Proċedura : 2010/2709(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0296/2010

Testi mressqa :

B7-0296/2010

Dibattiti :

PV 16/06/2010 - 7
CRE 16/06/2010 - 7

Votazzjonijiet :

PV 17/06/2010 - 7.10
CRE 17/06/2010 - 7.10

Testi adottati :

P7_TA(2010)0234
P7_TA(2010)0235

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 137kWORD 86k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0296/2010
9.6.2010
PE441.914v01-00
 
B7-0296/2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-riżultat tas-Samit UE-Russja f’Rostov-na-Donu fil-31 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju 2010


Adrian Severin, Hannes Swoboda, Knut Fleckenstein, Kristian Vigenin f'isem il-Grupp S&D

dwar il-riżultati tas-Samit UE-Russja f’Rostov-na-Donu fil-31 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju 2010  
B7‑0296/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni (PCA) eżistenti bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa, u n-negozjati li nbdew fl-2008 dwar trattat ġdid bejn l-UE u r-Russja,

–   wara li kkunsidra l-objettivi tal-UE u tar-Russja, stipulati fid-dikjarazzjoni konġunta li ħarġet wara l-11-il Samit bejn l-UE u r-Russja, li sar f'St Petersburg fil-31 ta' Mejju 2003, biex jitwaqqaf spazju ekonomiku komuni, spazju komuni ta' libertà, sigurtà u ta' ġustizzja, spazju komuni ta' koperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u spazju komuni ta' riċerka u edukazzjoni, inklużi l-aspetti kulturali,

–   wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew dwar ir-Russja u dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, b’mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-Samit UE-Russja ta’ Stokkolma adottata f'Novembru 2009(1),

–   wara li kkunsidra r-riżultati tas-Samit UE-Russja f’Rostov-na-Donu fil-31 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju 2010;

–   wara li kkunsidra l-Konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura,

A. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja qed ikomplu jiżviluppaw b'mod kostanti tul l-aħħar deċenju, minkejja l-effetti severi tal-kriżi ekonomika, li jwasslu għal integrazzjoni u interdipendenza ekonomika komprensiva u fil-fond, li m'għandhomx ma jkompli jiżdiedu aktar fil-futur,

B.  billi l-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa tibqa' ta' importanza kbira għal aktar żvilupp u intensifikazzjoni tal-koperazzjoni bejn iż-żewġ imsieħba,

C. billi matul is-Samit ta' Rostov-na-Donu fl-1 ta' Ġunju 2010 tnediet is-Sħubija UE-Russja għal-Modernizzazzjoni u ġie adottat il-ftehim bejn il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata,

 

D. billi l-adeżjoni rapida tal-Federazzjoni Russja mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ tkun qed tikkontribwixxi sostanzjalment għal aktar titjib għar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn ir-Russja u l-Unjoni Ewropea u tistimula l-investimenti,

E.  billi s-sikurezza tal-provvista tal-enerġija hija waħda mill-akbar sfidi għall-Ewropa u waħda mill-oqsma maġġuri ta' koperazzjoni mar-Russja; billi l-UE u r-Russja ffirmaw memorandum fis-16 ta' Novembre 2009 li jseddaq il-Mekkaniżmu ta' Twissija minn Kmieni biex jittejbu l-prevenzjoni u l-ġestjoni fil-każ ta' kriżi tal-enerġija; billi għandhom isiru sforzi konġunti sabiex isir użu sħiħ u effiċjenti tal-enerġija u tas-sistemi tat-trasport tal-enerġija, kemm dawk li diġa jeżistu kif ukoll dawk li għad iridu jiġu żviluppati aktar,

F.  billi huwa importanti li l-UE titkellem b'leħen wieħed, turi solidarjeta u unita fir-relazzjonijiet tagħha mal-Federazzjoni Russa, u tibbaża dawn ir-relazzjonijiet fuq interessi reċiproċi u valuri komuni,

G. billi għad hemm tħassib serju dwar l-iżviluppi fil-Federazzjoni Russa fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħarsien tagħhom, u dwar ir-rispett tal-prinċipji, regoli u proċeduri demokratiċi li hemm qbil komuni dwarhom, billi l-Federazzjoni Russa hija membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, u għalhekk intrabtet mal-prinċipji tad-demokrazija u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem,

H. billi l-UE u r-Russja, flimkien, jistgħu u għandu jkollhom rwol attiv fil-ħolqien tal-paċi u l-istabbiltà fil-kontinent Ewropew, b’mod partikolari fil-viċinanzi komuni, u jaħdmu flimkien biex tinkiseb soluzzjoni paċifika skont il-liġi internazzjonali għall-kunflitti mtawla fil-viċinanzi komuni (fil-Kawkasu tan-Nofsinhar u r-Repubblika tal-Moldova),

I.   billi l-iffirmar tat-Trattat Strateġiku dwar it-Tnaqqis tal-Armi l-ġdid (START) bejn il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti fit-8 ta' April 2010 u r-rapprochement dwar in-non-proliferazzjoni u l-kwistjoni tal-Iran, il-proċess għall-Paċi fil-Lvant Nofsani, l-Afganistan/Pakistan huma xhieda tal-klima ta' djalogu mar-Russja dwar aspetti differenti ta' relazzjonijiet barranin u ta' sigurtà;

1.  Jerġa’ jafferma t-twemmin tiegħu li r-Russja għadha wieħed mill-imsieħba l-iktar importanti tal-Unjoni Ewropea fil-bini ta’ koperazzjoni strateġika, peress li t-tnejn mhux biss għandhom interessi ekonomiċi u kummerċjali komuni, iżda għandhom ukoll l-objettiv li jikkoperaw flimkien mill-qrib fil-livell globali kif ukoll fil-viċinat komuni;

2.  Jinnota li s-Samit ta' Rostov-na-Donu ffoka fuq sfidi komuni li qed jiffaċċaw kemm ir-Russja kif ukoll-UE (bħall-kriżi ekonomika, il-bidla fil-klima, l-enerġija u kwistjonijiet li jirrigwardaw l-enerġija, l-objjrtiv fit-tul ta' vvjaġġar mingħajr viżi bejn l-UE u r-Russja, u kwistjonijiet internazzjonali u reġjonali);

3.  Jilqa' bi pjaċir id-deċiżjoni tal-11 ta' Ġunju 2010 tas-Samit UE-Russja f'Rostov-na-Donu li titnieda uffiċjalment is-Sħubija għall-Modernizzazzjoni li tinkludi, fost il-prijoritajiet tagħha: l-espansjoni tal-opportunitajiet għall-investiment għal setturi kruċjali li jmexxu t-tkabbir u l-innovazzjoni, is-sedqa u t-tkabbir tal-kummerċ bilaterali u r-relazzjonijiet ekonomiċi, u l-promozzjoni ta' intrapriżi żgħar u medji; il-promozzjoni tal-allinjament ta' regolamenti u standards tekniċi, kif ukoll ta' livell għoli ta' nfurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; titjib fit-trasport; il-promozzjoni ta' ekonomija b'karbonju baxx sostenibbli u tal-effiċjenzja tal-enerġija, kif ukoll negozjati internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima; is-sedqa ta' koperazzjoni fl-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, u l-ispazju; garanzija ta' żvilupp bilanċjat bl-indirizzar tal-konsegwenzi reġjonali u soċjali tar-ristrutturar ekonomiku; garanzija għall-funzjonament effettiv tal-ġudikatura u t-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni; il-promozzjoni tar-rabtiet bejn persuna u oħra, u t-titjib tad-djalogu mas-soċjetà ċivili sabiex tisseddaq il-parteċipazzjoni individwali u dik tan-negozju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Gvern Russu biex jelaboraw f'aktar dettall is-Sħubija għall-Modernizzazzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-President Medvedev li jibbaża l-modernizzazzjoni tar-Russja fis-Seklu 21 fuq valuri demokratiċi u l-istat tad-dritt, bil-bini ta' ekonomija moderna diversifikata u dinamika u bl-inkuraġġiment tal-involviment attiv tas-soċjetà ċivili;

4.  Itenni l-impenn tal-UE li taħdem aktar għall-konsolidazzjoni finanzjarja u l-kompetittività, u t-tisħiħ tal-istruttura u t-tkabbir ekonomiku fil-qafas tal-istrateġija tal-UE 2020; jenfasizza l-fiduċja tiegħu li s-Sħubija għall-Modernizzazzjoni se tippromwovi r-riforma u tagħti spinta mġedda għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, tiżviluppa koperazzjoni reċiproka lukrattiva fil-kummerċ, l-ekonomija u s-sikurezza tal-enerġija, filwaqt li tagħti kontribut għall-irkupru ekonomiku;

5.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-iżvilupp b'mod aktar pragmatiku tar-relazzjonijiet futuri mar-Russja, b'attenzjoni miżmuma ffukata fuq il-konklużjoni tal-ftehim il-ġdid UE-Russja fiż-żmien dovut, u bil-konċentrazzjoni fuq koperazzjoni prattika artikulata, proġetti konġunti u l-implimentazzjoni tal-impenji u l-ftehimiet li saru sa issa; jinnota l-progress li sar fid-disa' sensiliet ta' taħdidiet dwar il-Ftehim UE-Russja ġdid u jistieden lill-partijiet involuti sabiex jimxu fuq approċċ ibbażat fuq valuri u interessi ġenwinament komuni;

6.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-objettiv tal-adeżjoni tar-Russja fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ li se tpoġġi lill-komunitajiet tan-negozju taż-żewġ naħat fuq livell indaqs u li se tgħin ħafna fl-isforzi tar-Russja biex tinbena ekonomija moderna, diversifikata u b’teknoloġija għolja; jistieden lir-Russja sabiex tieħu l-passi neċessarji biex jitneħħew l-ostakoli li baqa' għall-proċess ta' adeżjoni;

7.  Itenni l-impenn għall-objettiv fit-tul li jkun hemm ivvjaġġar mingħajr viżi bejn l-UE u r-Russja, abbażi ta' approċċ gradwali ffukat fuq is-sustanza u l-progress prattiku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Gvern Russu sabiex saflaħħar jibdew jippreparaw lista ta' passi komuni għal skema ta' vvjaġġar mingħajr viżi;

8.  Jenfasizza l-importanza komuni ta' koperazzjoni rigward l-enerġija għar-Russja u l-UE, billi dawn jirrappreżentaw opportunita ta' potenzjal għal aktar kummerċ u koperazzjoni ekonomika bejn l-UE u r-Russja; jenfasizza li l-prinċipji ta' interdipendenza u trasparenza għandhom ikunu l-bażi ta' din il-koperazzjoni, flimkien ma' aċċess ugwali għas-swieq, l-infrastruttura u l-investiment; jinnota b'interess il-ftehim tal-21 ta' April 2010 li jistabbilixxi skont għall-prezz tal-gass li r-Russja tipprovdi lill-Ukraina fid-deċenju li jmiss, li jipprovdi ċertu livell ta' sikurezza u predittibilità fil-proċess ta' tranżitu tal-provvisti tal-enerġija;

9.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jiżguraw li l-prinċipji tal-Karta tat-Trattat tal-Enerġija u l-Protokoll ta' Tranżitu anness magħha jiġu inklużi fi Ftehim ġdid ta' Sħubija bejn l-UE u r-Russja;

10. Jinnota b'interess id-diskussjonijiet dwar il-bidla fil-klima, dwar il-koperazzjoni konkreta rigward miżuri biex jitnaqqsu l-gassijiet b'effett serra, l-effiċjenza tal-enerġija u l-iżvilupp ta' enerġija sostenibbli; jenfasizza n-neċessità ta' kunsens dwar kif jitmexxa 'l quddiem il-proċess tan-negożjati internazzjonali dwar il-bidla fil-klima bi preparazzjoni għall-konferenza ta' Kankun (Diċembru 2010);

11. Jisħaq fuq l-importanza ta’ skambju kontinwu ta' opinjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem mar-Russja bħala parti mill-Konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bħala mezz biex jikkonsolida l-interoperabilità tagħna fl-oqsma kollha ta' koperazzjoni u jitlob li jkun hemm titjib fil-format ta' dawn il-laqgħat sabiex ikunu aktar effettivi, b'attenzjoni speċjali għal azzjoni konġunta kontra r-razziżmu u l-ksenofobija, u sabiex dan il-proċess ikun miftuħ għal kontribut effettiv mill-Parlament Ewropew, mid-Duma tal-Istat u minn NGOs għad-drittijiet tal-bniedem, kemm jekk id-djalogu jsir fir-Russja, kif ukoll jekk isir fi Stat Membru tal-UE; jitlob lill-awtoritajiet Russi sabiex jiżguraw is-sigurtà tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

12. Jinnota dawn l-iżviluppi leġiżlattivi fir-Russja: ir-ratfikazzjoni tal-Protokoll 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-estensjoni mal-pajjiż kollu ta' proċessi b'ġuri, u l-konferma ta' moratorju fuq il-piena tal-mewt; ifakkar fit-tħassib dwar is-sitwazzjoni fil-Kawkasu tat-Tramuntana u r-riforma tas-sistema penitenzjarja;

13. Jinnota b'sodisfazzjon, qabel is-Samit tal-G20 f'Toronto, il-kunsens bejn l-UE u r-Russja dwar ir-riforma tas-sistema finanzjarja u jistenna li s-Samit jiddiskuti mezzi sabiex jitnaqqsu r-riskji sistematiċi u jintlaħaq ftehim fuq il-prinċipju li l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jikkontribwixxu għall-ispejjeż ta' kwalunkwe kriżi finanzjarja futura;

14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex isegwu inizjattivi konġunti mal-Gvern Russu mmirati lejn it-tisħiħ tas-sigurta u l-istabbilita fil-viċinat komuni, b'mod partikulari permezz ta' sforzi konġunti biex jissolvew il-konflitti fir-Repubblika tal-Moldovja u l-kwistjonijiet eċċezzjonali fil-Kawkasu tan-Nofinhar, inkluża l-implimentazzjoni tal-impenji kollha preċedenti;

15. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE u l-Federazzjoni Russa sabiex jibdew negozjati dwar riforma tal-OSCE bħala parti minn arranġament ta' sigurtà gdid u usa' għall-Ewropa.

16. Jilqa' b'sodisfazzjoni ir-rwol kostruttiv li ħadet il-Federazzjoni Russa sabiex jitfassal l-abbozz ta' Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iran.

17. Jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar tat-Trattat Strateġiku dwar it-Tnaqqis tal-Armi l-ġdid (START) mill-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti fit-8 ta' April 2010; jinnota b'sodisfazzjon il-progress li sar fid-djalogu li għadu għaddej bejn il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti dwar kwistjonijiet ta' sigurtà, inkluża t-tarka ta' difiża tal-missili;

18. Iħeġġeġ lill-gvernijiet, kemm tar-Russja kif ukoll tal-Istati Uniti, sabiex jinvolvu bis-sħiħ l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fid-diskussjonijiet rigward l-evalwazzjoni tar-riskji għas-sigurtà, biex b'hekk jikkontribwixxu għall-paċi u l-istabbiltà fid-dinja u l-Ewropa b'mod partikulari.

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Koperazzjoni fl-Ewropa.

(1)

Testi adottati ta’ dik id-data, P7_TA(2009)0064.

Avviż legali - Politika tal-privatezza