat rispettivi tagħhom, u jsaħħu l-koordinazzjoni tal-azzjoni tagħhom fl-isfera tal-politika tar-rati tal-kambju;

50. Jisħaq fuq il-ħtieġa li ż-żona tal-euro fl-aħħar mill-aħħar tokkupa siġġu wieħed fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali relevanti u vuċi waħda dwar il-politiki tar-rati tal-kambju;

51. Jistieden lill-Kummissjoni biex fil-ġejjieni tirrispetta d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ta' applikazzjoni ġenerali inklużi fit-Trattat ta' Lisbona bħall-klawżola soċjali orizzontali l-ġdida (Artikolu 9) u dawk relatati man-nondiskriminazzjoni (Artikoli 8 u 10), l-iżvilupp sostenibbli (Artikolu 11) u l-protezzjoni tal-konsumatur (Artikolu 12); iqis li l-proċeduri tal-valutazzjoni tal-impatti għandhom jiġu raffinati f'dan is-sens;

52. Iqis li sabiex jinkiseb l-għan ta' inklużjoni soċjali irid ikun garantit dħul ewlieni adegwat permezz ta' direttiva ta' qafas tal-UE implimentata u amministrata mill-Istati Membri kollha, kif ukoll finanzi pubbliċi mtejba msejsa fuq it-tassassjoni progressiva u l-ġbir effettiv tat-taxxi;

53. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta analiżi komrensiva tal-effetti tal-liberalizzazzjoni s'issa u tirrevedi l-progress fl-implimentazzjoni tal-Protokoll ġdid dwar is-Servizzi ta' Interess Ġenerali;

54. Ifakkar il-ħtieġa li jiġi żgurat li kulħadd ikollu aċċess għal servizzi ta' kwalità u bi prezz li jintlaħaq, u sabiex jintlaħaq dan il-għan, jitlob li jkun hemm direttiva ta' qafas tal-UE li tirrikonoxxi l-irwol speċjali tas-servizzi ta' interess ġenerali u direttiva tal-UE dwar is-servizzi soċjali u tas-saħħa;

55. Jistieden lill-imsieħba soċjali f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni biex tagħti bidu għal inizjattivi komuni Ewropej biex jiġi miġġieled id-dumping soċjali u jitnaqqas in-numru ta' ħaddiema fqar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fuq bażi annwali tippubblika indikaturi relatati mal-kwalità tal-impjiegi kif ġie miftiehem mal-Kunsill;

56. Iqis li għal ekonomija aktar intelliġenti, aktar sostenibbli u aktar inklużiva, l-UE teħtieġ strateġija għal impjiegi ħodor li toffri ħiliet, adattament tal-post tax-xogħol u t-trasformazzjoni tas-soċjetà; iqis li strateġija ta' dan it-tip għandha tinkludi investimenti intelliġenti biex jinħolqu impjiegi ħodor ġodda; inċentivi biex impjiegi eżistenti jiġi trasformati f'impjiegi ħodor; investiment fit-taħriġ u fit-tagħlim matul il-ħajja kollha biex il-ħaddiema jiġi appoġġjati biex jiżviluppaw u biex jingħataw lok li jibdlu għal impjiegi ġodda fejn ikun meħtieġ; ftehim ta' qafas dwar is-sigurtà tranżitorja, inkluż id-dritt għal taħriġ u sigurtà soċjali biżżejjed fi żminijiet ta' tranżizzjoni bejn impjieg u ieħor; ftehim bejn l-imsieħba soċjali dwar id-drittt ta' tagħlim tul il-ħajja kollha u taħriġ fuq il-post tax-xogħol; u appoġġ għall-adattament tal-ħiliet u l-organizzazzjoni tal-post tax-xogħol b'mod ġenerali;

57. Jisħaq li l-istrateġija UE 2020 għandha tinkludi aġenda ta' politika soċjali ġenwina, inkluż fokus fuq il-Fond Soċjali Ewropew u l-programm PROGRESS, aġenda ta' inklużjoni attiva appoġġjata permezz ta' għodod ta' finanzjament u governanza, fokus b'saħħtu li toffri sigurtà lill-persuni minn kull sitwazzjoni tal-ħajja, inklużi dawk li ma jaħdmux (qafas tal-UE dwar is-sigurtà tranżitorja) u miri għall-Istati Membri relatati ma' inċentivi finanzjarji;

58. Jitlob li jkun hemm rikonoxximent sħiħ u promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mudell ekonomiku alternattiv, li torbot l-attivitajiet ekonomiċi mat-twettiq ta' għanijiet relatati mal-politika soċjali, tas-saħħa, tal-impjiegi u tad-djar, u li taqdi l-ħtiġijiet fil-livell lokall u l-għan ta' ħolqien ta' impjiegi;

59. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Fondi Strutturali tal-UE ikunu marbuta ma' kundizzjonijiet soċjali u ambjentali b'saħħithom u għaldaqstant jagħtu kontribut għall-għanijiet klimatiċi tal-UE billi jintroduċu kontrolli relatati mal-klima għall-interventi kollha tal-Fondi Strutturali, u biex dan issir b'mod immedjat fil-każ ta' proġetti ewlenin;

60. Jitlob li titrawwem l-innovazzjoni permezz ta' awtorizzazzjonijiet reċiproċi għall-użu tal-privattivi (patent pools), pjattaformi tal-privattivi, premjijiet li jħeġġu l-innovazzjoni, liċenzjar bid-drittijiet kollha u 'knowledge clusters', liċenzji obbligatorji u għodod oħra tal-proprjetà intellettwali maħsuba biex ilaqqgħu flimkien l-aċċess u l-innovazzjoni;

61. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni.