MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-priġunieri ta' kuxjenza f'Kuba
8.3.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Adrian Severin, Luis Yáñez-Barnuevo García, Emine Bozkurt f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0169/2010
B7‑0174/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-priġunieri ta' kuxjenza f'Kuba
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni f'Kuba, b'mod partikulari dawk tas-17 ta' Novembru 2004 u tat-2 ta’ Frar 2006,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem fid-dinja fl-2004, 2005 u 2006 u l-politika tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2006 dwar mekkaniżmu ta' segwitu tal-Premju Sakharov[1],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2005 dwar il-grupp Damas de Blanco, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet l-oħra, tas-26 ta' Marzu 2003 u tal-5 ta' Ġunju 2003, dwar is-sitwazzjoni f'Kuba,
– wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 96/697/CFSP, adottata fit-2 ta' Diċembru 1996 u li aġġornata perjodikament,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tat-18 ta' Ġunju 2007, dwar Kuba,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tar-Rappreżentant Għoli Catherine ashton dwar il-mewt tas-Sur Zapata f'Kuba,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-ħarsien tal-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, jibqa' wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea,
B. billi għexieren ta' ġurnalisti indipendenti, dissidenti paċifiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għadhom qed jinżammu l-ħabs,
C. billi l-Parlament ta l-Premju Sakharov 2005 għal-Libertà tal-Ħsieb lill-grupp Damas de Blanco; billi r-rifjut tal-awtoritajiet Kubani li jippermettu lid-Damas de Blanco li jivvjaġġaw lejn is-sede tal-Parlament biex jirċievu l-premju jikser wieħed mid-drittijiet bażiċi tal-bniedem, jiġifieri d-dritt li wieħed jitlaq minn pajjiżu u jirritorna liberament, kif imħaddan fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
D. billi l-Presidenza tal-UE wettqet ħafna azzjonijiet favur il-priġunieri ta' kuxjenza f'Kuba,
E. billi l-mewt ta' Orlando Zapata hi pass lura għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba,
1. Jiddispjaċih bis-sħiħ għall-mewt bla bżonn u krudili tad-dissident Kuban Orlando Zapata, wara strajk tal-ġuħ twil;
2. Jiddeplora n-nuqqas ta' ġesti sinjifikanti min-naħa tal-awtoritajiet Kubani b'risposta għat-talbiet tal-komunità internazzjonali favur il-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha;
3. Iħeġġeġ lill-Gvern Kuban biex jeħles, immedjatament, definittivament u b'mod assolut, lill-priġunieri politiċi kollha;
4. Jiddeplora l-fatt li l-Gvern Kuban ma laqax it-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill għall-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi u tal-priġunieri tal-kuxjenza kollha, u jinsisti li l-fatt li dissidenti Kubani ntbagħtu l-ħabs minħabba l-ideali u l-attività politika paċifika tagħhom imur kontra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;
5. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu jinsistu fuq il-ħelsien tad-dissidenti politiċi f'Kuba u biex joħorġu bi proposti konkreti biex jiggarantixxu x-xogħol tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem;
6. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jesprimu appoġġ bla kundizzjonijiet u jħeġġu mingħajr riżervi l-bidu ta' proċess paċifiku ta' tranżizzjoni politika lejn demokratiza pluripartitari f'Kuba;
7. Jesprimi s-solidarjetà teigħu mal-poplu kollu ta' Kuba, u jappoġġahom fil-mixja tagħhom lejn id-demokrazija u r-rispett u t-trawwim tal-libertajiet fundamentali;
8. Jistieden lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza b'rotrazzjoni tal-UE, lir-Rappreżentant Għoli, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latina-Amerikana u lill-Gvern ta' Kuba.