Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0169/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0169/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri politiċi u tal-priġunieri tal-kuxjenza f'Kuba

8.3.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Francisco José Millán Mon, Bogusław Sonik f’isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0169/2010

Proċedura : 2010/2592(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0169/2010
Testi mressqa :
B7-0169/2010
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0169/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri politiċi u tal-priġunieri tal-kuxjenza f'Kuba

Il-Parlament Ewropew,

–         wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni f'Kuba, b'mod partikulari dwar tas-17 ta' Novembru 2004, tat-2 ta' Frar 2006 u tal-21 ta' Ġunju 2007,

–         wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-rapporti annwali fuq id-drittijiet tal-bniedem fid-dinja fl-2004, l-2005, l-2006, l-2007 u l-2008, kif ukoll il-politika tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,

–         wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2006 dwar is-segwitu tal- Premju Sakharov,

–         wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill, tal-14 ta’ Diċembru 2005, dwar in-Nisa Libsin l-Abjad, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Presidenza tas-26 ta’ Marzu 2003 u tal-5 ta’ Ġunju 2003 dwar is-sitwazzjoni f’Kuba,

–         wara li kkunsidra l-pożizzjoni komuni 96/697/PESC tal-Kunsill, adottata fit-2 ta’ Diċembru 1996 u regolarment aġġornata,

–         wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill “Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni” tat-18 ta’ Ġunju 2007, tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2008 u tal-15 ta’ Ġunju 2009, dwar Kuba,

–         wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–         wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, is-Sna Catherine Ashton, dwar il-mewt f’Kuba tal-priġunier politiku u tal-kuxjenza, is-Sur Orlando Zapata Tamayo,

A.       billi l-ħarsien tal-universalità u tal-indivisibilità tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, jibqgħu wieħed mill-objettivi prinċipali tal-Unjoni Ewropea,

B.        billi l-għaxriet ta' ġurnalisit indipendenti, dissidenti paċifiċi u militanti tad-drittijiet tal-bniedem għadhom il-ħabs, fejn qed iservu pieni twal, billi wħud minn fosthom huma morda serjament,

C.       billi l-Parlament ta l-Premju Sakharov 2005 għal-libertà tal-ħsieb lin-Nisa Libsin l-Abjad, u billi r-rifużjoni tar-reġim Kuban li jawtorizza lin-Nisa Libsin l-Abjad biex jiġu għaċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Sakharov, fil-kwartieri ġenerali tal-Parlament Ewropew, tikkostitwixxi vjolazzjoni ta’ wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem, jiġifieri l-libertà li persuna toħroġ minn pajjiżha u terġa lura fih, dritt li hu rikonoxxut mid-dikjarazzjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem,

D.       billi ttieħdu passi mill-istituzzjonijiet Ewropej biex jinkisbu l-ħelsien u t-trattament umanitarju tal-priġunieri politiċi u tal-priġunieri tal-kuxjenza f’Kuba,

E.        billi l-mewt tas-Sur Orlando Zapata tikkostitwixxi fatt partikolarment gravi u hija sinjal ta’ kemm il-ġlieda favur ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem f’Kuba marret lura b’mod konsiderevoli,

F.        billi l-mewt tas-Sur Orlando Zabata pprovokat mewġa ta’ protesti fil-livell internazzjonali u priġunieri politiċi u dissidenti Kubani oħra ddeċidew li huma wkoll jibdew strajk tal-ġuħ,

1.        Jikkundanna bil-qawwa kollha u b’mod irrevokabbli l-mewt krudila tas-Sur Orlando Zapata Tamayo, opponent u dissident paċifiku Kuban, li seħħet wara strajk tal-ġuħ twil ta’ ħamsa u għoxrin jum, li kienet tista’ tiġi evitata perfettament u li kienet deskritta minn ommu, is-Sna Reina Lucía Tamayo, bħala delitt tal-Istat premeditat;

2.        Jikkundanna għalkollox in-nuqqas ta' umanità u l-insensibilità li wera r-reġim Kuban fir-rigward tad-difna, in-nuqqas ta’ rispett lejn il-familja tad-dissident, il-pressjonijiet eżerċitati u d-detenzjonijiet preventivi u arbitrarji utilizzati biex lill-familja tal-mejjet, lil qrabatu u lill-dawk li jappoġġawh u lill-ħbiebu jżommhom milli jagħtuh l-aħħar qima tagħhom;

3.        Jikkundanna n-nuqqas ta’ kull ġest sinifikanti min-naħa tal-awtoritajiet Kubani bi tweġiba għall-appelli mibgħuta mill-Unjoni Ewropea u mill-bqija tal-komunità internazzjonali favur il-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha u favur ir-rispett sħiħ u totali għal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni politika;

4.        Jesprimi t-tħassib serju tiegħu fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-priġunieri politiċi u tad-dissidenti Kubani li ddikjaraw li huma fuq strajk tal-ġuħ wara l-mewt tas-Sur Orlando Zapata, u jinsab inkwetat b’mod partikolari rigward id-destin tal-ġurnalist u psikologu Guillermo Fariñas, li jinsab fi stat ta' saħħa estremament allarmanti;

5.        Jesiġi mill-gvern Kuban il-ħelsien immedjat, assolut u mingħajr kundizzjoni tal-priġunieri politiċi u tal-priġunieri tal-kuxjenza;

6.        Jiddispjaċih li ma sar l-ebda segwitu għat-talba tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew bil-għan li jseħħ il-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha u tal-priġunieri tal-kuxjenza kollha, u jinsisti fuq il-fatt li t-tfigħ fil-ħabs ta' dissidenti, f'Kuba, minħabba l-ideali tagħhom jew minħabba l-attività politika paċifika tagħhom, jikkostitwixxi vjolazzjoni tad-dikjarazzjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem;

7.        Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu jadottaw kull miżura utli biex jesiġu l-ħelsien tal-priġunieri politiċi kif ukoll biex jippromwovu u jassiguraw il-ħidma tal-militanti tad-drittijiet tal-bniedem;

8.        Jitlob lill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biex jappoġġaw b’mod inkondizzjonat u jinkoraġġixxu mingħajr riserva t-tnedija ta’ proċess paċifiku ta’ tranżizzjoni politika lejn demokrazija pluripartitika f’Kuba, f’konformità mal-pożizzjoni 96/697/PESC tal-Kunsill;

9.        Jesprimi s-solidarjetà profonda tiegħu lejn il-poplu Kuban kollu, filwaqt li jappoġġah fil-progress matul it-triq tad-demokrazija u tar-rispett u d-difiża tal-libertajiet fundamentali;

10.      Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kummissarju inkarigat mill-koperazzjoni biex mingħajr dewmien jagħtu bidu għal djalogu strutturat mas-soċjetà ċivili Kubana u mas-setturi li jappoġġaw it-tranżizzjoni paċifika fuq il-gżira, f’konformità mal-konklużjonijiet adottati suċċessivament mill-Kunsill, filwaqt li jirrikorru għall-mekkaniżmi ta’ koperazzjoni u żvilupp li għandha l-Unjoni u, b’mod partikolari, għall-Inizjattiva Ewropea għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem;

11.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza fuq bażi ta’ rotazzjoni tal-Unjoni Ewropea, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Assemblea Parlamentari Euro-Latina-Amerikana, kif ukoll lill-gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tas-Setgħa Popolari tar-Repubblika ta’ Kuba.