Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0249/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0249/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-atroċitajiet tal-massa fin-Niġerja

28.4.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Michał Tomasz Kamiński, Charles Tannock, Peter van Dalen, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Adam Bielan, Ryszard Czarnecki f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0247/2010

Proċedura : 2010/2660(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0249/2010
Testi mressqa :
B7-0249/2010
Testi adottati :

B7‑0249/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-atroċitajiet tal-massa fin-Niġerja

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem irratifikati min-Niġerja, b'mod partikolari d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u l-Artikolu 18 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi n-Niġerja hija wieħed mill-aktar pajjiżi importanti fl-Afrika sub-Saħarjana, membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, produttur globali taż-żejt, mexxejja fl-ECOWAS, pajjiż kontributur ewlieni għaż-żamma tal-paċi, u qawwa ta' stabilizzazzjoni fl-Afrika tal-Punent; u billi l-istabilità u d-demokrazija tan-Niġerja għandhom sinifikat kbir li jmur lil hinn mill-fruntieri immedjati tagħha;

B.  billi l-UE hija donatur finanzjarju ewlieni tan-Niġerja u billi l-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Federali tan-Niġerja fit-12 ta' Novembru 2009 ffirmaw id-Dokument ta' Strateġija għall-Pajjiż Niġerja-KE u l-Programm Indikattiv Nazzjonali għall-perjodu 2008-2013, skont liema dokumenti l-UE se tiffinanzja proġetti li jkollhom bħala għanijiet inter alia l-paċi u s-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem;

C. billi n-Niġerja fiha diversità kbira ta' reliġjonijiet, bil-Kristjaneżmu u l-Iżlam bħala l-ikbar tnejn;

D. billi n-Niġerja fiha wkoll taħlita saħansitra akbar ta' gruppi etniċi;

E.  billi fid-19 ta' Jannar 2010 iktar minn 150 persuna nqatlu, il-parti l-kbira Musulmani Hausa u Fulani, fil-belt ta' Kuru Karama, fl-Istat ta' Plateau fin-Niġerja, minn gruppi ta' rġiel armati bi skieken, 'machetes' u armi tan-nar;

F.  billi fis-7 ta' Marzu 2010 madwar 500 persuna nqatlu, l-iktar insara mit-tribu ta' Berom, fil-villaġġi ta' Dogo Nahawa, Zot u Ratsat, fl-Istat ta' Plateau fin-Niġerja, minn gruppi ta' rġiel armati b'armi tan-nar, 'machetes' u skieken;

G. billi jseħħu każijiet ġodda ta' attakki u ġlied kważi kuljum fin-Niġerja ċentrali bejn gruppi reliġjużi u etniċi differenti b'riżultati terribbli, bħall-mewt riċenti, fit-13 ta' April 2010, ta' ministru reliġjuż u martu;

H. billi skont rapporti tad-Drittijiet tal-Bniedem, iktar minn 14 000 persuna nqatlu fi ġlied reliġjuż jew etniku mit-tmiem tat-tmexxija militari fl-1999 'l hawn;

I.   billi l-kawżi li jinsabu fl-għeruq ta' din il-vjolenza jikludu mhux biss il-qasma etnika u reliġjuża, iżda wkoll il-faqar mifrux, l-inugwaljanza u l-logħob tal-poter fil-politika;

J.   billi tnax-il gvern statali fit-Tramuntana tan-Niġerja għadhom japplikaw il-liġi tax-Xarija bħala parti mis-sistema tal-ġustizzja kriminali tagħhom, u d-dispożizzjonijiet dwar is-sentenzi jinkludu l-piena tal-mewt, l-amputazzjonijiet u s-swat bil-frosta; billi l-proċeduri f'dawn il-qrati ma jissodisfawx standard internazzjonali bażiku aċċettat tad-drittijiet tal-bniedem u jiddiskriminaw kontra n-nisa;

1.  Jesprimi d-dispjaċir kbir tiegħu fir-rigward tal-imwiet traġiċi fl-atroċitajiet tal-massa tad-19 ta' Jannar 2010 u s-7 ta' Marzu 2010 u l-qtil l-ieħor li ilu għaddej fiż-żona ta' madwar il-belt ta' Jos;

2.  Jinsab imħasseb dwar rapporti li uffiċjali tal-gvern u uffiċjali militari u tal-pulizija ġew implikati fi vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi każijiet ta' qtil extraġudizzjarji, arrestri arbitrarji u tortura;

3.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex joqogħdu lura u jfittxu soluzzjonijiet paċifiċi biex isolvu d-differenzi ta' bejn il-gruppi reliġjużi u etniċi fin-Niġerja;

4.  Jilqa' l-isforzi li saru fil-livelli federali u statali li wasslu għall-arrest ta' persuni magħrufa jew li nstabu li kienu involuti f'delitti relatati mal-ġrajjiet tas-7 ta' Marzu u dawk tad-19 ta' Jannar;

5.  Jistieden lill-Gvern Federali tan-Niġerja biex jiżgura li ssir ġustizzja ma' dawk kollha li wettqu atti ta' vjolenza, li tintemm l-impunità, u li jiġi żgurat li l-persuni ma jieħdux il-liġi b'idejhom;

6.  Jistieden lill-Gvernijiet Federali u Statali biex jipprovdu protezzjoni adegwata lil dawk li jinsabu f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, kif ukoll lil żoni importanti ta' interess kummerċjali, soċjali, komunitarju u reliġjuż, speċjalment ukoll fl-ibliet u l-villaġġi ta' madwar Jos, permezz ta' rondi regolari mill-forzi tal-pulizija;

7.  Jistieden lill-Gvernijiet Federali u Statali biex jappoġġjaw id-djalogu interetniku u interreliġjuż u jilqa' l-inizjattiva mill-aġent President is-Sur Goodluck Jonathan biex jiġbor flimkien il-mexxejja reliġjużi u komunitarji biex itejjeb id-djalogu;

8.  Jistieden lill-Gvernijiet Federali u Statali biex jippromwovu l-governanza tajba u l-politiki biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi ekonomiċi bejn gruppi differenti ta' persuni;

9.  Jistieden lill-Gvern Niġerjan biex jintervjeni f’każi individwali ta’ persuni proċessati skont il-liġi tax-Xarija u li ġew issentenzjati għall-mewt, għall-amputazzjoni, għas-swat bil-frosta jew għal trattament inuman u degradanti ieħor li jikser il-Kostituzzjoni Niġerjana kif ukoll il-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tan-Niġerja.