Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0235/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0235/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-samit UE-Kanada

14.4.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affaijiet Barranin u għall-Politika ta’ Sigurtà/mill-Viċi President tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Reinhard Bütikofer, Nicole Kiil-Nielsen f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0235/2010
Testi mressqa :
B7-0235/2010
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0235/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-samit UE-Kanada

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 218 TFEU,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Frar 2010[1] dwar Ftehim ta' Qafas rivedut bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għall-perjodu leġiżlattiv li jmiss (B7-0091/2010),

–   wara li kkunsidra n-negozjati għal ftehim kummerċjali u ekonomiku komprensiv li nfetħu fis-Samit UE-Kanada li sar fis-6 ta’ Mejju fi Praga,

–   wara li kkunsidra t-32 Laqgħa Interparlamentari tad-Delegazzjoni Interparlamentari għar-Relazzjonijiet mal-Kanada, li saret fi Brussel f’Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008[2] dwar il-governanza tal-Artiku,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-sħubija tal-Unjoni Ewropea mal-Kanada tmur lura għall-1959 u hija waħda mill-eqreb u l-aktar antika,

B.  billi n-negozjati għaddejjin bħalissa dwar ftehim kummerċjali u ekonomiku komprensiv jistgħu jsaħħu r-relazzjonijiet bejn UE u l-Kanada,

C. billi l-Kanada se jkollha l-presidenza tal-grupp ta’ pajjiżi tal-G8 fl-2010, u se tospita s-Samit tal-G20 li jmiss,

D. billi s-Samit UE-Kanada li se jsir fi Brussell fil-5 ta’ Mejju hu mistenni li jiffoka fuq it-tisħiħ tar-relazzjoni politika li hija diġà b’saħħitha bejn iż-żewġ sħab, filwaqt li jittratta b’mod partikolari sfidi komuni bħal: negozjati dwar ftehim kummerċjali u ekonomiku komprensiv; sfidi barranin u ta' sigurtà, b’mod partikulari l-Afganistan u l-Pakistan; approċċ komuni dwar l-Iran; in-nonproliferazzjoni nukleari; Ħaiti u s-segwitu tal-konferenza tad-donaturi ta’ New York; il-kooperazzjoni għall-iżvilupp; reazzjoni koordinata għall-kriżi finanzjarja u ekonomika; it-tibdil fil-klima u l-enerġija; u l-avvanzi tan-negozjati kummerċjali dinjija dwar ir-Rawnd ta’ Doha,

E.  billi l-UE u l-Kanada jaqsmu valuri komuni u impenn qawwi għal ħidma multilaterali biex jindirizzaw sfidi ewlenin,

1.  Jinnota d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-progress fin-negozjati dwar Ftehim ta’ Kummerċ Ekonomiku Komprensiv (CETA) huwa punt ewlieni tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-UE u l-Kanada; jemmen, f’dan ir-rigward, li s-Samit UE-Kanada li se jsir fi Brussell fil-5 ta’ Mejju 2010 se jipprovdi opportunità tajba biex dawn in-negozjati jitkomplew;

2.  Jistenna li ż-żewġ partijiet fin-negozjati CETA joqogħdu lura milli jagħmlu talbiet li jkunu f’kunflitt mal-pożizzjonijiet tal-politika domestika jew mal-prerogattivi parlamentari tas-sieħeb l-ieħor, bħat-talba tal-UE għall-inklużjoni sħiħa tal-provinċji tal-Kanada fil-liberalizzazzjoni tal-akkwisti, jew it-talba tal-Kanada għal kapitolu dwar l-investiment li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ argument bejn investiment u l-istat; jistieden lill-UE biex, bħala sinjal ta’ rieda tajba, tirrinunzja t-talbiet tagħha għar-rekwiżiti ta’ kontenut lokali skont l-Att ta’ Ontario dwar l-Eneġija Ħadra u għad-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Kanadiża ta’ Awwissu 2004 dwar il-monopolju tal-Posta Kanadiża, li attwalment huwa suġġett għal proċeduri legali;

3.  Jinnota li kemm l-UE u l-Kanada huma partijiet għan-negozjati multilaterali dwar il-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA); jistieden liż-żewġ partijiet biex jinsistu mal-imsieħba tal-ACTA li n-negozjati jitmexxew bl-akbar trasparenza u minn issa, u huwa tal-fehma li għandha tingħata kunsiderazzjoni għal moratorju temporanju għan-negozjati jekk dan ma jkunx il-każ;

4.  Jinnota r-robustezza tal-ekonomija Kanadiża, partikolarment fis-settur bankarju, waqt il-kriżi ekonomika; jesrimi r-rieda tiegħu li jaħdem mill-qrib mal-Kanada fil-kuntest tal-G20, sabiex jinkiseb approċċ globali kkoordinat biex jiġu stabbilizzati s-swieq finanzjarji u ekonomiċi;

5.  Jinnota li kemm il-Kanada kif ukoll l-UE impenjaw ruħhom li jieħdu approċċ koordinat, koerenti u komprensiv sabiex ikunu sodisfatti l-ħriġijiet immedjati u fuq terminu ta’ żmien twil tal-Ħaiti; Jafferma li, flimkien, nimpenjaw ruħna biex nibnu Ħaiti ġdid b’tali mod li jissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi u li ilu jħaddan il-poplu tal-Ħaiti għall-pajjiżu, filwaqt li tkun żgurata s-sjieda nazzjonali Ħaitjana tal-proċess ta' kostruzzjoni;

6.  Jinnota diversi dikjarazzjonijiet li saru mill-Gvern Kanadiż dwar l-impenn tiegħu għall-bini ta’ ekonomija globali sigura u sostenibbli b'livell baxx ta' karbonju filwaqt li jsaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jadatta ruħu għall-impatt tat-tibdil fil-klima; jisħaq dwar l-importanza tat-tkomplija tad-diskussjonijiet dwar kwistjonijiet ambjentali fid-Djalogu ta’ Livell Għoli UE-Kanada dwar l-Ambjent; jilqa’ l-impenn tal-Kanada, kif espress reċentement fid-Diskors mit-Tron, biex tinvesti f’teknoloġiji tal-enerġija nadifa, biex tiżgura postha bħala superpotenza fl-enerġija nadifa u biex tkun mexxejja fil-ħolqien ta’ impjiegi li jiffavorixxu l-ambjent;

7.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu, għalhekk, dwar in-nuqqas ta' impenn u azzjoni konkreti tal-Kanada bil-ħsieb li jitnaqqsu emissjonijiet b’effett ta’ serra minkejja impenji internazzjonali; itenni t-talba tiegħu biex jiżgura tnaqqis kollettiv tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fil-pajjiżi żviluppati fil-parti ta’ fuq ta’ 25-40% sal-2020 (meta mqabbel mal-livelli tal-1990), kif irrakkomandat mir-Raba’ Rapport ta’ Evalwazzjoni tal-Panel Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC 4AR);

8.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu rigward l-estrazzjoni kontinwa min-naħa tal-Kanada ta' ramel bituminuż, bi proċess ta' produzzjoni li jiġġenera emissjonijiet tas-CO2 sa ħames darbiet ogħla mill-estrazzjoni taż-żejt konvenzjonali; huwa tal-fehma, għalhekk, li l-użu tagħhom jikkostitwixxi theddida serja għall-klima u għad-drittijiet u s-saħħa tal-popli indiġeni, flimkien ma' effetti oħra negattivi ambjentali; jistieden lill-UE biex timplimenta bil-qawwa l-leġiżlazzjoni tagħha stess dwar il-klima billi tadotta approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja għall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-fjuwils mqiegħda fis-suq tal-UE;

9.  Jinnota l-interess tal-kumpaniji Ewropej, inklużi BP Plc, Royal Dutch Shell, Total u StatoilHydro, biex jiżviluppaw is-settur taż-żejt tar-ramel; jistieden lill-BEI u l-aġenziji ta’ kreditu tal-Istati Membri għall-esportazzjoni biex iżommu kull appoġġ pubbliku għal proġetti relatati mal-estrazzjoni ta' ramel tal-qatran;

10. Jistieden lill-UE u lill-Kanada jagħtu bidu għal negozjati internazzjonali bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ trattat internazzjonali għall-protezzjoni tal-Artiku, b’konformità mat-Trattat tal-Artiku eżistenti; jistieden – minħabba l-vulnerabilità tal-ambjent tal-Artiku u l-fatt li l-estrazzjoni ta' riżorsi minerali huwa f'kunflitt mal-objettivi tal-klima globali ­– li ssir konsiderazzjoni serja tal-impożizzjoni ta’ moratorju fuq kull esplorazzjoni jew estrazzjoni ulterjuri ta' riżorsi minerali fir-reġjun sakemm jiġi konkluż ftehim internazzjonali dwar il-protezzjoni tiegħu;

11. Jesprimi d-diżappunt tiegħu li l-Kanada ma stednitx partijiet oħra b’interessi leġittimi fir-reġjun Artiku, inklużi l-Isvezja, il-Finlandja, l-Islanda u gruppi indiġeni, għal-laqgħa internazzjonali tagħha dwar l-Artiku tad-29 ta' Marzu 2010;

12. Jistieden lill-Kanada biex tinkludi dawk kollha li għandhom interessi leġittimi fir-reġjun, speċjalment gruppi indiġeni, fid-diskussjonijiet internazzjonali futuri dwar l-Artiku sabiex jiġi evitat li jinħolqu diviżjonijiet ġodda;

13. Jinnota l-intenzjoni tal-Kanada li tniedi riforma kbira tas-sistema tas-sajd tagħha, li fiha n-NAFO jkun involut ukoll; jesprimi d-diżappunt tiegħu dwar il-pożizzjoni adottata mill-Gvern Kanadiż fil-konferenza l-aktar reċenti tal-partijiet tas-CITES fir-rigward tal-estensjoni tal-Appendiċi 1 tas-CITES biex tinkludi t-tonn, u l-isfida tagħha għall-projbizzjoni tal-UE fuq l-importazzjoni tal-foki fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-WTO għas-soluzzjoni tat-tilwim;

14. Itenni t-tħassib tiegħu li l-Kanada għad għandha r-rekwiżit ta’ viża għaċ-ċittadini tar-Repubblika Ċeka u r-Rumanija, u jitlob li dan ir-rekwiżit jitneħħa mill-iktar fis possibbli; f’dan ir-rigward, jilqa' b'sodisfazzjon il-ftuħ ta' uffiċċju tal-viżi fl-Ambaxxata Kanadiża fi Praga u t-twaqqif ta' grupp ta' ħidma ta' esperti dwar din il-kwistjoni, u jittama li r-reviżjoni komprensiva mwiegħda tas-sistema Kanadiża għar-refuġjati twassal għat-tneħħija tar-rekwiżit;

15. Ifakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Parlament Ewropew irid jagħti l-kunsens tiegħu għal ftehimiet internazzjonali u jrid ikun involut għalkollox fl-istadji kollha tal-proċedura, u jistenna b'ħerqa dikjarazzjoni mill-Kummissjoni fil-futur qrib dwar kif biħsiebha tagħmel dan;

16. Jitlob li r-rwol u l-prerogattivi tal-provinċji tal-Kanada jkunu meqjusa kif inhu xieraq fl-aspetti kollha tar-relazzjonijiet UE-Kanada;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza b'rotazzjoni tal-UE, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika ta’ Sigurtà/lill-Viċi President tal-Kummissjoni u lill-Gvern Kanadiż.