MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan
28.4.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Niccolò Rinaldi, Ramon Tremosa i Balcells f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0246/2010
B7‑0251/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kirgiżistan u l-Asja Ċentrali u, b'mod partikolari, dik tat-12 ta' Mejju 2005,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Frar 2008 dwar Strateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan tat-8 ta' April 2010,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għal Sħubija Ġdida mal-Asja Ċentrali adottata mill-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2007,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kirgiżistan li daħal fis-seħħ fl-1999,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Strateġija Reġjonali tal-Komunità Ewropea dwar l-Għajnuna għall-Asja Ċentrali għall-perjodu 2007-2013,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi huwa fl-interess tal-popli kemm tal-Asja Ċentrali kif ukoll tal-Unjoni Ewropea li jaraw li jkun hemm progress lejn stabilità u livelli ogħla ta' żvilupp demokratiku u uman, ta' sigurtà umana u ta' tkabbir sostenibbli fir-reġjun,
B. billi l-UE għandha dejjem tħares l-impenn tagħha li tintegra d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt f'kull ftehim ma' stati terzi u li tippromwovi riformi demokratiċi permezz ta' politiki koerenti li jsaħħu l-kredibilità tagħha bħala attur reġjonali,
C. billi l-Kirgiżistan huwa membru tal-OSKE u fi ħdan dan il-qafas huma impenjat li jirrispetta l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u li jimplimenta l-istandards demokratiċi tal-OSKE,
D. billi r-relazzjoni bejn l-UE u l-Asja Ċentrali hija kruċjali, minħabba l-isfidi komuni f'termini ta' enerġija, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-kontroll tat-traffikar tad-droga, u l-ġlieda kontra t-terroriżmu,
E. billi Kurmanbek Bakiyev, li tela’ fil-kariga l-ewwel darba f’Lulju 2005 wara dik magħrufa bħala r-"Rivoluzzjoni tat-Tulipani", is-sena li għaddiet reġa’ ġie elett għal mandat ieħor bħala president f'elezzjoni li, skont l-osservaturi indipendenti, kienet imċappsa bi frodi kbira; billi wara l-ewwel impenji tiegħu lejn id-demokrazija, it-tmexxija ta' Bakiyev saret awtoritarja u repressiva u r-reġim tiegħu ġie sostanzjalment meqjus bħala korrott u kkaratterizzat b'abbużi ta' poter,
F. billi fis-7 ta' April, truppi Kirgiżi intervenew bl-użu ta' balal, gass tad-dmugħ u stun grenades kontra folla ta' dimostranti li nġabret quddiem l-uffiċċju presidenzjali f'Bixkek u li wara attakkat bini tal-gvern bi protesta kontra żieda qawwija fil-prezzijiet tal-elettriku u tat-tisħin, u li dan ħalla 84 ruħ mejta u aktar minn 500 midruba,
G. billi l-President Bakiyev kien imġiegħel jaħrab mill-belt kapitali u postu ttieħed minn gvern interim immexxi mill-Kap tal-Oppożizzjoni Roza Otubaeva li ħarġet digriet dwar is-suċċessjoni tal-poter u ordni ta' konformità mal-kostituzzjoni Kirgiża, kif ukoll xoljiet il-parlament,
H. billi wara li pprova jagħmel il-kundizzjonijiet għar-riżenja tiegħu ġimgħa wara l-irvell, Bakiyev telaq mill-pajjiż lejn il-Kazakistan skont ftehim innegozjat bejn ir-Russja, l-Istati Uniti u l-Kazakistan,
I. billi s-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan għadha instabbli u partikolarment volatili fid-distretti ta' Jalalabad, fejn elementi qrib Bakiyev għadhom qed jipprovokaw vjolenza allarmanti,
1. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan u joffri l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi kollha tal-avvenimenti traġiċi;
2. Jieħu nota tal-ewwel passi meħuda mill-gvern proviżorju biex terġa' tiddaħħal id-demokrazija rigward, b'mod partikolari, il-pjanijiet biex issir kostituzzjoni ġdida, segwita minn referendum dwar ir-riformi ta' Bakiyev, li għaddew poter eċċessiv f'idejn il-presidenza;
3. Jitlob li jsiru elezzjonijiet ġodda hekk kif il-kundizzjonijiet għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti jiġu ssodisfati u l-leġiżlazzjoni neċessarja tiġi adottata u implimentata; jitlob lill-gvern interim ifassal pakkett ta' riformi biex:
– issir inkjesta internazzjonali u indipendenti, immexxija min-Nazzjonijiet Uniti, dwar il-każijiet ta' vjolenza, u jkun hemm kooperazzjoni dwarha;
– ikun hemm indikazzjoni ta' skeda ċara għall-elezzjonijiet nazzjonali u t-tħabbir ta' abbozz ġdid tal-kostituzzjoni;
– jitħejjew miżuri għall-garanzija tal-indipendenza tas-setgħat tal-ġudikatura;
– jiġi promoss l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem;
– jiġu promossi d-dispożizzjonijiet għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika;
4. Iħeġġeġ lill-gvern interim biex jagħmel kull sforz sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal sistema effikaċi u trasparenti li xxejjen id-dominanza tal-politika tal-klanns u li tistimula l-kemm l-iżvilupp kif ukoll l-inklużjoni politika, soċjali u ekonomika;
5. Jistieden lill-UE biex tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti l-ġodda tal-Istrateġija tal-Asja Ċentrali biex il-pajjiż jiġi assistit b'mod xieraq f'dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli;
6. Jistieden lill-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Asja Ċentrali biex isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni u jiffaċilita t-tkomplija tad-djalogu bejn il-komponenti kollha tas-soċjetà Kirgiża;
7. Jistenna bil-ħerqa r-reviżjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għar-reġjun u jappella għall-isforzi biex din issir aktar kredibbli, konkreta u koerenti;
8. Jitlob investigazzjoni internazzjonali, immexxija min-Nazzjonijiet Uniti, dwar dawn l-avvenimenti sabiex jiġu identifikati r-responsabilitajiet u n-nuqqasijiet u tingħata assistenza lill-awtoritajiet ġudizzjarji Kirgiżi sabiex iressqu l-qorti l-awturi tar-reati u jiżguraw ir-rispett u l imparzjalità tal-proċeduri ġudizzjarji;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-OSKE u lill-parlamenti tal-Federazzjoni Russa, l-Istati Uniti u l-Kazakistan.