Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0233/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0233/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-samit UE-Kanada li se jsir fil-5 ta' Mejju 2010

14.4.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Ioan Enciu, Mario Pirillo f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0233/2010

Proċedura : 2010/2549(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0233/2010
Testi mressqa :
B7-0233/2010
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0233/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-samit UE-Kanada li se jsir fil-5 ta' Mejju 2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra n-negozjati għal ftehim ta' kummerċ ekonomiku komprensiv li tnedew fis-samit UE-Kanada tas-6 ta' Mejju 2009 fi Praga,

–   wara li kkunsidra s-suċċess tat-32 Laqgħa Interparlamentari tad-Delegazzjoni dwar ir-relazzjonijiet mal-Kanada, laqgħa li saret f'Novembru 2009 fi Brussell,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 207 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Frar 2010 dwar Ftehim Qafas rivedut bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għall-perjodu leġiżlattiv li jmiss (INTA),

–   wara li kkunsidra l-Ħames Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar iż-żamma ta’ obbligi ta’ viża minn ċerti pajjiżi terzi bi ksur tal-prinċipju tar-reċiproċità (COM(2009)560 finali),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-PE tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-Governanza tal-Artiku (RSP/2008/2633),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Kanada hija waħda mill-eqdem u l-eqreb sħab tal-Unjoni Ewropea, sħubija li bdiet mill-1959,

B. billi n-negozjati li għaddejjin għal ftehim ta' kummerċ ekonomiku komprensiv jistgħu jsaħħu r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kanada,

C. billi fl-2010, il-Kanada se jkollha l-Presidenza tal-G8, u se tospita s-samit li jmiss tal-G20,

D. billi s-samit UE-Kanada li se jsir fi Brussell fil-5 ta' Mejju mistenni jiffoka fuq it-tisħiħ tar-relazzjoni politika diġà b'saħħitha bejn iż-żewġ sħab, filwaqt li jittratta b'mod partikulari sfidi komuni bħal: negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ekonomiku komprensiv; sfidi barranin u ta' sigurtà, b'mod partikulari rigward l-Afganistan u l-Pakistan; triq komuni 'l quddiem rigward l-Iran; in-nonproliferazzjoni nukleari; Ħaiti u s-segwitu tal-konferenza tad-donaturi ta' New York; il-koperazzjoni għall-iżvilupp; reazzjoni koordinata għall-kriżi ekonomika u finanzjarja; it-tibdil fil-klima u l-enerġija; u t-triq lejn il-konklużjoni taċ-Ċiklu għall-Iżvilupp,

E. billi fis-27 ta' Jannar 2010 l-Kummissjoni tat assigurazzjonijiet dwar l-impenn tagħha għal assoċjazzjoni msaħħa mal-Parlament, b'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Frar 2010 dwar Ftehim Qafas rivedut mal-Kummissjoni li jitlob li jkun hemm “l-għoti immedjat u sħiħ ta' informazzjoni lill-Parlament f'kull stadju tan-negozjati dwar ftehimiet internazzjonali, b’mod partikolari dwar kwistjonijiet ta' kummerċ u negozjati oħra li jinvolvu l-proċedura ta' kunsens, b'tali mod li jingħata effett sħiħ lill-Artikolu 218 tat-TFUE”,

F. billi ċ-ċittadini Ċeki, Rumeni u Bulgari għadhom jeħtieġu viża biex jidħlu l-Kanada,

G.  billi r-reġjun Artiku attwalment mhuwiex iggvernat minn normi u regolamenti multilaterali fformulati b'mod speċifiku, peress li qatt ma kien mistenni li jsir rotta navigabbli jew żona ta' sfruttament kummerċjali, u billi jista' jkun fih madwar 20% tar-riżervi dinjija ta' żejt u gass li għadhom ma ġewx skoperti,

H. billi l-UE u l-Kanada jaqsmu valuri komuni u impenn qawwi għal ħidma multilaterali biex jingħelbu sfidi ewlenin,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-progress fin-negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ekonomiku komprensiv huwa punt ewlieni tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-UE u l-Kanada; f'dan ir-rigward, jemmen li s-samit bejn l-UE u l-Kanada li se jsir fi Brussell fil-5 ta' Mejju 2010 jipprovdi opportunità tajba biex dawn in-negozjati jitkomplew;

2.  Jinnota r-robustezza tal-ekonomija Kanadiża matul il-kriżi ekonomika, speċjalment tal-qasam bankarju; jesprimi r-rieda tiegħu li jaħdem mill-qrib mal-Kanada fil-kuntest tal-G20 sabiex jinkiseb approċċ koordinat, f'livell dinji, għall-istimolu fiskali;

3.  Jinnota li kemm il-Kanada kif ukoll l-UE impenjaw ruħhom li jieħdu approċċ koordinat, koerenti u komprensiv sabiex ikunu ssodisfati l-ħtiġijiet kemm immedjati kif ukoll għall-futur aktar imbiegħed ta' Ħaiti; flimkien, aħna impenjati bis-sħiħ biex nibnu Ħaiti ġdid li jissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi, li l-poplu Ħaitjan ilu jħaddan għal pajjiżu, filwaqt li niżguraw is-sjieda nazzjonali Ħaitjana tal-proċess ta' rikostruzzjoni;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni ddikjarata fid-Diskors mit-Tron riċenti biex l-industrija Kanadiża tat-telekomunikazzjonijiet tinfetaħ għall-kompetizzjoni minn barra;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon bl-istess mod l-intenzjoni li titnieda riforma kbira tas-sistema ta' mmaniġġjar tas-sajd, li tinvolvi wkoll lin-NAFO;

6.  Ifakkar li l-politika tal-viżi tal-UE hija msejsa fuq ir-reċiproċità; itenni l-preokkupazzjoni tiegħu rigward ir-rekwiżit ta' viża għaċ-ċittadini tar-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija u l-Bulgarija, u jitlob li dak ir-rekwiżit jitneħħa bla dewmien; jinnota li l-introduzzjoni mill-ġdid ta' rekwiżit ta' viża għaċ-ċittadini Ċeki ġiet deċiża mill-Gvern Kanadiż minħabba influss enormi tar-Roma fil-Kanada u għalhekk jistieden lill-Istati Membri jittrattaw b'mod xieraq is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Ewropa; f'dan ir-rigward, jilqa' b'sodisfazzjon il-ftuħ ta' uffiċċju tal-viżi fl-ambaxxata Kanadiża fi Praga u t-twaqqif ta' grupp ta' ħidma ta' esperti dwar din il-kwistjoni, u jittama li r-reviżjoni komprensiva mwiegħda tas-sistema Kanadiża għar-refuġjati twassal għat-tneħħija tar-rekwiżit;

7.  Jisħaq li l-UE u l-Kanada impenjaw ruħhom li jibnu ekonomija dinjija b'livelli baxxi ta' karbonju li tkun sikura u sostenibbli filwaqt li tissaħħaħ il-kapaċità ta' adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima; jenfasizza l-importanza ta' diskussjonijiet kontinwi dwar suġġetti ambjentali fid-Djalogu ta' Livell Għoli bejn l-UE u l-Kanada dwar l-Ambjent, fosthom dwar il-koperazzjoni ambjentali, marittima u fil-qasam tal-enerġija, fiż-Żona tal-Artiku;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kanada, kif imfisser fid-Diskors mit-Tron riċenti, biex tinvesti f'teknoloġiji ta' enerġija nadifa, biex tiżgura postha bħala superpotenza fil-qasam tal-enerġija nadifa u li tkun minn tal-ewwel fil-ħolqien ta' impjiegi fil-qasam ambjentali; jenfasizza l-ħtieġa ta' koperazzjoni bilaterali rigward l-istrateġija għall-enerġija nukleari;

9.  Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu rigward l-impatt tal-estrazzjoni tar-ramel bituminuż fuq il-bijodiversità lokali minħabba ż-żieda ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra; jistieden lill-Kanada, fid-dawl tat-Taħditiet li se jsiru fin-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, tingħaqad mal-'Koalizzjoni ta' dawk li għandhom rieda tajba' flimkien mal-UE;

10. Ifakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona, il-Parlament Ewropew irid jagħti l-kunsens tiegħu dwar ftehimiet internazzjonali u jrid ikun involvut minnufih u bis-sħiħ fl-istadji kollha tan-negozjati internazzjonali, u jistenna b'ħerqa dikjarazzjoni bikrija mill-Kummissjoni dwar kif biħsiebha tagħmel dan; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-preokkupazzjonijiet tiegħu dwar il-ftehim PNR bejn l-UE u l-Kanada jkolhom jiġu ttrattati kif xieraq u b'mod konġunt qabel ma jingħata l-kunsens;

11. Jifraħ lill-Kumitat Organizzattiv ta' Vancouver għas-suċċess tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tax-Xitwa 2010;

12. Jinnota li r-rwol u l-prerogattivi tal-provinċji jitqiesu għalkollox b'mod xieraq fl-aspetti kollha tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kanada;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza b'rotazzjoni tal-UE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Gvern Kanadiż.