Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0181/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0181/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-Regolament li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (GSP)

8.3.2010

imressqa wara l-mistoqsija b’talba għal tweġiba orali B7‑0018/2010
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Daniel Caspary, Laima Liucija Andrikienė, Georgios Papastamkos f’isem il-Grupp PPE
Kader Arif, Véronique De Keyser f’isem il-Grupp S&D
Niccolò Rinaldi, Metin Kazak, Marielle De Sarnez f’isem il-Grupp ALDE
Yannick Jadot f’isem il-Grupp Verts/ALE
Robert Sturdy f’isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0181/2010

Proċedura : 2010/2594(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0181/2010
Testi mressqa :
B7-0181/2010
Testi adottati :

B7‑0181/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Regolament li japplika skema ta’ Preferenzi Tariffarji Ġeneralizzati (GSP)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT), b’mod partikolari l-'klawżola awtorizzanti' tal-1979,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011 (2007/0289(CNS)),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 tat-22 ta' Lulju 2008,

–   wara li kkunsidra l-Kapitolu 1 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-'klawżola awtorizzanti' hija l-bażi legali tad-WTO għas-sistema ġeneralizzata ta’ preferenzi (GSP),

B.  billi sa mill-1971 il-Komunità kkonċediet preferenzi kummerċjali lil pajjiżi li qed jiżviluppaw, fi ħdan l-iskema tagħha ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati,

C. billi l-Parlament ġie kkonsultat dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar il-GSP għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2009 u l-31 ta' Diċembru 2011 (COM(2007)0857),

D. billi t-Trattat ta’ Lisbona daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009,

E.  billi, skont il-Kapitolu 1 tat-Titolu V tat-TUE, l-azzjoni tal-UE fix-xena internazzjonali għandha tiġi ggwidata mill-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u għandha trawwem l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-għan prinċipali li teqred il-faqar,

F.  billi, skont l-Artikolu 207 tat-TFUE, il-Parlament u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolamenti skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri li jiddefinixxu l-qafas għall-implementazzjoni tal-politika kummerċjali komuni,

1.  Jagħraf l-importanza tal-GSP, li tippermetti lill-pajjiżi żviluppati biex joffru trattament preferenzjali mhux reċiproku fir-rigward tal-prodotti ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw;

2.  Jinnota li l-ħolqien tal-GSP mill-Komunità Ewoprea fl-1971 kien ġie ppreżentat bħala strument għas-sejba ta’ soluzzjoni tal-iżbilanċi tal-kummerċ bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw u kienet mistennija tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tagħhom; iqis li dan kien strument kummerċjali tal-KE u l-UE għall-assistenza tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw billi jiġġenera dħul permezz ta’ kummerċ internazzjonali, biex b’hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba tagħhom;

3.  Jinnota li r-regolament attwali tal-GSP se jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2011; għalhekk, filwaqt li jqis iż-żmien meħtieġ għall-adozzjoni ta’ regolament ġdid skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi regolament tal-GSP rivedut lill-Parlament u lill-Kunsill sal-1 ta’ Ġunju 2010;

4.  Iqis li l-preferenzi mogħtija taħt il-GSP għandhom jiġu mmirati lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li l-iktar jeħtieġuhom, sabiex il-lista ġdida tal-pajjjiżi benefiċjarji tkun tirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika reali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

5.  Jenfasizza li l-pajjiżi kollha li jibbenefikaw mill-iskema tal-GSP+ għandhom, skont l-Artikolu 15(1), mhux biss jirratifikaw iżda jimplimentaw ukoll b’mod effettiv is-27 konvenzjoni kollha tal-ILO u tan-NU elenkati fl-Anness III tar-Regolament tal-GSP;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa għal iktar trasparenza u responsabbiltà demokratika għal kif jinbdew u jitwettqu l-proċessi ta’ investigazzjoni; għalhekk jitlob li jkun infurmat bis-sħiħ u involut adegwatament mill-Kummissjoni fid-diversi stadji tal-proċeduri tal-GSP u l-GSP+, inkluż rigward il-proposta tal-Kunsill dwar il-listi tal-pajjiżi benefiċjarji;

7. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – qabel ma r-regolament attwali ma jibqax japplika u qabel ma tibda d-diskussjoni dwar ir-regolament il-ġdid – rapport dwar l-istat ta’ ratifikazzjoni u implimentazzjoni tas-27 konvenzjoni minn kull pajjiż li jibbenefika mill-arranġamenti ta’ inċentivi speċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi, fir-regolament tal-GSP rivedut tagħha, l-entitajiet ta’ monitoraġġ li għandhom jirrakkomandaw jekk għandhomx jittieħdu passi addizzjonali għall-implimentazzjoni effettiva ta’ konvenzjoni minn pajjiż speċifiku, u jiddikjara li, f’dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tevalwa wkoll l-effikaċja tal-arranġamenti ta’ inċentivi speċjali fit-twettiq tal-għan tagħhom u jirakkomanda, fejn xieraq, ir-reviżjoni tal-Anness III;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, fir-regolament tal-GSP rivedut tagħha, tipprovdi għal valutazzjoni regolari tal-konformità ta' kull pajjiż benefiċjarju mal-impenji tiegħu skont il-GSP+, u b’hekk tiżgura li ma tapplika l-ebda raġuni stipulata fl-Artikolu 15(1) u (2) u l-Artikolu 16(1) u (2) għall-irtirar temporanju tal-arranġamenti preferenzjali; jitlob li r-rapport annwali jintbagħat lill-Parlament u lill-Kunsill;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, qabel ma tirrevedi s-sistema, twettaq valutazzjoni tal-impatt tal-effetti tal-GSP fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2009 u biex tevalwa kif l-għanijiet inizjali intlaħqu fir-rigward tal-indikaturi soċjoekonomiċi speċifiċi rilevanti għal kull pajjiż u, b’mod partikolari, it-tnaqqis tal-faqar; jiddikjara li, sussegwentement, l-istudju għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament u lill-Kunsill; jiddikjara li l-proposta l-ġdida għal regolament tal-GSP rivedut għandha tqis bix-xieraq ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill- Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.