MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar Kuba
8.3.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Fiorello Provera, Lorenzo Fontana f'isem il-Grupp EFD
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0169/2010
B7‑0170/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Kuba
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni f’Kuba,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Rapporti Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2006 dwar is-segwitu tal-Premju Sakharov[1] ,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-kelliem għar-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President tal-Kummissjoni dwar il-mewt tas-Sur Tamayo,
– wara li li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE dwar il-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar Kuba tal-15 ta’ Ġunju 2009,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-ħarsien tal-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bnidemn, inklużi drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, jibqa' wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea;
B. billi fit-23 ta’ Frar 2010 s-Sur Orlando Zapata Tamayo, attivist politiku magħruf Kuban, miet il-ħabs kaġun ta’ strajk tal-ġuħ ta’ 83 ġurnata bi protesta kontra l-Gvern ta’ Kuba talli ċaħħdu mill-għażla li jilbes ilbies dissidenti abjad minflok l-uniformi uffiċjali tal-priġunieri, kif ukoll biex jiddenunzja l-kundizzjonijiet ta’ għajxien tal-priġunieri l-oħra,
C. billi rapporti jindikaw li l-priġunieri politiċi regolarment jsofru għadd ta’ abbużi, li jinkludu ir-riedukazzjoni ideoloġika sfurzata, l-estensjoni tal-iżolament u ċ-ċaħda ta’ trattament mediku,
D. billi l-awtoritajiet ta’ Kuba għadhom jirrifjutaw il-permess lid-Damas de Blanco li jivvjaġġaw lejn is-sede tal-Parlament Ewropew biex jirċievu l-premju Sakharov, bi ksur ta’ wieħed mid-drittijiet bażiċi tal-bniedem, jiġifieri d-dritt li wieħed jitlaq minn pajjiżu u jirritorna fih b'libertà, kif stipulat mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
E. billi l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni ta’ Kuba jipprojbixxi b’mod espliċitu lill-Kubani milli jeżerċitaw id-drittijiet bażiċi tagħhom kontra l-“finijiet aħħarija tal-istat soċjalista”,
F. filwaqt li l-Gvern ta’ Kuba taħt it-tmexxija l-ġdida ta’ Raúl Castro baqa’ jinforza l-konformità politika, bl-użu ta’ prosekuzzjonijiet kriminali, detenzjonijiet għal perjodi twal u qosra, kedd abużiv, ċaħda mill-impjieg u restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar,
G. billi l-Gvern ta’ Kuba qiegħed jirrikorri dejjem għad-dispożizzjoni tal-hekk imsejjaħ “estado peligroso” tal-Kodiċi Kriminali li tippermetti lill-awtoritajiet li jitfgħu individwi l-ħabs qabel ma jikkommettu att kriminali, fuq is-suspett li huma jistgħu fil-futur iwettqu ksur tal-liġi, bħal pereżempju jqassmu kopji tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-bniedem, jorganizzaw mixjiet paċifiċi, jiktbu rapporti ta' aħbarijiet ta' kritika u jippruvaw jorganizzaw unjins indipendenti,
H. billi Kuba tinsab eżatt wara ċ-Ċina għan-numru ta' ġurnalisti fil-ħabs,
I. billi jeħtieġ li Kuba tniedi proċess ta' tranżizzjoni politika lejn demokrazija b'għadd ta' partiti, b'parteċipazzjoni u teħid ta' deċiżjoni miftuħ għall-Kubani kollha permezz ta' djalogu miftuħ u mingħajr esklużjonijiet,
J. billi għandha tingħata prijorità għolja lill-prinċipju ta’ demokrazija, lid-drittijiet tal-bniedem u lil-libertajiet fundamentali fid-djalogu bejn l-UE, il-Gvern ta' Kuba u s-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika ta' Kuba,
1. Għadu mħasseb bil-kbir dwar in-nuqqas ta’ progress fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’Kuba, b’mod partikolari fil-qasam tad-drittijiet ċivili u politiċi u fi-riformi politiċi; jiddispjaċih li ma ntlaqgħetx it-talba tal-Parlament u tal-Kunsill għall-ħelsien immedjat tal-priġuniera politiċi u ta' kuxjenza kollha u jinsisti li l-priġunerija tad-dissidenti f'Kuba minħabba l-ideali u l-attività politika paċifika tagħhom tmur kontra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;
2. Jikkundanna bil-qawwa n-negliġenza tal-Gvern ta’ Kuba għall-aktar ħtiġijiet umanitarji bażiċi fil-każ tal-mewt fil-ħabs tas-Sur Orlando Zapata Tamayo; iħeġġeġ lill-Gvern ta’ Kuba biex jeħles mingħajr kundizzjonijiet lil kull priġunier politiku, inklużi dawk li ġew miżmuma u ssentenzjati fl-2003; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-saħħa ta’ dawk li għadhom miżmuma fil-ħabsijiet ta’ Kuba; jitlob lill-awtoritajiet ta’ Kuban sabiex jiffaċilitaw l-aċċess immedjat tal-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali għall-ħabsijiet ta’ Kuba;
3. Jiddispjaċih mill-fatt li, minkejja t-trasferiment tal-poter minn Fidel Castro għal tmexxija kollettiva mmexxija minn ħuh Raúl Castro, is-sistema politika, ekonomika u soċjali f'Kuba baqgħet essenzjalment l-istess; jenfasizza l-importanza ta’ riformi strutturali ekonomiċi u soċjali sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ għajxien tal-poplu ta’ Kuba u jħeġġeġ lill-Gvern ta’ Kuba biex jieħu l-passi neċessarji;
4. Itenni t-talba tiegħu lill-Gvern ta’ Kuba biex jagħti lill-poplu ta’ Kuba l-libertà ta' informazzjoni u espressjoni, inkluż l-aċċess għall-internet;
5. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu jieħdu kull azzjoni meħtieġa sabiex jitolbu l-ħelsien tal-priġunieri politiċi u biex jiżguraw li l-keded abużivi tal-oppożituri politiċi u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jitwaqqfu immedjatament;
6. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex ikomplu d-djalogu tagħhom mas-soċjetà ċivili ta' Kuba u biex joffru l-appoġġ tagħhom għal bidla paċifika f'Kuba, permezz ta' strumenti ta' kooperazzjoni tal-iżvilupp, inkluż l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem;
7. Jitlob li l-awtoritajiet ta’ Kuba jippermettu lill-membri tal-oppożizzjoni politika, lill-attivisti għad-drittijiet tal-bniedem u liċ-ċittadini biex jivvjaġġaw barra mill-pajjiż u biex jirritornaw f’Kuba bil-libertà;
8. Jikkunsidra bħala urġenti li r-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi – inkluża l-għajnuna għall-iżvilupp - bejn l-UE u l-awtoritajiet ta' Kuba jintrabtu ma' titjieb konkret u verifikabbli fil-kundizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem għal kull ċittadin ta' Kuba, ibda mill-ħelsien tal-priġunieri politiċi u ta' kuxjenza kollha;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Assemblea EUROLAT, lill-Gvern ta' Kuba, lill-Assemblea Nazzjonali tal-Poter Popolari u lir-rebbieħa tal-Premju Sakharov tal-Parlament.
- [1] Testi adottati, P6_TA(2006)0601.