Proċedura : 2009/2692(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0349/2010

Testi mressqa :

B7-0349/2010

Dibattiti :

PV 16/06/2010 - 4
CRE 16/06/2010 - 4

Votazzjonijiet :

PV 16/06/2010 - 8.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0224

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 170kWORD 142k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0349/2010
14.6.2010
PE441.930v01-00
 
B7-0349/2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar Governanza ekonomika Ewropea


Martin Schulz, Stephen Hughes f'isem il-Grupp S&D
Daniel Cohn-Bendit, Rebecca Harms, Philippe Lamberts f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Governanza ekonomika Ewropea  
B7‑0349/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2010)250 dwar it-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza wara l-aħħar laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta' Marzu,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza wara l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew f'Marzu 2000, 2001, 2005, 2006, 2007 u f'Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvernijiet taż-żona tal-euro fis-7 ta' Mejju 2010,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ecofin tad-9 ta' Mejju 2010,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–   wara li kkunsidra d-dokument ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija ta’ Lisbona (SEC(2010)114),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar dwar it-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (COM(2010)250),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu dwar l-UE 2020(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, meta wieħed iqis il-gravità persistenti tal-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali, hemm stennijiet kbar ħafna rigward l-istrateġija l-ġdida Ewropa 2020 li għandha tiġi approvata mill-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2010,

B.  billi bosta Stati Membri għadhom iħabbtu wiċċhom ma' qgħad li qed jiżdied, li jista' jaffettwa sa 28 miljun ruħ fl-UE fin-nuqqas ta' risposta politika adegwata fuq żmien medju, u b'hekk jiġġenera diffikultajiet soċjali u umani enormi; billi l-kriżi eliminat miljuni ta’ impjiegi u aggravat il-prekarjetà tal-impjiegi kif ukoll il-faqar; billi 16% tal-persuni fl-UE jinsabu fir-riskju tal-faqar; billi 9.6% tan-nies jinsabu qiegħda; billi 8% tan-nies huma meqjusa bħala “ħaddiema foqra”<

C. billi t-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u l-eżawriment ħali tar-riżorsi naturali fundamentalment iqajmu dubji dwar ix-xejriet xejn sostenibbli tal-lum fil-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum, li joħolqu l-ħtieġa għal mudell sostenibbli ġdid tal-iżvilupp,

D. billi l-Istrateġija ta' Lisbona stabbiliet, kif xieraq, l-ambizzjoni li tinkiseb ekonomija ferm kompetittiva u mmexxija mill-għarfien, kapaċi jkollha tkabbir sostenibbli, aktar impjiegi u impjiegi aħjar, aktar koeżjoni soċjali u rispett tal-ambjent, iżda għadha ma kisbitx l-għanijiet tagħha,

E.  billi l-Istrateġija ta' Lisbona tistipula biċ-ċar li l-Unjoni għandha tiddefinixxi u tmexxi l-azzjoni esterna tagħha bil-għan li trawwem żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-għan ewlieni li teqred il-faqar u biex tinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-pajjiżi kollha fl-ekonomija dinjija,

F.  billi l-Kunsill, wara diversi xhur ta' eżitazzjoni bla ħtieġa u għalja ħafna, li aggravat bil-kbir il-kriżi fiskali taż-żona tal-euro, qabel fuq pakkett ta' miżuri li jippreserva l-istabbiltà finanzjarja tal-Ewropa, inkluż mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja b'volum totali li jlaħħaq sa EUR 500 biljun,

G. billi unjoni monetarja kkaratterizzata minn nuqqas ta' qafas għar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet għal pajjiżi b'dejn kbir u għal istituzzjonijiet finanzjarji transkonfinali, kif ukoll minn nuqqas ta' politiki fiskali kontraċikliċi kkoordinati, hija vulnerabbli ħafna għal skossi interni u esterni,

1.  Jesprimi d-diżappunt qawwi tiegħu dwar l-elementi ewlenija tal-istrateġija l-ġdida Ewropa 2020 maqbula mill-Kunsill Ewropew fis-26 ta' Marzu;

2.  Jemmen li l-Kunsill Ewropew tilef okkażjoni storika biex jieħu t-tagħlimiet kollha mill-kriżi attwali u jiddefinixxi strateġija li tassew tara 'l bogħod, ambizzjuża u koerenti;

3.  Jenfasizza li l-istrateġija UE 2020 għandha tpoġġi lill-Ewropa fuq quddiem nett fir-revoluzzjoni ambjentali tas-Seklu 21 li għandha tirrikonċilja l-iżvilupp tal-bniedem mal-limiti fiżiċi tad-Dinja;

4.  Għalhekk jitlob biex l-għan ġenerali tal-istrateġija UE 2020 imur lil hinn mill-eżerċizzju waħdieni ta' tkabbir tal-PGD, lejn kunċett politiku aktar wiesa’ tal-futur tal-UE bħal Unjoni soċjali u sostenibbli li tqiegħed lin-nies u lill-ħarsien tal-ambjent fiċ-ċentru tat-tfassil tal-politika u timmira li toħloq il-benessri u l-aħjar opportunitajiet għal kulħadd; jenfasizza f'dan il-kuntest li l-kompetittività mhijiex għan fiha nnifisha;

5.  Jikkunsidra li l-istrateġija l-ġdida għandha tinkludi, lil hinn mill-PGD, sett ta’ indikaturi għall-benessri, kif ukoll indikaturi li jqisu l-esternalitajiet ekonomiċi wiesa’ u l-pressjoni ambjentali, u li dawn l-indikaturi għandhom jiġu definiti, adottati u evalwati permezz ta’ proċeduri demokratiċi u innovattivi;

6.  Itenni s-sejħiet preċedenti tiegħu għal strateġija ta’ żvilupp unika u integrata għall-Ewropa, li tiddefinixxi b'mod ċar orjentament fit-tul għall-iżvilupp ekonomiku, biex tibni soċjetà aħjar, aktar ġusta u aktar sostenibbli b'aktar prosperità maqsuma bejn kulħadd, u tipproteġi kontra r-regħba u l-eċċessi tas-settur finanzjajru; itenni t-talba tiegħu biex l-istrateġiji mrikkba li l-Ewropa attwalment suppost timxi fuqhom jiġu integrati, jiġifieri l-istrateġija Ewropa 2020, l-istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST); jiddispjaċih li l-Kunsill Ewropew irrifjuta dan l-approċċ, u b'hekk ħalla bla soluzzjoni l-problema tal-inkoerenza tal-politika;

7.  Iqis madankollu li, matul l-għaxar snin li ġejjin, l-UE sejra tiffaċċa sfidi moltepliċi biex tiżgura l-progress ekonomiku u soċjali tagħha, inklużi l-konsegwenzi ħżiena tar-riċessjoni, u jemmen li dawn l-isfidi jitolbu reviżjoni fil-fond tal-mekkaniżmi li permezz tagħhom għandhom jintlaħqu l-objettivi Ewropej għall-impjiegi u dawk soċjali;

8.  Iqis li l-kriżi fiskali attwali fiż-żona tal-euro – fejn 13 mis-16-il Stat Membru llum ma jirrispettawx il-kriterji tal-PST, fejn il-BĊE jipprevedi li sal-2011-2012 l-ebda Stat Membru ma jkun jista' jikkonforma, flimkien ma' attakki spekulattivi wiesgħa u sistematiċi kontra l-bonds nazzjonali – bħala sinjal ċar tan-nuqqasijiet importanti tal-politika ta' koordinazzjoni ekonomiku kurrenti tal-UE, li sserraħ l-aktar fuq il-konsolidament fiskali u s-sorveljanza; jenfasizza li, biex ikunu jistgħu jinħolqu l-impjiegi u biex jintlaħaq l-objettiv tal-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u l-koeżjoni soċjali, għandha tingħata prijorità sħiħa wkoll lit-trattament tal-iżbilanċi makroekonomiċi persistenti u sinifikanti u d-diverġenzi tal-kompetittivita fiż-żona tal-euro; jilqa', f'dan ir-rigward, ir-rikonoxximent ta’ din il-ħtieġa mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha dwar it-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika;

9.  Jilqa' d-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jsaħħaħ il-governanza taż-żona tal-Euro bi strumenti ġodda biex jintlaqgħu l-isfidi mikxufa mill-kriżi u dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett ta' sostenn għall-Greċja, il-ħolqien ta' Mekkaniżmu Ewropew ta'Stabbilizzazzjoni Finanzjarja, it-tisħiħ tal-governanza ekonomika, ir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji u l-ġlieda kontra l-ispekulazzjoni; iħaddan għalhekk il-prinċipju ewlieni li l-problemi taż-żona tal-euro għandhom ikunu indirizzati permezz ta' soluzzjonijiet taż-żona tal-euro; iqis li dawn l-istrumenti l-ġodda għandhom isaħħu wkoll il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi bejn l-Istati Membri tal-UE kollha lil hinn mis-sorveljanza lejn koordinazzjoni proattiv tal-politiki ekonomiċi, inklużi mekkaniżmi msaħħa ta' governanza għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, li waqt li l-Kummissjoni qed tagħmel proposti wiesgħa biex issaħħaħ is-sorveljanza baġitarja, ma mxietx biżżejjed 'il quddiem biex tipproponi soluzzjonijiet rilevanti biżżejjed biex terġa' tikseb u tinforza rati ta' sostenibilità ekonomika fit-tul u biex ikun hemm koordinazzjoni immirat tajjeb tal-politiki ekonomiċi orjentat lejn l-iżvilupp ta' strateġija baġitarja komuni fil-qafas ta' strateġija komprensiva Ewropa 2020;

10. Jenfasizza l-fatt li l-ilħiq ta' finanzi pubbliċi sostenibbli ma jirrikjedix biss l-infiq responsabbli, imma wkoll tassazzjoni adegwata u soċjalment ġusta. F’din il-perspettiva, jistieden lill-Kummisjsoni biex tipproponi sett ta' miżuri biex tgħin lill-Istati Membri jerġgħu jsibu l-ekwilibriju tal-kontijiet pubbliċi tagħhom u jiffinanzjaw l-investiment pubbliku permezz tal-Eurobonds, taxxa tal-UE fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, taxxi għall-ambjent, imposta progressiva fuq il-banek, skambju awtomatiku tal-informazzjoni u l-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali. Hija għandha wkoll tgħin lill-Istati Membri biex imorru lil hinn mill-kompetizzjoni fiskali u jimxu lejn kooperazzjoni fiskali, inkluża skeda għall-introduzzjoni ta’ bażi fiskali konsolidata komuni għall-profitti tal-kumpaniji u mekkaniżmu biex tkun żgurata koordinazzjoni minima tar-rati tat-taxxa tal-kumpaniji fuq bażi simili għal dik li teżisti diġà għall-VAT;

11. Jistieden, għaldaqstant, lit-task force maħluqa mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2010 biex tipprovdi proposti konkreti dwar koordinazzjoni ekonomiku aktar fond u usa'; dawn għandhom, bi qbil mal-Artikoli 121 u 136, jinkludu għadd ta' linji gwida għall-iżvilupp ta' politiki fiskali kontroċikliċi koordinati u armonizzati, kif ukoll mekkaniżmi ulterjuri ta' solidarjetà tal-UE bl-għan li jiġu ffaċċjati l-iżbilanċi interni, ix-xokkijiet asimmetriċi, biex tiżdied il-konverġenza u titjieb l-effiċjenza tal-allokazzjoni tar-riżorsi;

12. Jiddispjaċih li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ma jiħdux kont li l-proċess fraġli ta' rkupru li jinsab għaddej bħalissa jeħtieġ li jkun rifless b'mod sħiħ fl-istrateġija ġdida 2020, billi titfassal aġenda ta' politika koerenti u komprensiva li tintegra għalkollox il-pożizzjoni tal-politika makroekonomika f'din l-istrateġija b'tali mod li tiżgura li l-konsolidament baġitarju meħtieġ ma jimminax l-ilħiq tal-istrateġija, speċjalment fir-rigward tal-ġlieda kontra l-qgħad, kif ukoll l-investiment adegwat u kkoordinat tajjeb fl-infrastrutturi u fl-għarfien; jinsab allarmat mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Mejju li jsejħu għal impenn qawwi favur il-konsolidament fiskali aċċellerat, li se jipperikola l-impenji politiċi fl-istrateġija Ewropa 2020, jhedded iż-żamma ta’ stati tal-welfare b'saħħithom biżżejjed u ġusti, u jipperikola l-proċess ta' rkupru li għadu fraġli, u jista', għaldaqstant, iwassal għat-telf addizzjonali ta' miljuni ta' impjiegi fiż-żmien medju;

13. Jenfasizza li l-avvenimenti ta' dan l-aħħar li involvew credit default swaps sovrani użati minn spekulaturi finanzjarji u li wasslu għal livelli għolja mhux ġustifikati ta’ bosta spreads nazzjonali kienu tfakkira urġenti dwar il-fatt li n-nuqqasijiet u l-instabbiltajiet fil-qafas regolatorju u superviżorju finanzjarju għandhom konsegwenzi negattivi diretti fuq is-sostenibbiltà tal-ekonomiji nazzjonali u fuq l-istabbiltà taż-żona tal-euro; jappoġġa bil-qawwa l-adozzjoni urġenti ta' qafas superviżorju finanzjarju Ewropew imtejjeb u ambizzjuż li jipprovdi regolamentazzjoni u superviżjoni adegwati fuq kull prodott, tranżazzjoni u istituzzjoni finanzjarju/a fl-UE; jenfasizza li l-ħtieġa għal trasparenza fis-suq u għal regolamentazzjoni Ewropea mtejba mhijiex biss kwistjoni ta' sorveljanza effiċjenti tas-suq imma wkoll waħda ta' sovranità Ewropea;

14. Jinnota l-ħames miri primarji maqbula mill-Kunsill Ewropew dwar ir-rata tal-impjiegi, il-kundizzjonijiet għar-riċerka u l-iżvilupp, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, it-titjib tal-livelli tal-edukazzjoni u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali; jiddeplora li dawn il-miri primarji mhumiex ifformulati fil-qafas ta' strateġija konsistenti u koerenti ta' żvilupp sostenibbli li tiġbor flimkien l-aġenda ta' politika ekonomika, dik soċjali u dik ambjentali; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' ambizzjoni ta' dawn il-miri u dwar in-nuqqas ta' indikaturi speċifiċi għal xi wħud fosthom li jista' jagħti lok għal pass lura fi kwistjonijiet ewlenin bħall-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar;

15. Jieħu nota tal-mira primarja dwar ir-rata tal-impjiegi tal-irġiel u tan-nisa; jiddispjaċih li l-kwalità tal-impjiegi ma titqiesx f'din il-mira; itenni li l-impjieg ta' kwalità għolja għandu jkun prijorità ewlenija ta' strateġija għall-2020 u li fokus aktar qawwi fuq swieq tax-xogħol li jaħdmu sewwa – sew nazzjonali kif ukoll Ewropej – u fuq kundizzjonijiet soċjali huwa kruċjali biex tittejjeb il-prestazzjoni rigward l-impjiegi; isejjaħ, għaldaqstant, għal aġenda leġiżlattiva ġdida biex issaħħaħ id-drittijiet u l-kundizzjonijet tax-xogħol tal-ħaddiema, inkluża reviżjoni tad-direttiva dwar l-istazzjonament tal-ħaddiema u direttivi ġodda jew riveduti dwar skemi ta' dħul minimu, il-ħinijiet tax-xogħol, it-tkeċċija abużiva ta' individwi, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni, ir-rikonoxximent tal-unjins, il-ftehimiet kollettivi transkonfinali, it-trattament indaqs ta’ ħaddiema li mhumiex tipiċi, il-paga ndaqs u l-ispezzjonijiet tax-xogħol; jemmen, barra minn hekk, li l-istrateġija l-ġdida jeħtieġ li tqiegħed aktar enfasi fuq il-kwalità tal-impjiegi u x-xogħol diċenti, inkluża l-ġlieda kontra x-xogħol prekarju u mhux iddikjarat, u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet biex ikun hemm rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u dik privata, kif ukoll li tiżgura li n-nies li bħalissa huma esklużi mis-suq tax-xogħol jistgħu jaċċedu għalih; jistieden lill-Kummissjoni biex tibdel il-prattika tagħha li dan il-qasam tqisu biss bħala soġġett għal komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, u biex tressaq inizjattivi leġiżlattivi ewlenin biex, b'urġenza, tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema;

16. F'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni biex jiddefinixxu u jadottaw aġenda ambizzjuża dwar ix-xogħol deċenti li tinkludi l-objettiv ta' paga suffiċjenti għall-għajxien; jitlob li s-sħab soċjali, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, iniedu inizjattivi komuni Ewropej biex jiġġieldu d-dumping soċjali u jnaqqsu n-numru ta' foqra li jaħdmu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fuq bażi annwali tippubblika indikaturi relatati mal-kwalità tal-impjiegi kif ġie miftiehem mill-Kunsill;

17. Jisħaq li l-moderazzjoni eċċessiva tal-pagi twassal għat-tnaqqis tar-rata tat-tkabbir fid-dħul ta' kull familja u b'hekk fuq il-konsum privat; għalhekk, iwissi kontra li wieħed jiffoka essenzjalment fuq il-moderazzjoni tal-pagi bħala mezz biex tinkiseb l-istabilità tal-prezzijiet; ifakkar li ż-żieda fil-kompetizzjoni globali diġà ġabet pressjoni 'l isfel fuq il-pagi, filwaqt li l-prezzijiet ogħla għall-ħtiġijiet ta’ kuljum għamlu ħsara lill-potenzjal tax-xiri li għandhom il-konsumaturi tal-UE;

18. Jistieden lill-Istati Membri, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament biex jadottaw, sa tmiem is-sena, strateġija ambizzjuża għal impjiegi ħodor, li tistipula kundizzjonijiet ta' qafas għall-użu tal-potenzjal tal-impjiegi ta' ekonomija aktar sostenibbli bbażata fuq il-ħiliet u l-innovazzjoni u li tiżgura li t-tranżizzjoni lejn ekonomija ta' dan it-tip tkun soċjalment ġusta, għall-ġid tal-Ewropej kollha; iqis li strateġija ta’ dan it-tip għandha tinkludi l-investiment fit-taħriġ u fit-tagħlim tul il-ħajja biex il-ħaddiema jiġu appoġġjati biex jiżviluppaw ħiliet ġodda u biex jingħataw il-kapaċità li jibdlu għal impjiegi ġodda fejn ikun meħtieġ; ftehim ta' qafas dwar is-sigurtà tranżitorja, inkluż id-dritt għal taħriġ u sigurtà soċjali biżżejjed fi żminijiet ta' tranżizzjoni bejn l-impjiegi; ftehim bejn is-sħab soċjali dwar id-dritt għal tagħlim tul il-ħajja u taħriġ fuq il-post tax-xogħol; u appoġġ għall-adattament tal-ħiliet u l-organizzazzjoni tal-post tax-xogħol b'mod ġenerali;

19. Jinnota l-mira ewlenija dwar it-titjib tal-edukazzjoni; jiddeplora n-nuqqas ta' rati numeriċi ta' miri u jħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew biex jiffissa l-objettiv ta' mira ta' 100% għall-edukazzjoni sekondarja kif ukoll miri u indikaturi kwalitattivi ċari għall-edukazzjoni primarja u sekondarja;

20. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kunsill Ewropew jipproponi l-inklużjoni soċjali, partikolarment permezz tat-tnaqqis tal-faqar bħala prijorità, imma jiddeplora bil-qawwa n-nuqqas ta' miri u inizjattivi ċari dwar din il-kwistjoni; iqis li dan il-għan huwa wieħed mill-objettivi prinċipali tal-istrateġija UE 2020; jitlob għal strateġija kontra l-faqar li tkun ambizzjuża u fit-tul b’miri li jkollhom effett wiesa’ għat-tnaqqis tal-faqar, inkluż għan-nisa, it-tfal u għal dawk imdaħħla fiż-żmien u għall-ħaddiema fqar, inkluża strateġija kkoordinata dwar l-akkomodazzjoni fl-Ewropa; F'dan ir-rigward, huwa tal-fehma li l-istrateġija UE 2020 għandha tinkludi espliċitament miri ambizzjużi għat-tnaqqis tal-faqar bin-nofs kull ħames snin (jiġifieri mira ta' livell ta' faqar ta' 8.5% sal-2015 u 4% sal-2020) u għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi u b'mod aktar speċifiku tad-diverġenza bejn min hu sinjur u min hu fqir; iqis għalhekk li l-faqar għandu jitkejjel bħala 'faqar relattiv' biex jgħin sabiex jiġu identifikati dawk li huma f'riskju ta' esklużjoni u li l-Indiċi Gini għandu jkun għodda espliċita tal-istrateġija UE 2020;

21. Ifakkar, fir-rigward tal-mira tat-tnaqqis tal-faqar, fil-proposti aktar bikrija tiegħu għal mira tal-UE biex ikun hemm skemi ta' dħul minimu u skemi kontributorji ta’ sostituzzjoni tad-dħul li jkunu jipprovdu appoġġ tad-dħul ta’ mill-inqas 60% tad-dħul ekwipariġġat medju nazzjonali, u ftehim dwar kalendarju biex din il-mira tintlaħaq kollha kemm hi;

22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fuq il-bażi tal-miri primarji dwar ir-rata tal-impjiegi u t-tnaqqis tal-faqar, jistabbilixxu ġabra ta’ sottomiri fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali, li għandhom jingħataw segwitu permezz ta’ politiki konkreti u mekkaniżmi ta’ monitoraġġ, inklużi indikaturi;

23. Ifakkar li s-servizzi pubbliċi, b’mod partikolari s-servizzi soċjali, huma elementi ewlenin tal-inklużjoni soċjali; jenfasizza li l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali ngħataw setgħa wiesgħa ta' diskrezzjoni biex dawn ikunu jistgħu jiġu pprovduti; jiddispjaċih tal-attenzjoni insuffiċjenti mogħtija lis-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali bħala rotot għall-investiment jew għall-provvista ta’ servizzi essenzjali għaċ-ċittadini u għall-ekonomija; ifakkar li l-fornituri pubbliċi ta’ dawn is-servizzi ilhom għal ħafna żmien jitolbu li jkun hemm ċertezza legali akbar għall-provvediment ta’ dawn is-servizzi fir-rigward tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-iggvernar awtonomu lokali; għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta analiżi komprensiva dwar l-effetti tal-liberalizzazzjoni sal-lum flimkien ma' qafas leġiżlattiv, li jieħu kont tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat;

24. Jiddispjaċih li l-miri primarji definiti mill-Kunsill Ewropew ma jinkludux l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala mira ewlenija tal-istrateġija UE 2020; jitlob għalhekk aġenda leġiżlattiva għall-ugwaljanza bejn is-sessi biex tinqered id-diskrepanza fil-ħlas li teżisti bejn l-irġiel u n-nisa u biex tkun żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġu promossi l-opportunitajiet ta' karrieri għan-nisa, inter alia permezz ta’:

     -    it-tnaqqis tad-diskrepanza fil-ħlas bejn in-nisa u l-irġiel għal bejn 0% u 5% sal-2020;

     -    it-tressiq ta’ proposta leġiżlattiva li tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti;

     -    il-bidu ta' proċeduri ta’ ksur kontra Stati Membri li ma jkunux konformi;

     -    it-tisħiħ tal-isforzi għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja billi jiġu żgurati servizzi aċċessibbli, li jkunu għall-but ta' kulħadd, flessibbli u ta' kwalità għolja filwaqt li jinżammu kif inhuma d-drittijiet tas-sigurtà soċjali, b’mod partikolari l-aċċess għall-faċilitajiet tal-kura tat-tfal billi wieħed jimmira li jiżgura 50% tal-kura meħtieġa għat-tfal bejn l-età ta’ 0 sa 3 snin u 100% tal-kura għat-tfal li jkollhom aktar minn 3 snin u aċċess imtejjeb għall-kura għal persuni dipendenti oħra;

     -    id-definizzjoni ta' mira sabiex 75% tan-nisa kollha jkollhom impjieg, li tkun tinkludi tal-anqas 50% f'xogħol li jipprovdi indipendenza ekonomika, permezz ta' politiki attivi u immirati tas-suq tax-xogħol u dispożizzjonijiet għall-kombinazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u dik privata, bħalma huma ħinijiet flessibbli, flessibbiltà tal-post tax-xogħol u l-aċċess għal kura tat-tfal u ta' dipendenti oħra li tkun għall-but ta' kulħadd u ta' kwalità għolja;

25. Jinnota li l-Kunsill Ewropew reġa' afferma l-impenn tal-UE, maqbul f'Diċembru 2008, biex sal-2020 jintlaħqu tnaqqis ta' 20% fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, żieda ta' mhux anqas minn 20% fis-sehem tal-enerġiji rinnovabbli fil-konsum aħħari tal-enerġija, u tnaqqis ta' 20% fil-konsum tal-enerġija permezz tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; ifakkar li kull mira domestika ta’ tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra anqas ambizzjuża minn tnaqqis sal-2020 ta' 30% meta mqabbla mal-livelli tal-1990 bl-ebda mod ma tkun konformi max-xjenza u mhux se tipprevjeni l-konsegwenzi drammatiċi ta' tibdil fil-klima bla kontroll; jikkunsidra li dan juri wkoll il-falliment fit-tmexxija tal-UE fil-politika tal-klima globali; jinsisti li miri ulterjuri ta' tnaqqqis huma meħtieġa fiż-żmien aktar fit-tul u li l-politiki Ewropej għandhom jaħdmu biex jilħqu dawk il-miri aktar fit-tul u jibdew jimplimentawhom minn issa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi politiki biex tiżgura bidla profonda fil-produzzjoni, fid-distribuzzjoni u fil-konsum, favur dawn il-miri;

26. Jinsab imħasseb ħafna li għanijiet jew miri konkreti, jew saħansitra referenza għall-objettivi tal-bijodiversità 2020, huma nieqsa mill-istrateġija 2020; għalhekk jitlob l-adozzjoni ta' miri li jistgħu jitkejlu, li jkollhom l-għan li jwaqqfu t-telf tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema u fejn ikun possibbli jerġgħu jġibuhom għall-istat li kienu fih sal-2020; Ifakkar lill-Kummissjoni li ċ-ċittadini Ewropej jistennew li l-Unjoni tagħmel ħilitha biex ikun hawn soċjetà aktar nadifa, aktar sikura u aktar b'saħħitha; jistieden lill-Kummissjoni biex fil-leġiżlazzjoni tkompli tapplika l-prinċipji li 'min iniġġes iħallas' u dak 'ta' prekawzjoni', li huma elementi essenzjali ta' rkupru ekonomiku sostenibbli li jkollu suċċess, jinsab diżappuntat bil-progress li sar sal-lum fuq l-istrateġija tal-iżvilupp sostenibbli; jiddispjaċih li l-azzjoni fuq il-prevenzjoni u l-inugwaljanzi tas-saħħa mhijiex ogħla fil-lista ta' prijoritajiet tal-2020;

27. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' ambizzjoni biex tiġi żviluppata politika ġenwinament komuni Ewropea tal-enerġija fl-istrateġija UE 2020; jenfasizza li, minkejja li suq intern li jaħdem sewwa huwa objettiv ewlieni għall-Ewropa, u filwaqt li jisħaq fuq il-ħtieġa tal-implimentazzjoni rapida tat-tielet pakkett dwar l-enerġija, jistqarr li s-sovraċċentwazzjoni ta' din il-parti tal-politika tal-Ewropa dwar l-enerġija saret askapitu taż-żewġ objettivi l-oħra ta' 'żvilupp sostenibbli' u 'sigurtà tal-provvista'; ifakkar li s-suq intern ma jistax jiġi ttrattat separatament mid-dimensjoni esterna, u li l-Ewropa teħtieġ politika Ewropea tassew komuni dwar l-enerġija biex ikollha effett reali fuq is-sigurtà tal-provvista, fuq it-tibdil fil-klima u fuq il-prezzijiet tal-enerġija li jkunu għall-but ta' kulħadd;

28. Jistieden lill-UE, bħala l-ewwel pass biex sal-2050 ikun hemm ekonomija ekoloġika li tkun għalkollox ibbażata fuq sorsi rinnovabbli tal-enerġija u li tkun effiċjenti ħafna, biex tistabbilixxi miri li jorbtu għall-2020 biex tnaqqas il-konsum tal-enerġija tagħha u żżid is-sehem tal-enerġiji rinnovabbli, filwaqt li twarrab ostakli tekniċi u oħrajn li mhumiex għall-iżvilupp ulterjuri ta' enerġiji rinnovabbli sostenibbli;

29. Jenfasizza li s-sostenibilità ambjentali tiddependi minn tnaqqis assolut fl-użu tar-riżorsi; jenfasizza l-ħtieġa li l-kriżi ekonomika attwali tintuża għal bidla lejn ekonomija li tkun ibbażata kompletament fuq is-sorsi rinnovabbli tal-enerġija u li tkun effiċjenti ħafna; jisħaq li, jekk l-industrija Ewropea trid li jkollha suċċess fil-minimizzazzjoni tal-użu ta' materjali li fihom ħafna karbonju bħala sors ta' enerġija u li tnaqqas b'mod drastiku l-użu tar-riżorsi naturali b'mod ġenerali, jeħtieġ li sseħħ trasformazzjoni rapida u massiva; jitlob f'dan ir-rigward li tiġi adottata mira ambizzjuża għat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi; jilqa', f'dan ir-rigward, l-inizjattiva ewlenija 'Ewropa li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti' u 'politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni', u jinnota madankollu l-assenza ta' strumenti ta' politika biex iwettqu l-bidla meħtieġa; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq 'il quddiem l-analiżi tagħha dwar kif tista' ssir il-bidla industrijali lejn ekonomija li tkun għalkollox ibbażata fuq sorsi rinnovabbli tal-enerġija u li tkun effiċjenti ħafna, biex tirrevedi l-programm ta' ħidma tagħha u biex tippreżenta proposti ta' politika; jiddispjaċih ħafna li l-Kunsill Ewropew adotta biss pożizzjoni dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija mingħajr ma semma l-effiċjenza tar-riżorsi;

30. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-qafas spjegat fl-istrateġija UE 2020 għall-iżvilupp ta’ aġenda diġitali għall-Ewropa imma jiddispjaċih li minkejja l-ħtieġa urġenti li tittieħed azzjoni, la l-istrateġija u lanqas l-ippjanar fl-2010 ma fihom miżuri u miri konkreti biex din il-viżjoni ssir realtà; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta pjan ta’ azzjoni komprensiv b’kalendarju u miri biex jinkisbu riżultati tanġibbli u f'qasir żmien għal soċjetà diġitali miftuħa u li tgawdi l-prosperità;

31. Jinnota l-mira ta' 3% tal-PGD għar-riċerka u l-iżvilupp; Jenfasizza li proġetti kbar tar-riċerka u l-iżvilupp (R&D), investimenti fl-infrastruttura tal-enerġija ewlenija, il-kompetenza l-ġdida tal-UE dwar il-politika spazjali, u l-finanzjament tal-politika tal-innovazzjoni tal-UE jirrikjedu appoġġ finanzjarju tal-UE li jkun sod, kredibbli u sostenibbli biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi ewlenin tal-Unjoni għall-2020; iqis f'dan il-kuntest li għandhom jiġu ffissati miri espliċiti għal għodda ta' finanzjament kumpatibbli mal-SMEs, kif ukoll għall-promozzjoni ta' Standards Miftuħa biex jiġu garantiti l-interoperabilità u l-aċċessibilità diġitali; Jitlob li jkun hemm integrazzjoni ċara tal-miri tal-UE għall-ekoinnovazzjoni;

32. Jitlob li sseħħ trasformazzjoni kbira u rapida tal-industrija Ewropea permezz ta' politika industrijali sostenibbli Ewropea li tkun orjentata lejn il-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi u t-titjib tal-effiċjenza tar-riżorsi u tal-użu tagħhom; Jenfasizza li l-benefiċċji ta' din il-politika għandhom ikunu mqassma u distribwiti b'mod ġust, u għandhom ikunu orjentati lejn it-titjib tal-kwalità tal-għajxien għal kulħadd; Jemmen li l-iżvilupp sostenibbli tal-industrija Ewropea jeħtieġ djalogu intensiv mal-impjegati u mal-ħaddiema, peress li politika tal-industrija li tħares ’il quddiem teħtieġ l-innovazzjoni, ir-ristrutturar intelliġenti, it-titjib tal-proċessi u l-iżvilupp tal-istandards tal-kwalifiki, li kollha kemm huma jiggwadanjaw mill-parteċipazzjoni tal-impjegati u l-ħaddiema; itenni li din it-tranżizzjoni ser tirrikjedi wkoll miżuri biex jgħinu t-tranżizzjoni tal-ħaddiema lejn ekonomija ġdida ambjentalment sostenibbli;

33. Ifakkar li l-Unjoni Ewropea trid tinvesti b’mod aktar efiċjenti fl-infrastrutturi eżistenti tat-trasport, bħalma huma t-TEN-T, biex tagħti spinta lill-ħolqien tal-impjiegi, ittejjeb il-koeżjoni soċjali u territorjali u toħloq sistema tat-trasport li tkun sostenibbli u interoperabbli; jitlob li jkun hemm interazzjoni bejn il-modi tat-trasport u l-użu intelliġenti tal-loġistika peress li biex is-settur tat-trasport jiġi dekarbonizzat u jsir wieħed sostenibbli se jeħtieġ l-innovazzjoni, teknoloġiji ġodda u riżorsi finanzjarji;

34. Iqis li strateġija ġdida tas-Suq Uniku għandu jkollha post ċentrali fi strateġija ġdida għall-2020; Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi adottat approċċ olistiku għas-Suq Uniku, fejn jiġu integrati għalkollox il-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini, partikolarment permezz ta' politiki soċjali u politiki orjentati lejn il-konsumatur;

35. Jilqa' l-fatt li l-Kunsill Ewropew enfasizza r-rwol ewlieni tal-politika agrikola komuni u tal-politika tal-koeżjoni biex tkun appoġġata l-istrateġija UE 2020; jitlob li jkun hemm rabta qawwija bejn l-istrateġija UE 2020 u l-politika tal-koeżjoni, filwaqt li jitqies l-impatt potenzjali enormi tal-politika tal-koeżjoni fuq l-ilħuq tal-miri fit-tul tal-istrateġija UE 2020 u fuq l-indirizzar tal-effetti tal-kriżi finanzjarja b’mod sostenibbli u soċjali; jenfasizza li l-politika tal-koeżjoni trid tkun element ewlieni tal-istrateġija UE 2020 u trid tkun politika għar-reġjuni Ewropej kollha, biex b’hekk tkompli ssaħħaħ l-impatt verament Ewropew tal-istrateġija; jinsisti li l-prinċipji bażiċi tal-politika tal-koeżjoni – approċċ integrat, governanza fuq diversi livelli u sħubija vera – għandhom rwol ewlieni biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija UE 2020 u għandhom għalhekk ikunu integrati fiha għalkollox; jenfasizza li l-koeżjoni territorjali wkoll trid, f’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona, tkun parti integrata tal-istrateġija UE 2020;

36. Jenfasizza l-ħtieġa li r-riformi li se jsiru dalwaqt tal-PAK u tal-Politika tal-Koeżjoni jsiru b’attenzjoni ċara ffukata fuq il-kontribuzzjoni għar-realizzazzjoni tal-għanijiet ippreżentati fl-istrateġija UE 2020; ifakkar li r-riforma tal-PAK sal-2013 għandha titqies f’dak il-kuntest biex tipproduċi politika agrikola li tkun sostenibbli ambjentalment, ekonomikament u soċjalment u li tkun iffukata fuq is-sigurtà tal-ikel, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali, it-tibdil fil-klima, il-koeżjoni territorjali, il-ħarsien ambjentali u l-impjiegi fiż-żoni rurali;

37. Jenfasizza li s-sajd (sajd għall-ħut selvaġġ kif ukoll l-akkwakultura) huwa wieħed mill-pilastri l-aktar importanti tas-sigurtà tal-ikel tal-Unjoni Ewropea u li bħala tali s-sostenibbiltà u l-istabilità tiegħu jridu jiġu żgurati, ħalli fil-ġejjieni jkun jista’ jikkontribwixxi għall-ħtiġijiet ta’ aktar minn nofs biljun Ewropew permezz tal-prodotti tas-sajd kemm mil-lat kwalitattiv u kemm mil-lat kwantitattiv;

38. Jiddispjaċih tal-attenzjoni insuffiċjenti mogħtija lid-dimensjoni esterna tal-istrateġija Ewropa 2020; jistieden lill-Kummissjoni biex issawwar l-‘istrateġija tal-kummerċ għall-Ewropa 2020’ tagħha fuq il-bażi ta' approċċ ta’ multilateraliżmu, bil-għan li tittrasforma l-politika tal-kummerċ tal-UE f’vettura ġenwina għall-ħolqien tal-impjiegi, għall-eradikazzjoni tal-faqar u għall-iżvilupp sostenibbli fid-dinja kollha; jemmen b'mod qawwi li l-konsistenza bejn l-aspetti interni u esterni tal-politiki tal-UE hija indispensabbli u li t-tiswir ta’ politika ġdida tal-kummerċ irid ikun konsistenti ma’ politika industrijali b’saħħitha li toħloq l-impjiegi u li tippermetti l-ħolqien ta' aktar impjiegi u impjiegi aħjar;

39. Jitlob lill-Kummissjoni tipprevedi djalogu miftuħ bikri mal-Parlament Ewropew u mas-soċjetà ċivili dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-era ta’ wara Doha, b’mod partikolari l-istandards soċjali u ambjentali u r-riforma tad-WTO; jitlob barra minn hekk li l-ftehimiet kollha bilaterali jew reġjonali tal-UE li qed jiġu nnegozjati jinkludu dispożizzjonijiet soċjali u ambjentali infurzabbli, b'mod partikolari l-implimentazzjoni ta' standards tax-xogħol ewlenin u aspetti oħrajn ta' xogħol diċenti, kif definiti fit-talbiet tal-ILO f'dan il-kuntest sabiex l-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi internazzjonali tagħhom u jirratifikaw immedjatament il-konvenzjonijiet aġġornati kollha tal-ILO, speċjalment il-Konvenzjoni 94 tal-ILO;

40. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ikollha approċċ aktar wiesa’ u aktar komprensiv fl-azzjoni esterna tagħha f’konformità mal-kunċett tal-UE tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp; ifakkar li d-dispożizzjoni l-ġdida tat-Trattat ta’ Lisbona tirrikjedi li l-Politika Kummerċjali Komuni għandha titmexxa b’rispett sħiħ għall-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni; Jitlob li jkun hemm konnessjoni qawwija bejn l-istrateġija UE 2020 u l-istrateġija kummerċjali li jmiss tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-pjan ta' azzjoni tagħha fil-perspettiva tal-Għanijiet tal-Millennju;

41. Jenfasizza li huwa essenzjali mhux biss li jikber il-volum tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw sal-2020 u lilhinn u li tittejjeb l-effikaċja tal-programmi ta' għajnuna, imma wkoll li tiġi żgurata l-koerenza tal-politiki, inkluż billi tittieħed azzjoni kontra r-rifuġji fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-flussi finanzjarji illeċiti, li għandhom effett negattiv fuq l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi foqra; jenfasizza li t-tisħiħ tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp mhuwiex biss għan fih innifsu, imma jippromwovi wkoll il-kummerċ ġust u ekwu bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, għall-ġid taċ-ċittadini tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll dawk tal-UE; jemmen li huwa vitali li jiġi żgurat li l-għan tal-eradikazzjoni globali tal-faqar ma jiġix kompromess minn politiki oħra tal-UE; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ din il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp li tinsab fl-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jemmen li l-politiki tal-UE li għandhom impatt estern jeħtieġ li jkunu mfassla b'tali mod li jappoġġaw il-ħtiġijiet sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiġġieldu l-faqar, jiggarantixxu dħul u għajxien diċenti kif ukoll ir-realizzazzjoni tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem, inklużi dawk relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi u dawk soċjali, ekonomiċi u ambjentali;

42. Jenfasizza l-bżonn li ssir reviżjoni bir-reqqa tal-istrateġija kummerċjali “Ewropa Globali” tal-Kummissjoni, bil-għan li tkun promossa l-kooperazzjoni dwar standards vinkolanti għal relazzjonijiet kummerċjali li jkollhom sostenibilità soċjali u ambjentali;

43. Jinsisti li, jekk l-istrateġija Ewropa 2020 trid tkun kredibbli, jeħtieġ li jkun hemm kompatibilità u kumplementarjetà akbar bejn il-baġits nazzjonali tas-27 Stat Membru tal-UE u l-baġit tal-UE; jenfasizza r-rwol akbar li għandu jkollu l-baġit tal-UE f’dan ir-rigward permezz tal-ġbir flimkien tar-riżorsi; iqis għalhekk li l-baġit tal-UE ta’ wara l-2013 irid jiffoka fuq il-prijoritajiet politiċi ewlenin ta’ din l-istrateġija u għandu jimmira li jżid il-livell tan-nefqa tal-UE għal-limitu massimu miftiehem tar-riżorsi proprji, li huwa ta' 1.24% tad-dħul gross nazzjonali (f’pagamenti) u ta’ 1.31% (f’impenji); jinsisti li f'perjodu qasir u medju ta' żmien il-Kummissjoni se tagħmel proposta qabel tmiem l-ewwel simestru tal-2010 biex jiġu riveduti l-limiti tal-MFF 2007-2013 attwali bil-għan li jinstabu iżjed mezzi baġitarji biex l-għanijiet tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 jibdew jiġu implimentati, b’mod partikulari fir-rigward tal-finanzjament tal-inizjattivi ewlenin proposti; jinnota wkoll il-ħtieġa li jibqgħu jiġu esplorati strumenti ġodda ta' finanzjament tal-UE bħalma huma l-Eurobonds kif ukoll sistema ta' finanzjament ġdida għall-baġit tal-UE, inkluża taxxa għat-tranżazzjonijiet finanzjarji u t-taxxi ekoloġiċi; barra minn hekk, jenfasizza l-ħtieġa li l-baġit tal-UE u l-għejun kollha tal-finanzjament jirriflettu l-ħtieġa li tiġi ffinanzjata t-tranżizzjoni lejn ekonomija ambjentalment sostenibbli;

44. Jenfasizza li l-istrateġija Ewropa 2020 tista’ tkun kredibbli biss jekk tkun iffinanzjata b’mod adegwat; jiddispjaċih li din il-kwistjoni mhi indirizzata la mill-Kunsill Ewropew u lanqas mill-Kummissjoni Ewropea; jenfasizza f’dan ir-rigward li jekk intervent akbar min-naħa tal-BEI jew serħan aktar b’saħħtu fuq is-sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat (kif propost mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha) jistgħu f’xi każijiet ekonomikament iġġustifikati sew juru li huma soluzzjoni effikaċi, din is-soluzzjoni ma tistax tikkostitwixxi ‘soluzzjoni waħda tajba għal kull każ’; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tivvaluta r-rwol li jista' jkollhom investimenti pubbliċi jew privati li jsiru fit-tul biex jiffinanzjaw l-infrastrutturi meħtieġa biex jiġu implimentati l-inizjattivi ewlenin proposti fl-istrateġija Ewropa 2020, u l-ħtieġa li l-qafas regolatorju Ewropew jiġi adattat bil-għan li tiġi promossa l-kooperazzjoni fost dawk li jinvestu fit-tul;

45. Jieħu nota tal-inċentivi għat-tisħiħ tas-sjieda politika tal-istrateġija fil-livelli nazzjonali; jiddeplora madankollu n-nuqqas ta' proposti għall-iżgurar ta’ sjieda politika aħjar fil-livell Ewropew permezz ta’ aġenda leġiżlattiva Ewropea b’saħħitha; u jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid il-‘Metodu Komunitarju’ u tuża l-għodod li saru disponibbli bit-Trattat ta’ Lisbona, fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-2020; Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' koerenza tal-metodu minħabba l-fatt li l-Istati Membri huma mistennija jistabbilixxu l-miri nazzjonali tagħhom sa Ġunju 2010 fid-dawl tal-miri u l-indikaturi ewlenin tal-UE, minkejja li ħafna minnhom ikun għadu ma ntlaħaqx ftehim dwarhom;

46. Iqis li l-appoġġ demokratiku hu kundizzjoni kruċjali għas-suċċess u għaldaqstant li l-parlamenti nazzjonali jeħtieġ li jkunu involuti b'mod attiv fid-definizzjoni u fl-implimetazzjoni tal-istrateġija 2020; fl-istess spirtu, hu tal-fehma li r-reġjuni, il-muniċipalitajiet, is-sħab soċjali u l-NGOs għandhom ikunu involuti b'mod attiv fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-istrateġija;

47. Jistieden f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew fiż-żmien qabel ma jsir il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2010 lista komprensiva ta' direttivi u regolamenti biex jintlaħqu l-għanijiet li għandhom jiġu definiti għall-istrateġija l-ġdida;

48. Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-Parlament Ewropew fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020, li għandha tiġi fformulata fi ftehim interistituzzjonali bil-għan li tiġi stabbilita u fformalizzata triq demokratika u effikaċi li teħodna ’l quddiem; jiddeplora ż-żmien qasir li ngħata l-Parlament Ewropew biex jagħti l-kontribut tiegħu dwar il-linji gwida integrati; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fid-dritt mogħti lill-Parlament Ewropew mit-Trattat li jiġi kkonsultat dwar il-linji gwida għall-impjiegi;

49. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni.

 

 

 

 

(1)

Testi adottati ta’ dik id-data, P7_TA(2010)0053.

Avviż legali - Politika tal-privatezza