MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-konklużjonijiet tas-Samit UE-Russja f’Rostov-na-Donu tal-31 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju 2010
9.6.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Heidi Hautala, Werner Schulz, Bart Staes, f'isem il-Grupp Verts/ALE
B7‑0293/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-konklużjonijiet tas-Samit UE-Russja f’Rostov-na-Donu tal-31 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju 2010
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Federazzjoni Russa, b'mod partikulari dik tas-17 ta' Settembru 2009[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-aspetti esterni tas-sigurtà tal-enerġija adottata fis-17 ta' Settembru 2009[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-Samit UE-Russja fi Stokkolma f’Novembru 2009[3],
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja, li daħal fis-seħħ fl-1997 u skada fi tmiem l-2007,
– wara li kkunsidra l-konsultazzjoni bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja huma staġnati minkejja l-interdipendenza kummerċjali u ekonomika dejjem tikber minħabba n-nuqqas ta’ fehim u fiduċja fuq kwistjonijiet ekonomiċi u politiċi fundamentali li żammew lill-partijiet milli jibnu sħubija strateġika ġenwina,
B. billi ftit sar progress sostantiv rigward in-negozjati tal-ftehim il-ġdid li hu maħsub li jieħu post il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) li skada fl-2007,
C. billi għad hemm ħafna problemi li jwasslu għal dewmien mhux mistenni rigward il-pjanijiet direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-Erba’ Spazji Komuni,
D. billi l-enerġija għad għandha rwol ċentrali u strateġiku fir-relazzjonijiet UE-Russja; billi d-deċiżjoni tar-Russja biex tirtira l-firma tagħha mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (ECT) tkompli tikkumplika dawn ir-relazzjonijiet, ixxekkel il-pass tan-negozjati dwar l-FSK l-ġdid u taffettwa b’mod negattiv id-djalogu dwar l-enerġija u l-iżviluppi potenzjali futuri,
E. billi fl-1 ta’ Ġunju, fi tmiem is-Samit tagħhom, l-UE u r-Russja adottaw dikjarazzjoni konġunta dwar il-prijoritajiet tal-Isħubija l-ġdida għall-Modernizzazzjoni bl-għan li jimmodernizzaw l-ekonomiji u s-soċjetajiet taż-żewġ partijiet; billi l-parti l-kbira ta' dawn il-prijoritajiet huma ta’ natura ekonomika, kummerċjali u regolatorja; billi l-koordinaturi taż-żewġ naħat ingħataw il-kompitu tat-tfassil ta’ pjan ta’ azzjoni bl-għan li jimplimentaw l-ewwel proġetti konkreti,
F. billi minkejja approċċ iktar pożittiv mill-awtoritajiet Russi, il-libertajiet tal-espressjoni, l-assoċjazzjoni u l-assemblea fir-Russja għadhom mhedda u l-inizjattivi u l-attivitajiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili, l-avversarji politiċi, il-midja indipendenti u ċ-ċittadini ordinarji kollha ta’ spiss jiġu ristretti jew ostakolati u jikkawżaw tħassib partikolari fit-Tramuntana tal-Kawkasu,
G. billi fil-31 ta’ Mejju eluf ta’ nies ħarġu jipprotestaw f’40 belt madwar ir-Russja f’appoġġ għall-Artikolu 31 tal-kostituzzjoni li jiggarantixxi l-libertà tal-assemblea; billi waqt id-dimostrazzjoni f’Moska fejn kien hemm preżenza tal-pulizija ikbar mis-soltu, madwar 180 dimostrant kienu arrestati, parzjalment imsawta u mbagħad meħlusa,
H. billi Sergei Magnitsky, avukat kontra l-korruzzjoni Russu ta’ 37 sena li rrappreżenta lill-Hermitage Fund, xehed dwar korruzzjoni b'valur ta’ madwar $230 miljun li timplika uffiċjali tal-Ministeru għall-Intern tar-Russja u, bħala retribuzzjoni, dawk l-uffiċjali tal-Ministeru għall-Intern arrestawh b’akkużi foloz xahar wara u żammewh mingħajr proċess għal 12-il xahar; billi wara li rrifjuta li jirtira x-xhieda li kien ta, ma ngħatax kura medika li setgħet issalvah, ma tħalliex jorqod, u ma nagħtax ikel u ilma u minħabba f’hekk miet fil-ħabs fis-16 ta’ Novembru 2009,
I. billi f’April 2010 il-Grupp Ħelsinki ta' Moska talab li tinfetaħ inkjesta ta’ qtil kontra l-ħames uffiċjali tal-Ministeru għall-Intern Russu u l-Kummissjoni Ħelsinki tal-Istati Uniti ppubblikat lista ta’ 60 uffiċjal Russu involuti fil-korruzzjoni li nkixfet minn Sergei Magnitsky, l-arrest illegali, il-persekuzzjoni b'ritaljazzjoni, it-tortura u l-mewt taħt arrest u talbet sanzjonijiet permanenti inkwantu viżi għall-Istati Uniti kontra dawk l-uffiċjali, il-persuni dipendenti fuqhom u l-membri tal-familji tagħhom,
J. billi l-enerġija hija strument ewlieni fil-politika barranija tar-Russja; billi d-dipendenza qawwija tal-UE fuq il-fjuwils fossili ddgħajjef l-iżvilupp ta' approċċ Ewropew ibbilanċjat, koerenti u bbażat fuq il-valuri fil-konfront tar-Russja; billi huwa tal-ikbar importanza li l-UE titkellem b’vuċi waħda u turi solidarjetà interna b’saħħitha,
K. billi l-iffirmar riċenti tat-Trattat Strateġiku dwar it-Tnaqqis tal-Armi l-ġdid (Start) mill-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti u t-tqarrib dwar in-nonproliferazzjoni u l-kwistjonijiet tal-Iran wittew it-triq għal klima ġdida u djalogu msaħħaħ mar-Russja dwar it-tħassib relatat mas-sigurtà fl-Ewropa u l-Lvant Nofsani,
L. billi l-paċi u l-istabilità fil-pajjiżi ġirien komuni huma fl-interess kemm tar-Russja kif ukoll tal-UE; billi għandu jiżviluppa djalogu liberu u frank dwar il-kriżijiet f’dawn il-pajjiżi partikolarment fir-rigward tal-kunflitti ffriżati u d-deċiżjoni mir-Russja biex tkompli għaddejja bl-indipendenza u l-provvediment ta’ arranġamenti ta’ sigurtà għall-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar,
M. billi, bħala membru tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Federazzjoni Russa impenjat ruħha li tirrispetta l-libertà tal-kelma u l-libertà tal-assemblea,
1. Jilqa' l-attitudni miftuħa u kostruttiva li wrew iż-żewġ naħat fis-Samit f’Rostov-na-Donu li ppermettiet biex tiġi mnedija Sħubija għall-Modernizzazzjoni u jittama li din il-kooperazzjoni mġedda tista’ ttejjeb l-istat tar-relazzjonijiet u tbiddel is-sħubija ta’ natura prammatika attwali f’waħda ġenwina bbażata fuq il-valuri li tista’ tissupera l-opinjonijiet opposti li jeżistu dwar xi kwistjonijiet ewlenin;
2. Huwa tal-opinjoni li l-kunċett ta’ modernizzazzjoni ma jistax jiġi limitat għal kooperazzjoni ekonomika u innovazzjoni teknoloġika iżda għandha jkun akkumpanjat minn proċess ambizzjuż ta’ riformi domestiċi li jinkludu l-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet demokratiċi u sistema legali affidabbli, ir-rispett għall-istat tad-dritt u l-iżvilupp mingħajr xkiel ta’ soċjeta ċivili ġenwina;
3. Jistenna bil-ħerqa l-pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tal-ewwel proġetti li l-koordinaturi se jibdew ifasslu u jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-promozzjoni ta’ ekonomija b'karbonju baxx sostenibbli, it-titjib tal-effiċjenzja tal-enerġija u l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima għandhom ikunu elementi fundamentali ta’ dan il-pjan; jitlob lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament kif xieraq dwar l-abbozzar ta’ dan il-pjan;
4. Jiddispjaċih li d-disa’ ċikli ta’ taħdidiet dwar il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni l-ġdid ma tawx ir-riżultati mistennija u jitlob lill-partijiet biex jagħmlu ħilithom kollha biex jiffaċilitaw in-negozjati dwar ftehim ta’ qafas ġdid u wiesa’ bbażat fuq valuri u interessi ġenwinament komuni u maqsuma; jistieden lill-awtoritajiet Russi biex jiċċaraw il-pożizzjoni Russa rigward l-unjoni doganali prevista mal-Bjelorussja u l-Kazakistan li tista’ tostakola l-elaborazzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mal-UE;
5. Jinnota li l-pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-Erba' Spazji Komuni għandhom jitqiesu bħala element ewlieni għan-negozjati u jitlob, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzoni tal-Ftehim ta' Sħubija u ta' Kooperazzjoni sabiex tivverifika jekk il-potenzjal ta' dan il-ftehim ġiex sfruttat bis-sħiħ u tara x'għandu jsir sabiex jiġu evitati l-iżbalji u n-nuqqasijiet tal-passat; jitlob għal riforma fundamentali tal-għadd kbir ta’ kumitati konġunti, gruppi ta' ħidma u mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni bejn iż-żewġ naħat sabiex xogħolhom isir b'mod razzjonali u iktar effettiv;
6. Jisħaq għal darb'oħra li d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem iridu jkunu fil-qalba ta' kwalunkwe ftehim futur mal-Federazzjoni Russa, rigward, b'mod partikolari, id-definizzjoni u l-inklużjoni ta' klawżola effettiva u operattiva dwar id-drittijiet tal-bniedem, u li l-kwalità u l-profondità tar-relazzjonijiet ġejjiena jridu jiddependu fuq ir-rispett u l-appoġġ għal dawn il-valuri;
7. Jilqa’ r-ratifika mir-Russja tal-Protokoll 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konferma tal-moratorju tal-piena tal-mewt; jitlob li fil-każ ta’ kundanni mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kontra l-Federazzjoni Russa li jerġgħu jinbdew l-inkjesti mill-awtoritajiet Russi u r-reviżjoni tas-sistemi legali sabiex jiġi evitat iktar ksur tal-liġi internazzjonali;
8. Jinnota t-tnedija tal-evalwazzjoni tal-konsultazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem UE-Russja li għandha tiġi konkluża sal-aħħar ta’ Ġunju u jtenni t-talba tiegħu biex tissaħħaħ din il-konsultazzjoni sabiex issir iktar effettiva u mmirata lejn ir-riżultati bil-parteċipazzjoni tal-ministeri Russji għall-Ġustizzja u l-Intern u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fi Brussell u Moska u bl-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew f’kull livell;
9. Huwa tal-fehma li l-laqgħat ta’ informazzjoni organizzati mill-Kummissjoni mal-protagonisti tas-soċjetà ċivili qabel il-konsultazzjoni uffiċjali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem huma għodda importanti li għandha tkun imsaħħa b'mod xieraq u għandhom ikunu organizzati fir-Russja, u meqjusa mill-awtoritajiet Russi bil-ħsieb li jkunu trasformati f'seminar legali sħiħ li jkun jinkludi akkademiċi, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u uffiċjali taż-żewġ naħat;
10. Jistieden lill-awtoritajiet Russi biex iwaqqfu l-impunità attwali u mifruxa għall-vjolenza kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u, b'mod partikolari, biex bħala prijorità jwaqqfu l-ambjent ta' terrur u ta' anarkija fit-Tramuntana tal-Kawkasu u sabiex jipproteġu u jiggarantixxu l-integrità fiżika b’konformità mal-istrumenti internazzjonali u reġjonali rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden b'mod partikulari lill-awtoritajiet Russi sabiex jadottaw miżuri preventivi ta' protezzjoni fir-rigward tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, pereżempju billi jinbdew investigazzjonijiet hekk kif il-prosekutur jew is-sistema ġudizzjarja jsiru jafu bit-theddidiet iffaċċati minnhom;
11. Jappoġġa s-sejħa mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tar-Russja Vladimir Lukin biex tinfetaħ investigazzjoni dwar l-azzjonijiet qawwija tal-pulizija b'rabta mal-protesti tal-31 ta’ Mejju;
12. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ġuddizjarji biex ikomplu bl-investigazzjoni dwar il-mewt ta’ Sergey Magnitsky; jitlob li s-60 uffiċjal Russu li kienu involuti f'dan il-każ ma jitħallewx jidħlu fl-UE u jitlob lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-UE biex jikkooperaw fl-iffriżar tal-kontijiet bankarji u l-assi l-oħra ta' dawn l-uffiċjali Russi fil-Pajjiżi Membri kollha tal-UE;
13. Jiddeplora r-restrizzjoni ta’ iktar drittijiet fundamentali u kostituzzjonali rigward il-libertà tar-reliġjon li permezz tagħha xi minoritajiet reliġjużi ma jitħallewx jippratikaw ir-reliġjon tagħhom b'mod liberu;
14. Jenfasizza li l-ġlieda kontra t-terroriżmu ma għandhiex twassal għal iktar restrizzjoni tad-drittijiet ċivili fundamentali; f’dan ir-rigward, huwa mħasseb ħafna dwar l-użu ġejjiena ħażin ta’ abbozz ta' liġi li jemenda l-liġi dwar l-FSB (is-Servizz ta’ Sigurtà Federali tar-Russja) fejn l-FSB jingħata s-setgħa li jieħu 'miżuri preventivi' kontra individwi suspettati b'involviment fl-attività estremista;
15. Jilqa’ d-deċiżjoni biex jinbeda l-istadju operattiv u prattiku fir-rigward tad-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża iżda jinnota li l-passi 'l quddiem f'dan il-qasam se jiddependu fuq il-progress konkret dwar ir-rispett għall-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni ta' standards bażiċi tad-drittijiet tal-bniedem;
16. Jistieden, f’dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Russi biex jiġġieldu l-arbitrarjetà u ma jużawx il-ġudikatura bħala għodda politika; jitlob, b’mod partikolari, li jsir titjib fit-trattament tal-personaġġi Michail Khodorkovski u Platon Lebedev li jinsabu fil-ħabs, biex ikun iggarantit li dawn il-priġunieri jkollhom proċess ġust u ekwu u biex titwaqqaf il-persekuzzjoni mmotivata politikament;
17. Jidispjaċih dwar in-nuqqas ta’ politika ta’ sigurtà tal-enerġija Ewropea ġenwinament komuni, li jwassal għal approċċ mhux ikkoordinat tal-UE fil-konfront tar-Russja; jirrimarka li l-iffirmar ta' xi ftehimiet bilaterali tal-enerġija mill-Istati Membri jista’ jdgħajjef l-interessi u joħloq dubji dwar il-proġetti strateġiċi tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri l-oħra; jirrimarka, f'dan ir-rigward, li d-dipendenza kbira tal-UE fuq il-Federazzjoni Russa għall-enerġija ddgħajjef ħafna l-koerenza tagħha, kif tasserixxi ruħha, u s-sostenibilità tal-politika barranija komuni tagħha;
18. Jenfasizza li t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi ġirien tal-Lvant u l-UE mhija bla ebda mod alternattiva għar-relazzjonijiet sodi u tajbin ta' dawn il-pajjiżi ma' Moska u jistieden lir-Russja biex, f'dan ir-rigward, tadotta approċċ pożittiv u kostruttiv lejn is-Sħubija tal-Lvant;
19. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ progress fir-rigward tal-kunflitti ffriżati; jiddeplora, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni mħabbra mid-Direttorat tal-Fruntieri tal-FSB biex tinbena infrastruttura moderna ta’ fruntieri u jiġu stabbiliti strutturi kontinwi bħala fruntiera bejn l-Ossezja tan-Nofsinhar u l-Ġeorġja bl-għan li tiġi diviża u iżolata iktar il-provinċja Ġeorġjana minn Tbilisi; jistieden lill-awtoritajiet Russi biex jirrispettaw bis-sħiħ ‘il-ftehim ta' sitt punti’ li ġie konkluż fit-12 ta' Awwissu 2008 li jagħti permess lill-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE (EUMM Ġeorġja) biex ikollha aċċess mingħajr restrizzjoni għaż-żewġ territorji separatisti;
20. Jieħu nota tal-proposta Merkel-Medvedev biex jiġi stabbilit kumitat ta’ sigurtà UE-Russja sabiex jinkiseb iktar progress dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà komuni; huwa tal-fehma li livell daqshekk għoli ta’ inizjattiva jista’ jkun pjattaforma għall-kjarifika tal-proposti ta’ sigurtà attwali u għall-evalwazzjoni ta’ iktar kooperazzjoni flimkien mal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana;
21. Jilqa’ l-inizjattiva ta’ bosta kumpaniji Ġermaniżi fir-Russja biex ma jkunux involuti fil-korruzzjoni u jistieden lill-awtoritajiet Russi biex jappoġġaw l-inizjattiva permezz ta' miżuri msaħħa kontra l-korruzzjoni fuq livell nazzjonali sabiex jipprovdu ambjent aħjar għall-investimenti barranin;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa u lill-Kunsill tal-Ewropa.
- [1] Testi adottati ta’ dik id-data, P7_TA(2009)0022.
- [2] Testi adottati ta’ dik id-data, P7_TA(2009)0021.
- [3] Testi adottati ta’ dik id-data, P7_TA(2009)0064.