Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0294/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0294/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI  dwar it-taħriġ ġudizzjarju – Il-Programm ta' Stokkolma

9.6.2010

imressqa wara l-mistoqsija b’talba għal tweġiba orali B7‑0306/2010
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Tadeusz Zwiefka f'isem il-Grupp PPE
Bernhard Rapkay f'isem il-Grupp S&D
Diana Wallis f'isem il-Grupp ALDE
Eva Lichtenberger f'isem il-Grupp Verts/ALE
Francesco Enrico Speroni f'isem il-Grupp EFD <<<

Proċedura : 2010/2695(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0294/2010

B7‑0294/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-taħriġ ġudizzjarju – Il-Programm ta' Stokkolma

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma[1],

 

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008 dwar l-irwol tal-imħallef nazzjonali fis-sistema ġudizzjarja Ewropea[2],

 

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-programm ta' Stokkolma[3],

 

–    wara li kkunsidra l-mistoqsija tal-10 ta' Marzu 2010 lill-Kummissjoni dwar it-Taħriġ Ġudizzjarju - il-Pjan ta' Azzjoni ta' Stokkolma (O-0063/2010 – B7‑0306/2010),

 

–    wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A.  billi l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdu għall-adozzjoni, skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, ta' miżuri li jkollhom l-għan li jiżguraw 'appoġġ fit-taħriġ tal-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju',

 

B.   billi fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma, il-Kummissjoni ħabbret li se tippreżenta komunikazzjoni dwar Pjan ta' Azzjoni dwar taħriġ Ewropew għall-professjonijiet legali kollha fl-2011 u li se tniedi proġetti pilota dwar programmi ta' skambju 'Stil Erasmus' għall-awtoritajiet ġudizzjarji u l-professjonisti legali fl-2010-2012,

 

C.  billi għandhom jitqiesu l-ħtiġijiet partikolari tal-ġudikatura fir-rigward ta' taħriġ fil-forma ta' korsijiet ta' familjarizzazzjoni mad-dritt nazzjonali, kumparattiv u Ewropew u s-sensittività li jeħtieġ li tintwera fl-organizzazzjoni ta' korsijiet bħal dawn,

 

D.  billi huwa partikolarment diffiċli li jiġi organizzat taħriġ għall-membri tal-ġudikatura meta jitqiesu r-restrizzjonijiet fuq il-ħin u d-disponibilità tagħhom, l-indipendenza tagħhom u l-bżonn li l-korsijiet ikunu adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom f'termini ta' problemi ġuridiċi attwali,

 

E.   billi dawn il-korsijiet għandu jkollhom l-għan ukoll li joħolqu linji ta' komunikazzjoni bejn il-parteċipanti u b'hekk irawmu kultura ġudizzjarja Ewropea bbażata fuq il-fehim reċiproku biex b'hekk tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka li fuqha hija bbażata s-sistema tar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi,

 

F.   billi, minkejja l-pressjoni fuq il-baġits nazzjonali, l-Istati Membri għad għandhom ir-responsabilità primarja għat-taħriġ ġudizzjarju u għandhom jaċċettawha,

 

G.  billi madankollu huwa essenzjali li jkun hemm finanzjament tal-UE għal korsijiet ta' taħriġ ġudizzjarju bħal dawn imfassla biex irawmu kultura ġudizzjarja Ewropea,

 

H.  billi taħriġ ġudizzjarju xieraq u l-ħolqien ta' kultura ġudizzjarja Ewropea jistgħu jħaffu l-proċeduri ġudizzjarji f'każijiet transkonfinali u għalhekk jagħtu kontribut sinifikanti sabiex jittejjeb it-tħaddim tas-suq intern kemm għan-negozji kif ukoll għaċ-ċittadini u sabiex ikun aktar faċli għaċ-ċittadini li eżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu li jkollhom aċċess għall-ġustizzja,

 

I.    billi l-Kummissjoni għandha tagħmel inventarju tal-programmi u l-iskejjel nazzjonali ta' taħriġ għall-ġudikatura bil-ħsieb ukoll li jiġu identifikati l-aħjar prattiki f'dan is-settur,

 

J.    billi huwa neċessarju li wieħed ikompli jibni fuq l-istrutturi u n-netwerks eżistenti, b'mod partikolari n-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju u l-Akkademja tad-Dritt Ewropew, u li jiġu involuti n-Netwerk tal-Presidenti tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi, in-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikaturi, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi u n-netwerk Eurojustice tal-Prosekuturi Ġenerali Ewropej fit-twaqqif tal-proġetti pilota għat-taħriġ ġudizzjarju,

                          

1.   Jilqa' r-reazzjoni fil-pront tal-Kummissjoni għas-suġġerimenti inklużi fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Novembru 2009;

 

2.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżguraw li l-Parlament ikun involut b'mod sħiħ fit-tfassil u l-approvazzjoni tal-arranġamenti għat-taħriġ ġudizzjarju, b'mod partikolari l-proġetti pilota previsti fil-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

 

3.   Iqis li l-proġetti pilota proposti m'għandhomx ikunu ristretti, f'dak li jirrigwarda l-membri tal-ġudikatura, għal programmi ta' skambju "stil Erasmus";

 

4.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tibda l-konsultazzjonijiet, b'mod partikolari mal-Parlament, bil-ħsieb li jitfasslu u jitħejjew il-proġetti pilota futuri malajr kemm jista' jkun;

 

5.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, bil-kooperazzjoni tal-Istati Membri fil-Kunsill, biex tipproduċi proposti malajr kemm jista' jkun għall-ħolqien ta' netwerk ta' korpi tat-taħriġ legali fl-Unjoni kollha akkreditati biex jipprovdu korsijiet ta' familjarizzazzjoni fid-dritt nazzjonali, kumparattiv u Ewropew għall-membri tal-ġudikatura fuq bażi stabbli u kontinwa;

 

6.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkonsulta mal-Parlament rigward pjanijiet separati għall-ħolqien ta' istituzzjoni li tibni fuq strutturi u netwerks eżistenti, b'mod partikolari n-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju u l-Akkademja tad-Dritt Ewropew;

 

7.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposti konkreti għall-finanzjament tal-Pjan ta' Azzjoni futur dwar it-taħriġ ġudizzjarju;

 

8.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.