Proċedura : 2010/2709(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0300/2010

Testi mressqa :

B7-0300/2010

Dibattiti :

PV 16/06/2010 - 7
CRE 16/06/2010 - 7

Votazzjonijiet :

PV 17/06/2010 - 7.10
CRE 17/06/2010 - 7.10

Testi adottati :

P7_TA(2010)0234
P7_TA(2010)0235

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 134kWORD 80k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0296/2010
9.6.2010
PE441.918v01-00
 
B7-0300/2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-riżultat tas-Samit UE-Russja f’Rostov-na-Donu fil-31 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju 2010


Kristiina Ojuland f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-riżultati tas-Samit UE-Russja f’Rostov na Donu fil-31 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju 2010  
B7‑0300/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u ta’ Koperazzjoni (PCA) eżistenti bejn, fuq naħa, il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, u fuq l-oħra, il-Federazzjoni Russa(1), u n-negozjati li nbdew fl-2008 dwar trattat ġdid bejn l-UE u r-Russja,

–   wara li kkunsidra l-objettiv tal-UE u tar-Russja, stipulat fid-dikjarazzjoni konġunta li ħarġet wara l-11-il Samit bejn l-UE u r-Russja, li sar f’St Petersburg fil-31 ta' Mejju 2003, li jitwaqqaf spazju ekonomiku komuni, spazju komuni ta' libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, spazju komuni ta’ kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u spazju komuni ta’ riċerka u edukazzjoni, inklużi l-aspetti kulturali (Erba’ Spazji Komuni),

–   wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, b’mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Novembru, qabel is-samit ta’ Stokkolma bejn l-UE u r-Russja li sar fit-18 ta’ Novembru 2009, ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2009 dwar il-qtil ta’ attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem fir-Russja(2) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2009 dwar l-aspetti esterni tas-sigurtà tal-enerġija(3),

–   wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra l-ftehimiet iffirmati u d-dikjarazzjonijiet magħmula waqt is-samit bejn l-UE u r-Russja f’Rostov-na-Donu fil-31 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni Ewropea qed tkompli bl-impenn tagħha li ssaħħaħ u tiżviluppa aktar ir‑relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja, sforz li jidher biċ-ċar fl-impenn tal-UE biex tidħol b'mod serju f'negozjati għal ftehim ta’ qafas ġdid biex ikomplu jiżviluppaw ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja,

B.  billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja ħabbtu wiċċhom ma’ għadd ta’ sfidi serji matul l-aħħar snin, partikolarment fir-rigward tat-tħassib dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, dwar l-indipendenza tal-ġudikatura, dwar kontroll politiku eċċessiv tal-midja, dwar in-nuqqas ta’ ħila tal-pulizija Russa u tal-awtoritajiet ġudizzjarji biex isibu lil dawk responsabbli mill-qtil ta’ ġurnalisti, dwar miżuri repressivi meħuda kontra l-oppożizzjoni u dwar l-applikazzjoni selettiva tal-liġi mill-awtoritajiet u dwar il-korrettezza fl-elezzjonijiet,

C. billi t-Trattat ta’ Lisbona kellu l-għan li jsaħħaħ l-kapaċità tal-Unjoni Ewropea li titkellem b’vuċi waħda fir-relazzjonijiet esterni, inklużi r-rabtiet tagħha mar-Russja, u li tinħoloq politika unifikata bbażata fuq is-solidarjetà u r-rispett tal-valuri tal-UE, minkejja li r‑Russja ppreferiet li tiffoka fuq ir-relazzjonijiet bilaterali ma’ wħud mill-Istati Membri tal-UE,

D. billi l-l-enfasi fuq ''sħubija strateġika bbażata fuq valuri komuni'' qed tiġi sostitwita gradwalment b’politika aktar realistika bbażata fuq kooperazzjoni prammatika u b’pożizzjoni soda u magħquda ta’ appoġġ min-naħa tal-Istati Membri kollha għall-politika tal-UE fir-rigward tar-Russja,

E.  billi r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u r-Russja huma xhieda tal-interdipendenza reċiproka li qed tikber bejn l-UE u r-Russja, li tirrikjedi sforz u impenn konġunt sabiex jiġi żgurat it-tkabbir sostenibbli tagħha,

1.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-eżitu tas-Samit ta’ Rostov-na-Donu, li kien jinkludi t-tnedija ta’ “Sħubija għall-Modernizzazzjoni” bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja, l-iffirmar ta’ protokoll dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata, u dikjarazzjoni konġunta dwar Gaża mir-Rappreżentant Għoli Ashton u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Lavrov;

2.  Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li l-ewwel Samit UE-Russja li sar mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona twettaq b’manjiera kostruttiva, u bi progress parzjali;

3.  Jenfasizza, madankollu, li s-‘Sħubija għall-Modernizzazzjoni’ l-ġdida għandha tingħata objettivi speċifiċi u titwettaq u tiġi implimentata bis-sħiħ, u tkun tinkludi komponent b’saħħtu bbażat fuq il-valuri, u tkopri u tinkludi kwistjonijiet bħall-istat tad-dritt, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

4.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-objettiv li r-Russja tissieħeb fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) sabiex tkun tista’ tattira iktar investiment barrani u tiddiversifika l‑ekonomija tagħha; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiċċaraw il-kwistjonijiet pendenti mar-Russja, inkluż dwar jekk l-unjoni tad-dwana mal-Bjelorussja u mal-Kazakistan hijiex kompatibbli mal-kriterji ta’ sħubija tad-WTO;

5.  Iqis li jkun xieraq li s-“Sħubija għall-Modernizzazzjoni” tifforma bażi ġdida għan-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar ftehim ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja iżda jenfasizza t-talba tiegħu li l-ftehim il-ġdid imur lil hinn minn koperazzjoni purament ekonomika u jkun jinkludi wkoll l-oqsma tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għad-drittijiet fundamentali, għalkemm is-sitwazzjoni attwali fir-Russja tqajjem tħassib serju fir-rigward tal-impenn u l-kapaċità tagħha li tħares dawn il-prinċipji u valuri, kif ġie muri fit-tieni proċess kontra Mihail Khodorkovsky;

6.  Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-ratifika riċenti mir-Russja tal-protokoll 14 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, tat-tibdiliet leġiżlattivi biex jespandu l-proċessi b’ġuri għal skala nazzjonali u l-konferma tal-moratorju fuq il-piena tal-mewt bħala żviluppi pożittivi, u jittama li dawn ikunu l-ewwel passi tal-intenzjoni dikjarata li jittejjeb ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja; jenfasizza li t-tħejjijiet għall-elezzjonijiet li jmiss fir-Russja għandhom ikunu mmoniterjati mill-qrib;

7.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-iffirmar ta’ ftehim dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata, li jiffaċilita l-kooperazzjoni fl-immaniġġjar tal-kriżijiet, iżda jitlob lill-Parlament Ewropew sabiex ikun infurmat bis-sħiħ dwar il-kontenut u l-ambitu tal-ftehim, u sabiex ikun hemm evalwazzjoni rapida ta’ kemm hija reċiproka l-implimentazzjoni; jitlob lill-Kunsill sabiex, għal dan il-għan, jagħmel użu sħiħ mill-Kumitat Speċjali 2002 IIA ESDP;

8.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex isolvu l-problemi tal-qsim tal-konfini fil-fruntieri bejn l-UE u r-Russja u biex jinvolvu ruħhom fi proġetti konkreti u jagħmlu użu sħiħ mill-Istrument ta' Viċinat u Sħubija u mill-fondi INTERREG għall-koperazzjoni transkonfinali, kif ukoll biex jimplimentaw bis-sħiħ il-ftehim preċedenti dwar it-titjiriet li jgħaddu minn fuq is-Siberja;

9.  Jistenna bil-ħerqa l-iffirmar ta’ ftehim dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ twissija bikrija dwar is-sigurtà tal-enerġija bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja biex ikopri n-notifika, il-konsultazzjoni u l-implimentazzjoni u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaħdmu mal-awtoritajiet Russi, mal-Gazprom, mal-awtoritajiet tal-Ukraina u man-Naftohaz Ukrainy biex tiġi evitata ripetizzjoni tal-qtugħ tal-provvista li seħħ f’dawn l-aħħar snin;

10. Itenni li l-koperazzjoni fl-enerġija bejn l-UE u r-Russja trid tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-Karta tal-Enerġija, li trid tkun inkorporata fil-ftehim ta’ qafas il-ġdid bejn l-UE u r-Russja sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet ta’ investiment reċiproku trasparenti u ġusti, aċċess ugwali u suq ibbażat fuq ir-regoli;

11. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jaħdmu intensivament man-naħa Russa dwar kwistjonijiet ta’ tibdil fil-klima u dwar l-enerġija li tiġġedded;

12. Jenfasizza l-ħtieġa li r-Russja tiddaħħal fl-“Istrateġija tal-Baħar Baltiku” tal-UE u li timpenja ruħha b’ħeffa, flimkien mar-Russja, biex ittejjeb is-sikurezza marittima u favur livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali fil-Baħar Baltiku sensittiv;

13. Itenni s-sejħa tiegħu sabiex jissaħħaħ id-Djalogu bejn l-UE u r-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u sabiex dan il-proċess jinfetaħ għall-kontribut effettiv tal-Parlament Ewropew u tad-Duma tal-Istat; jistieden lis-soċjetà ċivili, lill-NGOs u lill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem biex ikunu aktar involuti fis-samits biennali bejn l-UE u r-Russja;

14. Jenfasizza li l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-ftehim attwali ta’ faċilitazzjoni tal-kisba ta’ visa hija ta’ importanza fundamentali u tikkostitwixxi prerekwiżit għal kwalunkwe sforz lejn liberalizzazzjoni ulterjuri tal-visa; jistieden, b’mod partikulari, lir-Russja sabiex tirrevedi u tissimplifika r-rekwiżiti kkumplikati għar-reġistrazzjoni li għadhom jeżistu għall-barranin li jżuru r-Russja;

15. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, flimkien mar-Rappreżentant Għoli, sabiex jużaw l-opportunitajiet kollha biex jesprimu t-tħassib tal-UE dwar sensiela ta’ kwistjonijiet internazzjonali li fihom il-kooperazzjoni kostruttiva tar-Russja hija kruċjali; jinnota b’mod partikolari l-bżonn li tinstab soluzzjoni għall-kwistjonijiet pendenti fil-Ġeorġja u fil-Kawkasu tan-Nofsinhar iżda wkoll, minħabba l-pożizzjoni tar-Russja fil-politika internazzjonali, il-bżonn ta’ koperazzjoni akbar fit-trattament tal-kwistjonijiet tal-Iran, l-Afganistan u tal-Lvant Nofsani u ta’ kwistjonijiet kruċjali oħra fl-aġenda internazzjonali;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa.

(1)

ĠU L 327, 28.11.1997, p. 1.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2009)0022.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2009)0021.

Avviż legali - Politika tal-privatezza