Proċedura : 2010/2593(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0238/2010

Testi mressqa :

B7-0238/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/05/2010 - 13.55

Testi adottati :

P7_TA(2010)0145

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 136kWORD 99k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0238/2010
19.4.2010
PE439.759v01-00
 
B7-0238/2010

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0206/2010

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar projbizzjoni ġenerali fuq l-użu ta' teknoloġiji tat-tħaffir biċ-ċjanur fl-UE


János Áder, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Zuzana Roithová f'isem il-Grupp PPE-DE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar projbizzjoni ġenerali fuq l-użu ta' teknoloġiji tat-tħaffir biċ-ċjanur fl-UE  
B7‑0238/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-prinċipju tal-prekawzjoni stabbilit fid-Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, kif ukoll fil-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika ta’ Ġunju 1992, f'Rio de Janeiro,  

–   wara li kkunsidra l-għanijiet ambjentali tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni, li tippermetti l-użu taċ-ċjanur fit-tħaffir b’livelli permissibbli massimi taċ-ċjanur,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (Seveso II) dwar il-kontroll fuq il-perikoli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi, li tiddikjara li […] ċertu ħżin u attivitajiet ta’ proċessar fit-tħaffir fil-minjieri […] għandhom potenzjal li jikkawżaw konsegwenzi serji ħafna,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali, li skontha l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-operatur ma jħallasx għad-danni ambjentali jekk jiġu pprovati ċerti kundizzjonijiet,

–   wara li kkunsidra l-programm ta' 18-il xahar tal-Presidenza Spanjola, Belġjana u Ungeriża, u l-prijoritajiet tagħhom rigward il-politika dwar l-ilma u l-bijodiversità,

–   wara li kkunsidra l-miżuri tar-Repubblika Ċeka dwar il-projbizzjoni ġenerali ta' teknoloġiji taċ-ċjanur bl-emenda tal-Att tat-Tħaffir Nru 44/1988 fis-sena 2000, kif ukoll l-emenda għall-Att Ungeriż dwar it-Tħaffir Nru 48/1993 fis-sena 2009 li tintroduċu projbizzjoni fuq teknoloġiji tat-tħaffir ibbażati fuq l-użu taċ-ċjanur fit-territorju tal-Ungerija, u d-digriet Ġermaniż mgħoddi fl-2002 li jipprojbixxi t-tħaffir bl-użu taċ-ċjanur,

–   wara li kkunsidra l-mistoqsija tas-17 ta' Marzu 2010 lill-Kummissjoni dwar projbizzjoni fuq l-użu ta' teknoloġiji tat-tħaffir biċ-ċjanur fl-UE (O-0035/2010 – B7‑0206/2010),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi n-Nazzjonijiet Uniti ddikjarat l-2010 bħala s-Sena Internazzjonali tal-Bijodiversità u għaldaqstant id-dinja hi mistiedna biex fl-2010 tieħu passi biex tħares il-varjetà tal-ħajja fid-dinja,

B.  billi ċ-ċjanur huwa sustanza kimika tossika ħafna użata fl-industrija tat-tħaffir għad-deheb, li taqa’ wkoll taħt l-Anness VII tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma bħala kontaminant prinċipali, li jista’ jkollha impatt diżastruż u irriversibbli fuq saħħet il-bniedem u fuq l-ambjent, u għalhekk fuq il-bijodiversità,

C. billi fil-Pożizzjoni Konġunta tal-Ministri għall-Ambjent tar-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja dwar it-tħaffir sostenibbli, li ġiet ippreżentata fl-14-il laqgħa tal-Ministri Ambjentali tal-Grupp ta’ Pajjiżi Visegrad fil-25 ta’ Mejju 2007 fi Praga, il-Ministri esprimew it-tħassib tagħhom dwar it-teknoloġiji perikolużi użati fi, u ppjanat għal, attivitajiet ta’ tħaffir f'diversi siti fir-reġjun li jinvolvu periklu ambjentali konsiderevoli li jistgħu jwasslu għal konsegwenzi transkonfinali,

D. billi fil-qafas tal-Konvenzjoni ta’ Sofia dwar il-Kooperazzjoni għall-Ħarsien u l-Użu Sostenibbli tax-Xmara Danubju, il-Partijiet qablu li, minbarra s-sustanzi perikolużi prijoritarji fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, iċ-ċjanur huwa klassifikat ukoll bħala sustanza perikoluża rilevanti,

E.  billi f’dawn l-aħħar 25 sena fid-dinja kollha kien hemm aktar minn 30 inċident kbir li jinvolvu t-tixrid taċ-ċjanur, partikolarment 10 snin ilu, meta iktar minn 100 000 metru kubu ta’ ilma mniġġes biċ-ċjanur ħarġu minn ġibjun ta' minjiera tad-deheb għal ġos-sistema tax-Xmajjar Tisza-Danubju u kkawżaw l-ikbar diżastru ekoloġiku fl-Ewropa Ċentrali f’dak iż-żmien, u ma hemm ebda garanzija reali li dawn l-inċidenti mhux se jerġgħu jseħħu, partikolarment meta nqisu li l-kundizzjonijiet tat-temp kulma jmur qed isiru iktar estremi, fosthom każijiet ta’ preċipitazzjoni qalila u frekwenti, kif proġettat mir-Raba’ Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Panel Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima,

F.  billi diversi Stati Membri tal-UE għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' proġetti ġodda ta’ minjieri tad-deheb miftuħa u fuq skala kbira li jużaw teknoloġiji taċ-ċjanur f'żoni b'densità għolja ta' popolazzjoni, u dan joħloq theddid potenzjali ulterjuri għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent,

G. billi skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jilħqu u jmantnu 'status tajjeb' għar-riżorsi tal-ilma, kif ukoll li jevitaw li dawn jiġu mniġġsa b'sustanzi perikolużi; madankollu, il-kwalità tal-ilma tista' wkoll tiddependi fuq il-kwalità tal-ilma tal-baċin tax-xmara konċernat li jkun jinsab f'pajjiżi ġirien li jużaw teknoloġiji tat-tħaffir biċ-ċjanur,

H. billi l-effetti transkonfinali ta' inċidenti li jinvolvu ċ-ċjanur, b'mod partikulari rigward il-kontaminazzjoni ta' baċini tax-xmajjar kbar u tal-provvista tal-ilma tal-pjan, jenfasizzaw il-ħtieġa għal approċċ tal-UE għat-theddida ambjentali serja li joħloq it-tħaffir biċ-ċjanur,

I.   billi r-regoli prudenzjali u l-garanziji finanzjarji xierqa għadhom ma jeżistux, u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar it-tħaffir biċ-ċjanur tiddependi wkoll fuq il-ħiliet tal-poteri eżekuttivi ta' kull Stat Membru, u għalhekk hija biss kwistjoni ta’ żmien u ta’ negliġenża tal-bniedem qabel ma jseħħ xi inċident,

J.   billi d-Direttiva dwar l-Iskart mill-Industriji tal-Estrazzjoni għadha ma ġietx implimentata għal kollox f'xi Stati Membri,

K. billi t-tħaffir biċ-ċjanur joħloq ftit impjiegi u dan għal perjodu ta' bejn 8 u 16-il sena biss, filwaqt li jġorr miegħu ir-riskju ta' danni ekoloġiċi transkonfinali enormi li normalment ma jingħatax kumpens għalihom mill-kumpaniji operattivi responsabbli, li normalment jisparixxu jew ifallu, iżda mill-istat, jiġifieri mingħand iċ-ċittadini li jħallsu t-taxxi,

L.  billi l-kumpaniji operattivi m'għandhomx assikurazzjoni għal żmien twil li tkun tkopri l-ispejjeż imġarrba f'każ ta' inċident jew ħsara fil-ġejjieni,

M. billi tunnellata ta' metall ta' grad baxx trid tiġi estratta sabiex jipproduċu żewġ grammi deheb, u għaldaqstant jitħalla ammont enormi ta' skart tat-tħaffir fis-siti, filwaqt li bejn 25 u 50% tad-deheb fl-aħħar nett jibqa' fil-borġ tal-iskart. Barra minn hekk, il-proġetti tat-tħaffir biċ-ċjanur fuq skala kbira jużaw diversi miljuni ta' kilogrammi ta' ċjanur tas-sodju kull sena, li t-trasport u l-ħżin tagħhom joħolqu potenzjal għal konsegwenzi katastrofiċi f'każ li tinqala' problema,

N. billi jeżistu alternattivi għat-tħaffir biċ-ċjanur li jistgħu jieħdu post it-teknoloġiji msejsa fuq iċ-ċjanur,

O. billi hemm protesti pubbliċi qawwija kontra l-proġetti ta' tħaffir biċ-ċjanur li għaddejjin bħalissa fl-Ewropa, protesti li jinkludu mhux biss liċ-ċittadini individwali, il-komunitajiet lokali u l-NGOs, iżda wkoll lil organizzazzjonijiet tal-istat, lill-gvernijiet u lill-politiċi,

1.  Iqis li l-konformità mal-għanijiet tal-UE taħt id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, jiġifieri l-kisba ta’ status kimiku tajjeb u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma, kif ukoll il-ħarsien tad-diversità bijoloġika, tista’ tinkiseb biss jekk it-teknoloġija tat-tħaffir biċ-ċjanur ma titħalliex tintuża;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi projbizzjoni sħiħa tal-użu tat-teknoloġiji tat-tħaffir biċ-ċjanur fl-UE qabel tmiem l-2011, minħabba li dan huwa l-uniku mod sikur għall-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma tagħna u l-ekosistemi kontra t-tniġġis biċ-ċjanur mill-attivitajiet tat-tħaffir, u biex twettaq valutazzjoni tal-impatt normali fl-istess ħin;

3.  Jinnota l-inizjattivi rilevanti fi ħdan l-UE u s-sistema tan-NU u jħeġġeġ b’qawwa l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ alternattivi ta’ tħaffir iktar sikuri, partikolarment dawk mingħajr iċ-ċjanur;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ma jappoġġawx il-proġetti ta’ tħaffir li jinvolvu t-teknoloġija li tuża ċ-ċjanur fl-UE, b’mod dirett jew indirett, sakemm tkun applikabbli projbizzjoni ġenerali, u biex ma jappoġġawx proġetti bħal dawk f’pajjiżi terzi;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi emenda għal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni biex tkun tirrikjedi li kull kumpanija operattiva tkun obbligata li jkollha assigurazzjoni biex tħallas għad-danni u biex tkopri l-ispejjeż kollha ta’ rimedju sabiex jerġa’ jiġi stabbilit mill-ġdid l-istatus ekoloġiku u kimiku oriġinal f’każ ta’ inċident jew ħsara;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.

Avviż legali - Politika tal-privatezza