imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-atroċitajiet tal-massa f'Jos, fin-Niġerja
Bart Staes, Nicole Kiil-Nielsen, Raül Romeva i Rueda, Barbara Lochbihler, Jean Lambert, Malika Benarab-Attou
f’isem il-GruppVerts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-atroċitajiet tal-massa f'Jos, fin-Niġerja
B7‑0247/2010
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fin-Niġerja,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, irratifikat minn Niġerja fid-29 ta' Ottubru 1993,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata minn Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. imħasseb dwar l-avvenimenti riċenti fejn diversi mijiet ta' nies kienu maqtula fil-vjolenza fuq bażi etnika f'Jos, fin-Niġerja
B. billi tul dawn l-aħħar għaxar snin mietu eluf fi vjolenza reliġjuża u etnika fin-Niġerja Ċentrali hekk kif sikwit żdiedu t-tensjonijiet reliġjużi u etniċi fin-Niġerja,
C. billi l-vjolenza interreliġjuża jew interetnika normalment tipprovoka l-eskalazzjoni emozzjonali tal-kunflitti bit-telf tal-ħajja ta' nies innoċenti, mingħajr ma tindirizza l-kawża fundamentali tal-kunflitt,
D. billi l-problemi fiz-zona ta' Jos ġejjin minn nuqqas ta' żvilupp ekonomiku u t-tensjoni ssib l-għeruq tagħha f'għexieren ta' snin ta' riżentiment bejn gruppi indiġeni, l-aktar Kristjani jew animisti, li qed jiġġieldu għall-kontroll ta' artijiet agrikoli għammiela kontra migranti u residenti ġodda mit-Tramuntana, li huma Musulmani u tal-ilsien Hausa,
E. billi s-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti timplika wkoll l-aċċess ġust għar-riżorsi u r-ridistribuzzjoni tad-dħul f'pajjiż li hu sinjur fiż-żejt bħan-Niġerja,
F. billi l-instabilità tenfasizza l-fraġilità tan-nazzjon bl-akbar popolazzjoni fl-Afrika hekk kif qed joqrob il-perjodu tal-kampanja għall-elezzjonijiet tal-2011 b'inċertezza rigward it-tmexxija politika,
1. Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza fin-Niġerja Ċentrali u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tensjonijiet etniċi li għadhom għaddejjin, li fihom il-komunitajiet Hausa-Fulani u Berom kienu protagonisti u vittmi;
2. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jaħdmu għal soluzzjoni paċifika billi jindirizzaw il-kawża fundamentali tal-kunflitt, filwaqt li jiżguraw l-aċċess ġust għar-riżorsi, l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun, u d-drittijiet tal-bniedem bażiċi;
3. Jitlob lill-Gvern Niġerjan biex jipproteġi lill-popolazzjoni tiegħu u jevita bil-mezzi kollha li jkun hemm aktar attakki jew qtil bi tpattija;
4. Jitlob lil Gvern Niġerjan sabiex jinvestiga b'urġenza dawn il-massakri u jenfasizza li l-ebda persuna responsabbli għat-twettiq tal-kriżi f'Jos mhi se tibqa' impunita;
5. Jesprimi d-disponibbiltà tiegħu li jkompli d-djalogu li għaddej fil-qafas tas-sħubija tiegħu man-Niġerja bl-għan li jissaħħew il-proċessi li għaddejjin f'dan il-pajjiż favur il-konsolidazzjoni tad-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-minoranzi;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tan-Niġerja, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan.