Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0234/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0234/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-samit UE-Kanada li se jsir f’Mejju 2010

14.4.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Elisabeth Jeggle, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Peter Šťastný, Daniel Caspary f’isem il-Grupp PPE
Wolf Klinz f’isem il-Grupp ALDE
Philip Bradbourn f’isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0233/2010

Proċedura : 2010/2549(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0234/2010
Testi mressqa :
B7-0234/2010
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0234/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit UE-Kanada li se jsir f’Mejju 2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra n-negozjati għal ftehim kummerċjali u ekonomiku komprensiv li nfetħu fis-Samit UE-Kanada fis-6 ta’ Mejju fi Praga,

–   wara li kkunsidra t-32 Laqgħa Interparlamentari tiegħu tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Kanada li saret b’suċċess fi Brussell f’Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-proċedura ta’ approvazzjoni skont l-Artikolu 218 TFUE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.      billi s-sħubija tal-Unjoni Ewropea mal-Kanada tmur lura għall-1959 u hija waħda mill-eqreb u l-aktar antiki,

B.  billi n-negozjati għaddejjin bħalissa għal ftehim kummerċjali u ekonomiku komprensiv jistgħu jsaħħu r-relazzjonijiet UE-Kanada,  

C. billi fl-2010, il-Kanada se jkollha l-Presidenza tal-grupp ta’ pajjiżi G8, u se tospita s-Samit tal-G20 li jmiss,

D. billi s-Samit UE-Kanada li se jsir fi Brussell fil-5 ta’ Mejju hu mistenni li jiffoka fuq it-tisħiħ tar-relazzjoni politika li hija diġà b’saħħitha bejn iż-żewġ sħab, partikolarment bl-indirizzar ta’ sfidi konġunti bħal: in-negozjati dwar ftehim kummerċjali u ekonomiku komprensiv; l-isfidi ta' kwistjonijiet barranin u ta' sigurtà, partikolarment l-Afganistan/il-Pakistan; approċċ komuni dwar l-Iran; in-nonproliferazzjoni nukleari; il-Ħaiti u s-segwitu għall-konferenza tad-donaturi li saret New York; il-kooperazzjoni għall-iżvilupp; rispons koordinata għall-kriżi finanzjarja u ekonomika; it-tibdil fil-klima u l-enerġija; u l-progress tan-negozjati kummerċjali dinjija fir-Rawnd ta’ Doha,

E.  billi l-UE u l-Kanada jaqsmu valuri komuni u impenn kbir li jaħdmu multilateralment fl-indirizzar tal-isfidi ewlenin,

1.  Jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li fiha l-progress fin-negozjati dwar ftehim kummerċjali u ekonomiku komprensiv issemma’ bħala punt ewlieni tar-relazzjonijiet ekonomiċi UE-Kanada; dwar dan, jemmen li s-Samit UE-Kanada li se jsir fi Brussell fil-5 ta’ Mejju 2010 huwa opportunità tajba għall-aċċellerazzjoni ta’ dawn in-negozjati;

2.  Jinnota s-saħħa tal-ekonomija Kanadiża waqt il-kriżi ekonomika, partikolarment fis-settur bankarju; jesprimi r-rieda tiegħu li jaħdem mill-qrib mal-Kanada fil-kuntest tal-G20 sabiex jinkiseb approċċ globali koordinat għall-istimulu fiskali u l-konsolidazzjoni fiskali, li bih il-kwistjoni tal-introduzzjoni ta’ imposta bankarja jew taxxa fuq it-tranżazzjonijiet fuq livell globali għandha tkun waħda mill-prijoritajiet fis-Samit tal-G20 li jmiss li se jsir f’Toronto;

 

3.  Jinnota li kemm il-Kanada kif ukoll l-UE impenjaw ruħhom biex jieħdu approċċ koordinat, koerenti u komprensiv għall-ilħuq tal-ħtiġijiet immedjati u fuq żmien twil ta’ Ħaiti; flimkien, l-Unjoni Ewropea u l-Kanada jimpenjaw ruħhom biex jibnu Ħaiti mill-ġdid b’tali mod li jissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi u li ilu jistenna l-poplu ta’ Ħaiti għal pajjiżu, filwaqt li jiġi żgurat proċess ta' kostruzzjoni mill-ġdid li jibqa’ f’idejn l-Istat ta’ Ħaiti;

4.  Jilqa’ l-intenzjoni spjegata fid-Diskors mit-Tron sabiex tinfetaħ l-industrija Kanadiża tat-telekomunikazzjoni għall-kompetizzjoni esterna;

5.  Jilqa’ bl-istess mod l-intenzjoni li ssir riforma kbira tas-sistema ta’ ġestjoni tas-sajd tal-Kanada, bl-involviment ukoll tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO);

6.  Itenni t-tħassib tiegħu li l-Kanada għad għandha r-rekwiżit ta’ viża għaċ-ċittadini tar-Repubblika Ċeka u r-Rumanija, u jitlob li dan ir-rekwiżit jitneħħa mill-iktar fis possibbli; jinnota li r-rekwiżit ta’ viża għaċ-ċittadini Ċeki ġie introdott mill-Gvern Kanadiż minħabba l-influss enormi tar-Rom fil-Kanada u għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni tar-Rom fl-Ewropa kif xieraq; f’dan ir-rigward, jilqa’ t-twaqqif ta’ uffiċju tal-viżi fl-Ambaxxata Kanadiża fi Praga u l-istabbiliment ta’ grupp ta’ ħidma espert dwar din il-kwistjoni, u jistenna biex jara jekk ir-reviżjoni komprensiva mwiegħda tas-sistema tar-rifuġjati fil-Kanada se twassal għat-tneħħija tar-rekwiżit;

7.  Jenfasizza li l-UE u l-Kanada huma marbutin li jibnu ekonomija globali b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju bbażata fuq is-sikurezza u s-sostenibbiltà filwaqt li jsaħħu l-kapaċità li jadattaw għall-impatti tat-tibdil fil-klima; jisħaq l-importanza tat-tkomplija tad-diskussjonijiet dwar kwistjonijiet ambjentali fid-Djalogu ta’ Livell Għoli UE-Kanada dwar l-Ambjent; jilqa’ l-impenn tal-Kanada, kif espress reċentement fid-Diskors mit-Tron, biex tinvesti f’teknoloġiji tal-enerġija nadifa, biex tiżgura postha bħala superpoter fl-enerġija nadifa u biex tkun minn ta’ quddiem fil-ħolqien ta’ impjiegi li jiffavorixxu l-ambjent;

8.  Ifakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li minn mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament Ewropew issa għandu jagħti l-approvazzjoni tiegħu dwar ftehimiet internazzjonali u għandu jkun involut bi sħiħ f’kull stadju tal-proċedura, u jistenna bil-ħerqa dikjarazzjoni bikrija mill-Kummissjoni dwar kif bi ħsiebha tagħmel dan;

9.  Jifraħ lill-Kumitat Organizzattiv ta’ Vancouver dwar is-suċċess tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tax-Xitwa;

10. Jinnota li l-kompetenza għar-relazzjonijiet UE-Kanada tinsab biss fuq il-livell federali, iżda jilqa’ l-parteċipazzjoni tal-provinċji u t-territorji fin-negozjati dwar Ftehim Kummerċjali u Ekonomiku Komprensiv u f’xi aspetti oħra tar-relazzjonijiet UE-Kanada;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza b'rotazzjoni tal-UE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, u lill-Gvern Kanadiż.