Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0253/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0253/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-atroċitajiet tal-massa f'Jos, fin-Niġerja

28.4.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Goerens u Ramon Tremosa i Balcells f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0247/2010

Proċedura : 2010/2660(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0253/2010
Testi mressqa :
B7-0253/2010
Testi adottati :

B7‑0253/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-atroċitajiet tal-massa f'Jos, fin-Niġerja

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem fin-Niġerja,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Politiċi u Ċivili tal-1966, irratifikat minn Niġerja fid-29 ta' Ottubru 1993,

–   wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata minn Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. ixxukkjat mill-ġrajjiet reċenti f'Jos, fin-Niġerja, li jinsab f'salib it-toroq tat-tramuntana Musulmana u n-nofsinhar Nisrani tal-pajjiż, li fihom mietu ħafna mijiet ta' nies fi vjolenza etnika;

 

B. billi uffiċjal tas-Salib l-Aħmar qal li tal-anqas ġew immirati wkoll żewġ komunitajiet oħrajn qrib żona viċin fejn ġlied settarju qatel mijiet ta' nies f'Jannar,

 

C. billi s-Salib L-Aħmar tirrapporta li b'konsegwenza ta' din il-vjolenza tal-anqas
5-600 qed iħallu ż-żona għax jibżgħu għal ħajjithom,

 

D. billi eluf mietu fi vjolenza reliġjuża u etnika fin-Niġerja Ċentrali tul dawn l-aħħar għaxar snin u ta' spiss żdiedu t-tensjonijiet reliġjużi u etniċi fin-Niġerja,

 

E. billi l-problemi fiż-żona ta' Jos ġejjin minn nuqqas ta' żvilupp ekonomiku u t-tensjoni ssib l-għeruq tagħha f'għexieren ta' snin ta' riżentiment bejn gruppi indiġeni, l-aktar Insara u animisti, li jiġġieldu għall-kontroll ta' artijiet agrikoli għammiela ma' migranti u residenti ġodda mit-Tramuntana, li huma Musulmani u ta' ilsien Hausa,

 

F. billi l-instabilità tenfasizza l-fraġilità tan-nazzjon Afrikan l-aktar popoluż hekk kif joqrob il-perjodu tal-kampanja elettrorali tal-2011 fost inċertezzi rigward it-tmexxija politika,

 

 

1. Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza fin-Niġerja Ċentrali u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tensjonijiet etniċi li għadhom għaddejjin li fihom il-komunitajiet Haus-Fulani u Berom kienu protagonisti u vittmi;

 

2. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet sabiex jaħdmu favur soluzzjoni paċifika u jistieden lill-Ġvern Niġerjan sabiex jipproteġi l-popolazzjoni tiegħu u sabiex jindirizza l-għeruq tal-kawżi ta' vjolenza billi jiżgura drittijiet ugwali għaċ-ċittadini kollha u jindirizza l-problemi tal-qgħad u l-faqar;

 

3. Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani sabiex jaġixxu bil-ħeffa biex jipproteġu n-nies civili tal-etniċitajiet kollha li jinsabu fil-periklu ta' aktar attakki jew ta' qtil bi tpattija billi jsiru patrols fir-reġjun kollu; jitlob li dawk li ġew imġiegħla jaħarbu minħabba l-massakru jitħallew imorru lura darhom fis-sigurtà;

 

4. Jitlob lill-Gvern Niġerjan sabiex jinvestiga b'urġenza dawn il-massakri u jenfasizza li ebda persuna responsabbli għat-twettiq tal-kriżi ta' Jos m'għandha tibqa' impunita;

 

5. Jesprimi l-volontà tiegħu li jitkompla d-djalogu li għaddej fil-qafas tas-sħubija man-Niġerja bl-iskop li jissaħħew il-proċessi li qed isiru f'dan il-pajjiż favur il-konsolidazzjoni tad-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-minoranzi;

6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tan-Niġerja, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-ACP-UE u l-Parlament PAN-Afrikan (PAP).