MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-mewt ta' Orlando Zapata Tamayo f'Kuba
8.3.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Franziska Katharina Brantner, Raül Romeva i Rueda f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0169/2010
B7‑0178/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-mewt ta' Orlando Zapata Tamayo f'Kuba
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula mill-kelliem għar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton fil-25 ta' Frar 2010,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Kuba tal-15 ta' Ġunju 2009,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi Orlando Zapata Tamayo miet fil-ħabs wara strajk tal-ġuħ, u billi l-mewt tiegħu setgħet ġiet evitata,
B. billi l-Istati kollha għandhom dmir u responsabilità li jipproteġu l-ħajjiet taċ-ċittadini tagħhom u l-persuni li jgħixu fi ħdan il-konfini tagħhom, indipendentement mill-kundizzjonijiet li jsibu ruħhom fihom,
C. billi l-Kunsill impenja ruħu għal djalogu politiku ma' Kuba u reġa nieda l-koperazzjoni għall-iżvilupp ma' Kuba, u billi Kuba hi membru tal-grupp tal-AKP,
D. billi fil-politika barranija tagħha, l-UE ssegwi approċċ ġenerali msejjes fuq id-djalogu u l-appoġġ, minflok l-iżolament, u billi diversi aġenziji tal-iżvilupp u fondazzjonijiet Ewropej huma attivi f'Kuba,
1. Jiddeplora ħafna l-mewt ta' Orlando Zapata Tamayo u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-qrabatu u lill-ħbieb tiegħu;
2. Jiċħad l-idea li xi pajjiż fid-dinja għandu jkollu l-priġunieri politiċi, jitlob li l-priġunieri kollha ta' dan it-tip jiġu meħlusa, u jinsisti li l-priġunieri, ikunu xi jkunu l-akkużi kontrihom, iridu jiġu trattati b'mod uman u jinżammu taħt kundizzjonijiet li jissalvagwardjaw is-saħħa tagħhom;
3. Itenni li l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni hi dritt fundamentali u li għal aktar minn għoxrin sena l-Internet sar wieħed mill-aktar għodda importanti li jiggarantixxu l-liberta ta' espressjoni u ta' informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex toffri l-appoġġ finanzjarju u tekniku bil-għan li jkun żgurat li ċ-ċittadini kollha ta' Kuba jkollhom aċċess għall-internet;
4. Hu tal-fehma li l-fatt li Kuba ffirmat il-Patt Internazzjonali tad-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali tad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali f'Washington fi frar 2008 joffri liċ-ċittadini Kubani l-għodda fundamentali biex jaħdmu għall-progress soċjali u politiku kif jarawh huma, u jistedinhom jużaw dawn l-għodda; fid-dawl ta' dawn il-patti, jikkundanna l-attitudni tal-Gvern Kuban lejn Orlando Zapata Tamayo;
5. Iqis li l-embargo eżistenti ma jgħinx biex jinkiseb dan it-tip ta' progress, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jieqfu milli jimponi embargoes ta' dan it-tip, inklużi embargoes ekonomiċi;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Gvern ta' Kuba.