MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar Kuba – il-każ ta' Orlando Zapata Tamayo
8.3.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Tannock, Edvard Kožušník, Jacek Olgierd Kurski, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Adam Bielan, Ryszard Czarnecki f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0169/2010
B7‑0176/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Kuba – il-każ ta' Orlando Zapata Tamayo
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni f'Kuba, b'mod partikulari dawk tas-17 ta' Novembru 2004[1], tat-2 ta’ Frar 2006[2] u tal-21 ta' Ġunju 2007[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-Rapporti Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja għall-2004, l-2005, l-2006, l-2007 u l-2008 u l-politika tal-UE dwar din il-kwistjoni,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2006 dwar is-segwitu tal-Premju Sakharov[4],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2005 dwar id-Damas de Blanco u d-dikjarazzjonijiet preċedenti tiegħu tas-26 ta' Marzu 2003 u tal-5 ta' Ġunju 2003 dwar is-sitwazzjoni f'Kuba,
– wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 96/697/CFSP dwar Kuba[5], li ġiet adottata fit-2 ta' Diċembru 1996 u li ġiet aġġornata perjodikament,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tat-18 ta' Ġunju 2007 dwar Kuba,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tal-kelliem għar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar il-mewt f'Kuba ta' Orlando Zapata Tamayo fil-25 ta' Frar 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi d-difiża tal-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, tibqa' wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea,
B. billi għexieren ta' ġurnalisti indipendenti, dissidenti paċifiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li huma membri tal-oppożizzjoni demokratika, għadhom qed jinżammu l-ħabs f'Kuba u xi wħud minnhom huma morda serjament,
C. billi l-Parlament ta l-Premju Sakharov 2005 għal-Libertà tal-Ħsieb lill-grupp Kuban Damas de Blanco; billi r-rifjut tal-awtoritajiet Kubani li jippermettu lid-Damas de Blanco li jivvjaġġaw lejn is-sede tal-Parlament biex jirċievu l-premju jikser wieħed mid-drittijiet bażiċi tal-bniedem, jiġifieri d-dritt li wieħed jitlaq minn pajjiżu u jirritorna liberament, kif imħaddan fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
D. billi Kuba jeħtieġ tniedi proċess ta' tranżizzjoni politika lejn demokrazija b'diversi partiti, b'parteċipazzjoni u teħid ta' deċiżjoni miftuħ għall-Kubani kollha permezz ta' djalogu miftuħ u li ma jeskludi l-ħadd,
E. billi l-mewt ta' Orlando Zapata Tamayo timmarka l-ewwel darba f'40 sena li attivist Kuban miet b'kaġun ta' strajk tal-ġuħ li wettaq bi protesta kontra l-abbużi tal-gvern u tar-reġim politiku f'Kuba,
F. billi l-mewt ta' Orlando Zapata Tamayo qajmet protesti kbar fil-livell internazzjonali kontra l-awtoritajiet Kubani,
G. billi f'Kuba għadhom qed jiġu miżmuma madwar 200 priġunier politiku,
1. Jikkundanna bis-sħiħ il-mewt tal-priġunier politiku Orlando Zapata Tamayo, li miet 85 jum wara li beda jirrifjuta l-ikel bi protesta kontra l-kundizzjonijiet fil-ħabs;
2. Jiddispjaċih min-nuqqas ta' sinjali sinifikanti min-naħa tal-awtoritajiet Kubani bħala reazzjoni għas-sejħa tal-UE għar-rispett sħiħ għal-libertajiet fundamentali, speċjalment il-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni politika;
3. Jiddeplora l-fatt li l-Gvern Kuban ma laqax it-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill għall-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi u tal-priġunieri tal-kuxjenza kollha, u jinsisti li l-fatt li dissidenti Kubani ntbagħtu l-ħabs minħabba l-ideali u l-attività politika paċifika tagħhom imur kontra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;
4. Iħeġġeġ lill-Gvern Kuban biex jeħles, immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet, il-priġunieri politiċi kollha u li ma jagħmilx arresti arbitrarji fil-futur;
5. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu jinsistu fuq il-ħelsien tad-dissidenti politiċi f'Kuba u biex joħorġu bi proposti konkreti biex jissalvagwardjaw ix-xogħol tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem;
6. Jistieden lill-awtoritajiet Kubani biex isarrfu f'realtà l-impenn għad-drittijiet tal-bniedem li daħlet fih permezz tal-iffirmar tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;
7. Jistieden lill-Gvern Kuban biex jieqaf jimpedixxi l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-binedem u li jneħħi l-barrieri kollha għal-libertà tal-moviment, l-espressjoni, l-informazzjoni u l-assoċjazzjoni u l-involviment f'partiti politiċi;
8. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jesprimu appoġġ bla kundizzjonijiet għall-bidu ta' proċess paċifiku ta' tranżizzjoni politika lejn reġim politiku demokratiku f'Kuba;
9. Jistieden lir-Rappreżentant għoli biex jibdew djalogu strutturali mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u dak li jappoġġjaw it-trasformazzjoni politika f'Kuba, skont il-konklużjonijiet approvati suċċessivament mill-Kunsill u bl-użu tal-mekkaniżmi tal-UE għall-koperazzjoni u l-iżvilupp;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill , lill-Kummissjoni, lill-Assemblea EUROLAT u lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Poter Popolari ta' Kuba.
- [1] ĠU C 201 E, 18.8.2005, p. 83.
- [2] ĠU C 288 E, 25.11.2006, p. 81.
- [3] Testi adottati ta' dakinhar, P6_TA(2007)0288.
- [4] Testi adottati ta' dakinhar, P6_TA(2006)0601.
- [5] ĠU L 322, 12.12.1996, p. 1.