Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0351/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0351/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI  dwar l-istrateġija UE 2020

14.6.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u l-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Guy Verhofstadt, Lena Ek
f’isem il-Grupp ALDE <<<

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0348/2010

Proċedura : 2010/2591(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0351/2010
Testi mressqa :
B7-0351/2010
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0351/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-UE 2020

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Kunsill Ewropew informali tal-11 ta' Frar 2010,

–   wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni dwar l-UE 2020, u l-eżitu tagħha (SEC(2010)116),

–   wara li kkunsidra l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija ta’ Lisbona (SEC(2010)114),

–   wara li kkunsidra d-dokument tal-Kunsill Ewropew bl-isem 'Seven steps to deliver on the European strategy for growth and jobs' (Seba’ passi għat-twettiq tal-istrateġija Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2020 dwar UE 2020[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura,

RIMARKI ĠENERALI

L-istrateġija Ewropa 2020 għandha tiffoka fuq it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi u tiġġieled il-faqar u l-esklużjoni soċjali

1.  Huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom iżidu fir-rendiment ekonomiku tagħhom billi jagħmlu riformi strutturali sabiex jitnaqqas l-infiq pubbliku, titnaqqas il-burokrazija, jiżdied l-involviment taċ-ċittadini u tiġi promossa l-awtoresponsabilità tagħhom, jitħeġġu l-imprenditorija u l-innovazzjoni, il-leġiżlazzjoni ssir iktar favorevoli għall-SMEs u n-nies jingħataw l-opportunità li jimmassimizzaw il-potenzjal tagħhom minflok isiru dipendenti mis-servizzi soċjali,

2.  Jinnota li l-qgħad huwa kwistjoni ewlenija fid-diskussjoni attwali fil-kuntest tal-kriżi; jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu swieq tax-xogħol inklussivi u kompetittivi permezz ta’ sistemi ta’ flessigurtà, li jipprovdu flessibilità akbar għal dawk li jħaddmu filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw benefiċċji tal-qgħad xierqa ta' perjodu qasir ikkombinati ma' appoġġ attiv għall-impjegabilità mill-ġdid f'każ tat-telfa ta' impjieg;

3.  Jenfasizza li l-kontenut kurrenti tal-istrateġija Ewropa 2020, bħall-miri ewlenin, il-proposti prominenti, l-ostakli u l-indikaturi għandhom natura ġenerali ħafna; jitlob b'mod urġenti lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tressaq pjanijiet aktar dettaljati sabiex tiċċara kif dawn l-inizjattivi se jkunu implimentati b'suċċess; dawn il-pjanijiet dettaljati għandhom imbagħad jitressqu lill-Parlament Ewropew għall-kunsens tiegħu;

4.  Jinnota li l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali hija kwistjoni prinċipali u jiddeplora s-sitwazzjoni fejn aktar minn 80 miljun ruħ qed jgħixu taħt il-linja tal-faqar, fatt li jirrappreżenta diżastru uman u ekonomiku, u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi adottata strateġija ambizzjuża biex jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

Ħtieġa ta’ inizjattivi aktar ambizzjużi biex jiġi kompletat is-Suq Intern

5.  Jenfasizza li suq uniku li jiffunzjona sew huwa l-iktar strument ta’ valur tal-UE f’dinja globali u kompetittiva; jeħtieġ li l-UE tikkompletah b’suq tax-xogħol iktar flessibbli u mobbli kif ukoll permezz ta’ mobbiltà tal-pazjenti xierqa li tirrigwarda l-kura tas-saħħa bejn l-Istati Membri; jenfasizza li għandu jiġi stabbilit suq intern diġitali;

6.  Jenfasizza li inizjattivi aktar ambizzjużi huma meħtieġa biex jitlesta s-suq uniku u biex ikun iktar aċċettat miċ-ċittadini;

7.  Jilqa’ r-rapport imfassal minn Mario Monti, wara talba tal-President tal-Kummissjoni, li fih proposti interessanti sabiex jinbena suq uniku msaħħaħ, jintlaħaq kunsens dwar suq uniku msaħħaħ u jkun ipprovdut suq uniku msaħħaħ;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu pożizzjoni dwar il-proposti fir-rapport u konsegwentement, tressaq inizjattivi simili lill-Parlament Ewoprew;

9.  Jemmen li sabiex jiġi stabbilit suq uniku effettiv, il-Kummissjoni għandha tipproduċi sett ċar ta’ prijoritajiet politiċi permezz tal-adozzjoni ta’ ‘Att dwar is-Suq Uniku’, li għandu jkopri kemm l-inizjattivi leġiżlattivi kif ukoll dawk mhux leġiżlattivi, bl-għan tal-ħolqien ta' ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ħafna;

10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid l-applikazzjoni tar-regolamenti minflok direttivi sabiex jiġu evitati problemi ta’ traspożizzjoni fl-Istati Membri;

11. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħmel eżerċizzju indipendenti biex tidentifika l-akbar 20 sors ta’ nuqqas ta’ sofisfazzjon u frustrament relatat mas-suq uniku li ċ-ċittadini jħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum, partikularment b’rabta mal-kummerċ elettroniku, il-kura medika transkonfinali u r-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki professjonali;

12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta għall-introduzzjoni ta’ ‘klawżola sunrise’, li tkun tiżgura li l-liġijiet tas-suq intern tal-UE jkunu jidħlu fis-seħħ fi żmien stipulat jekk l-Istati Membri ma jimplimentawhomx fil-ħin;

13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea, barra minn hekk, biex tqis jekk għandhiex iddaħħal ‘klawżoli sunset’ biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni kollha tiġi riveduta biex ikun iddeterminat jekk hijiex funzjonabbli jew jekk tagħtix xi benefiċċji u jekk dan ma jkunx il-każ, tiritiraha;

14. Hu tal-fehma li l-progress fis-Suq Intern m’għandux ikun ibbażat fuq id-denominatur komuni l-aktar baxx; għalhekk jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkun l-eżempju u toffri proposti kunfidenti u kuraġġużi; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw il-metodu tal-kooperazzjoni msaħħa f’oqsma fejn il-proċess li jintlaħaq ftehim bejn 27 ma jkunx possibbli; pajjiżi oħra jkunu ħielsa li jingħaqdu f’dawn l-inizjattivi avanzati fi stadju aktar tard;

15. Iqis li xi ftit mill-iktar problemi ovvji li jħabbtu wiċċhom magħhom il-konsumaturi, partikularment fis-settur tas-servizzi, li jeħtieġ li ssir azzjoni dwarhom bħala prijorità sabiex jinkisbu riżultati malajr: (1) aċċess għal prodotti sikuri u servizzi ta' kwalità; (2) aċċess għal tagħrif affidabbli, kumparabbli u oġġettiv, inkluż tqabbil tal-prezzijiet; (3) aktar sigurtà u ċarezza legali fir-relazzjonijiet kuntrattwali; (4) aktar sigurtà tal-ħlas; (5) aċċess għal sistemi ta’ rimedju adegwati, għall-but ta’ kulħadd u effikaċi, u (6) għarfien aħjar u fiduċja akbar fir-rigward tas-sistema;

16. Iqis li implimentazzjoni xierqa tad-Direttiva dwar is-Servizzi u tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki, sorveljanza tas-suq fil-kuntest tal-Qafas Leġiżlattiv il-ġdid u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-ħarsien tal-konsumatur għandhom jiġu indirizzati bħala kwistjoni ta' urġenza;

17. Jistieden lill-Istati Membri biex jaċċettaw tabelli ta’ korrelazzjoni rigward l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni sabiex defiċits fil-leġiżlazzjoni jkunu iktar trasparenti;

18. Jenfasizza li suq tal-akkwist pubbliku li jaħdem sew huwa essenzjali għas-Suq Intern; jibqa’ mħasseb, madankollu, dwar il-fatt li għad baqa’ problemi sinifikanti għall-awtoritajiet pubbliċi fil-kisba tal-għanijiet ta’ politika, fi ħdan sett kumpless ta’ regoli kif ukoll fl-iżgurar l-aċċess tal-SMEs għas-swieq tal-akkwist pubbliku;

19. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni Ewropea timbotta 'l quddiem bi proposti għal aktar liberalizzazzjoni fis-settur tat-trasport; il-kompetittività tal-UE fid-dinja tiddependi minn suq uniku li jiffunzjona tajjeb u li jkun mirfud minn infrastruttura moderna tat-trasport u min-netwerks interkonnessi;


Ninvestu fit-tkabbir: il-mobilizzazzjoni tal-baġit tal-UE u tal-finanzi privati

20. Jisħaq fuq ir-rwol ċentrali tal-politika tal-koeżjoni fil-ksib tal-għanijiet tal-UE 2020 filwaqt li jirrikonoxxi li l-politika tal-koeżjoni għandħa tibqa' politika fit-tul li ma tirreaġixxix għal bidliet fuq medda qasira ta' żmien kkważati minn deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika;

21. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jittrattaw il-problemi tal-ostokali fil-mobilità fl-Ewropa, b'mod speċjali l-frammentazzjoni attwali tal-finanzjament tal-UE u l-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet ta' finanzjament innovattivi għal proġetti ta' infrastruttura, għal kurituri ekoloġiċi and għal trasport iżjed sostenibbli;

22. Bil-għan li tiġi rriformata l-politika ta’ koeżjoni ġejjiena ta' wara l-2013, sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tal-UE fid-dinja, huwa tal-fehma li l-appoġġ finanzjarju għall-SMEs fil-politika ta’ koeżjoni għandu jissaħħaħ f’termini ta’ iktar self lokali; għandhom jiżdiedu l-użu ta’ kapital riskjuż u l-kooperazzjoni mal-BEI; għandhom jitneħħew il-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa u għandu jitħaffu l-proċessi tal-applikazzjoni għall-fondi sabiex tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-proġetti, u għandha tiżdied b’mod sostanzjali l-allokazzjoni għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni fil-programmi kollha; jenfasizza li koeżjoni qawwi territorjali tal-UE b'attenzjoni akbar fuq il-koperazzjoni territorjali fi proġetti komuni (l-enerġija, it-trasport eċċ) għandha ttejjeb l-qagħda globali tal-UE fir-rigward tas-sħab soċjali tagħha;

23. Fid-dawl tas-sejħa tal-Kummissjoni għal politika ekonomika kkoordinata, jitlob lill-biex Kummissjoni tiddefinixxi b'mod ċar l-ambitu tal-proposti tagħha assoċjati ma' dan l-approċċ, u biex tistabbilixxi r-ramifikazzjonijiet u l-impatt probabbli fuq il-ġestjoni ekonomika u baġitarja ġejjiena tal-UE;

24. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa sensiela ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni msejsa fuq il-ġestjoni finanzjarja soda għall-programmi u l-proġetti kollha tal-UE, u biex tippreżentaha lill-Parlament Ewropew fuq bażi annwali;

25. Isemmi r-rwol ewlenin tal-bliet u tar-reġjuni fil-ksib ta' dawn l-għanijiet; iħeġġeġ li l-esperjenza u l-kontribut tagħhom jitqies fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-UE 2020;

26. Jitlob li jkun hemm riforma fundamentali tal-PAK bl-ambizzjoni jkun hemm baġit xieraq li jippermetti li s-settur jadatta għall-isfidi ġodda bħas-sejbien ta' soluzzjonijiet għall-bidla fil-klima u l-provvediment ta' beni pubbliċi li għandhom jitqiesu bħala riżultat tal-produzzjoni li wieħed għandu jħallas għaliha; jisħaq dwar il-ħtieġa ta' fokus fuq ir-riċerka u l-iżvilupp fl-istrateġija l-ġdida; jitlob li l-fondi ta' koeżjoni jkunu aktar iffukati fuq l-ifqar reġjuni Ewropej; jinnota li, biex niksbu dan l-għan, neħtieġu aktar flessibilità baġitarja;

27. Ifakkar fit-talba tal-Parlament li jkun żgurat finanzjarjament adegwat għall-appoġġ ta' teknoloġiji enerġetiċi b'livell baxx ta' karbonju li jkunu nodfa, sostenibbli u effiċjenti, li jammonta għal total ta' mill-inqas EUR 2 biljun fis-sena mill-baġit tal-UE li jintefqu apparti l-FP7 u s-CIP mill-2010 'l quddiem; jitlob, f'dan il-kuntest, li tinħoloq urġentement kalendarju tal-finanzjament mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tar-riżorsi li se jimpenjaw biex ikun żgurat li l-fondi jibdew deħlin sa mill-2010 għall-inizjattivi diversi tal-Pjan SET, kif ukoll għall-inizjattivi kumplimentari;

28. Jemmen li l-PAK ta' wara l-2013 jista' jkollha rwol fl-ilħiq tal-għanijiet tal-Istrateġija UE 2020, billi tpoġġi s-sostenibilità ekonomika u ambjentali, il-bidla fil-klima u t-tkabbir aħdar fil-qalba tal-politika l-ġdida;

29. Iħeġġeġ lill-UE biex taħdem fuq proġetti ekonomiċi speċifiċi għall-UE, bħal supernetwerk tal-enerġija intelliġenti li tkun verament Ewropea, twettaq il-proġett Galileo, it-teknoloġija ħadra, is-saħħa elettronika, il-Programm TEN-T u aċċess b'xejn u ekwitabbli għall-ICT u l-broadband;

Nużaw l-istrumenti ta’ politika esterna sal-massimu possibbli

30. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha ssegwi l-għanijiet stabbiliti fil-mandat tan-negozjati, jiġifieri l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-DPI, l-aċċess għas-suq għall-oġġetti u s-servizzi industrijali u l-kuntratti pubbliċi kemm fil-pajjiżi żviluppati u kemm f'dawk li qegħdin jiżviluppaw, u rekwiżiti mini għall-istandards ambjentali u soċjali;

31. Huwa tal-fehma li l-politika kummerċjali tal-UE għandha tippromwovi l-valuri ċentrali tal-Unjoni bħall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali u l-ħarsien tal-ambjent;

32. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tiżgura li jkujn hemm koerenza bejn il-politiki tal-kummerċ u tal-iżvilupp tal-Ewropa, sabiex il-kummerċ jikkontribwixxi għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju;

33. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha, flimkien mal-Istati Membri, tintervjeni bil-qawwi biex tiddefendi d-drittijiet u l-aspettativi leġittimi tal-konsumaturi meta jkun hemm evidenza ta' frodi jew informazzjoni qarrieqa dwar l-immarkar tal-oriġini li jsiru mill-importaturi jew il-produtturi li mhumiex fl-UE;

34. Huwa tal-fehma li l-Ewropa għandha tikkonvinċi wkoll lill-imsieħba kummerċjali tagħha biex jabbandunaw il-miżuri protezzjonisti bħat-taxxi tal-esportazzjoni u dispożizzjonijiet “buy China” jew “buy America”;

PROPOSTI EWLENIN

Inizjattivi Ewlenija: ‘Unjoni Tal-Innovazzjoni’

35. Jemmen li l-implimentazzjoni b’suċċess tal-inizjattiva ewlenija l-ġdida ‘Unjoni ta' Innovazzjoni’ hija importanti ħafna biex tingħata spinta l-ekonomija bbażata fuq l-għarfien; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-pakkett finanzjarju totali riżervat għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-baġit Komunitarju;

36. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tnaqqas l-ostakoli amministrattivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-innovazzjoni, eż. billi toħloq privattiva unika tal-UE. Programmi b'għan tajjeb maħsuba għat-tisħiħ tal-kompetittività u l-iffurmar ta' ekonomija sostenibbli mhumiex qegħdin jaħdmu sew minħabba li l-SMEs, l-universitajiet u l-kumpaniji multinazzjonali qed jiġu skuraġġuti milli jipparteċipaw fi programmi Ewropej;

Inizjattivi Ewlenija: ‘Mobilità Fost Iż-Żgħażagħ’

37. Jenfasizza li, sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-livell għoli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, għandu jkun hemm enfasi ikbar fuq il-ħolqien ta’ programmi tal-UE li jippromwovu l-imprenditorija u l-mobilità fost iż-żgħażagħ fl-istadji kollha tal-edukazzjoni;

38. Jemmen li l-leġiżlazzjoni tal-UE li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età fl-impjiegi u fit-taħriġ għandha tkun implimentata b'mod effettiv fl-Istati Membri kollha, u li l-Istati Membri għandhom jaqblu malajr kemm jista' jkun dwar il-leġiżlazzjoni proposta li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età lil hinn mill-impjieg;

39. Jenfasizza l-importanza li jsir titjib fl-għarfien, fil-ħiliet u fil-kompetenzi taż-żgħażagħ, u li jiġi żgurat li dawn jitfasslu għall-ħtiġiet li qed jinbidlu tas-suq tax-xogħol bl-iżvilupp ta' sistemi ġusti, flessibbli u effiċjenti għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja; jistieden lill-Kummissjoni tespandi l-programmi tal-UE li jappoġġaw l-edukazzjoni, it-titjib fil-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja sabiex tiffaċilita t-tranżizzjonijiet bla xkiel mill-edukazzjoni u t-taħriġ jew mill-qgħad u min-nuqqas ta' attività għas-suq tax-xogħol;

40. Jenfasizza l-importanza li jiġu pprovduti impjiegi ta' kwalità għaż-żgħażagħ permezz tal-iżvilupp ta' politiki integrati ta' flessigurtà sabiex tissaħħaħ il-flessibilità tas-suq tax-xogħol u jiġu żgurati l-impjiegi, kif ukoll l-importanza li titħeġġeġ u titħaffef l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ permezz ta' edukazzjoni, taħriġ, apprendistati u programmi ta' mentoring xierqa;

Inizjattiva Ewlenija: ‘Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa’

41. Ifakkar fil-potenzjal immens ta' impjiegi li hemm fis-settur tal-ICT; ifakkar li l-kompetizzjoni fis-settur toħloq innovazzjoni u jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm swieq kompetittivi, ħielsa, mifuħin għal parteċipanti ġodda li jiffaċilitaw l-użu ta’ teknoloġiji ġodda u innovattivi; jenfasizza l-importanza tat-tkomplija tal-isforzi lejn aċċess minn kullimkien b’veloċità għolja għal broadband fiss u tal-mobajl għaċ-ċittadini u l-konsumaturi kollha, b’termini ġusti u bi prezzijiet kompetittivi għaċ-ċittadini kollha, irrispettivament minn fejn qegħdin; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-istrumenti ta' politika kollha disponibbli biex jiksbu broadband għal kull ċittadin Ewropew, inkluż il-miri nazzjonali għall-broadband u kopertura b’veloċità għolja;

42. Huwa tal-fehma li l-aġenda diġitali Ewropea se jkollha impatt essenzjali fuq l-oqsma tal-kultura, tal-midja u tal-edukazzjoni; dan jeħtieġ approċċ integrat aktar milli approċċ b'kompartimenti differenti; Hu kruċjali li tingħata attenzjoni għall-impatt ta’ midja ġdida, bħal fl-impenn li jintużaw kompetenzi elettroniċi, attenzjoni għall-kontenut fuq l-internet flimkien ma’ kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, tekniċi u tas-suq intern fl-inizjattivi kollha ta’ politika relatati mal-Aġenda Diġitali. L-armonizzazzjoni tal-copyright Ewropew se tgħin l-innovazzjoni u l-imprenditorija fis-settur kulturali u tal-midja;

43. Huwa tal-fehma li l-protezzjoni effettiva tad-data personali hija element indispensabbli fil-ħolqien tal-fiduċja fis-servizzi online; il-protezzjoni tal-privatezza hija valur ċentrali, u ċ-ċittadini kollha għandu jkollhom kontroll fuq id-data personali tagħhom. Jitlob, għalhekk, li d-Direttiva għall-Ħarsien tad-Data tiġi adattata għall-ambjent diġitali attwali;

44. Huwa tal-fehma li l-midja pluralista u indipendenti hija pilastru tad-demokrazija Ewropea li għandu jiġi salvagwardjat, u li, b'mod simili, għandha tiġi salvagwardjata wkoll il-midja fuq l-internet, u li għandu jissaħħaħ il-ġurnaliżmu indipendent fl-UE, bħalma għandhom jissaħħu wkoll il-politiki dwar il-komunikazzjoni fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-UE;

Inizjattiva Ewlenija: ‘Ewropa effiċjenti mil-lat ta’ riżorsi’

45. Huwa tal-fehma li l-aspetti ambjentali tal-istrateġija UE 2020 ġeneralment huma dgħajfa wisq u li għaldaqstant għandhom jissaħħu; fl-għanijiet ewlenin tal-istrateġija għandhom jiddaħħlu għanijiet ambjentali ċari u li jistgħu jitkejlu, b’enfasi fuq il-waqfien tat-telf tal-bijodiversità;

46. Jemmen li l-istrateġija UE 2020 għandha tkun immirata lejn il-kisba tal-għanijiet tal-UE fuq terminu ta’ żmien twil biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’-95% sal-2050, partikularment billi tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija u jitnaqqas l-iskart biex tittejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tal-Ewropa u jitnaqqsu l-ispejjeż;

47. Iqis li t-tisħiħ tal-effiċjenza mil-lat tar-riżorsi għandha tkun prijorità fl-istrateġija EU 2020 kollha kemm hi; għandha tingħata attenzjoni partikulari għall-effetti tal-prezzijiet taż-żejt li dejjem qed jiżdiedu u l-provvista limitata tal-metalli prezzjużi li huma kruċjali għall-elettronika b'mod ġenerali u partikularment għall-produzzjoni tal-batteriji għall-karozzi li jaħdmu bl-elettriku b'mod partikulari;

48. Huwa tal-fehma li għandha titmexxa 'l quddiem l-innovazzjoni sabiex jinkisbu l-għanijiet tat-titjib ambjentali, tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u tat-tnaqqis fl-ispejjeż; jemmen li l-iffissar ta' miri legali u l-introduzzjoni ta' miżuri regolatorji huma l-aktar mezzi effettivi fil-promozzjoni ta' innovazzjoni bħal din;

49. Huwa tal-fehma li r-regoli tad-distribuzzjoni tal-fondi strutturali tal-UE għandhom jiġu aġġustati biex iqisu l-ħtieġa tal-promozzjoni tal-innovazzjoni li tnaqqas l-ispejjeż u ttejjeb l-użu tar-riżorsi;

Inizjattiva Ewlenija ‘Enerġija nadifa u effiċjenti’

50. Ifakkar li l-effiċjenza fl-enerġija mhijiex biss l-iktar mezz ekonomiku biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u tissaħħaħ is-sigurtà fl-enerġija, iżda wkoll tista’ toħloq ukoll miljun impjieg sal-2020; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex l-Effiċjenza fl-Enerġija tkun fil-quċċata tal-aġenda tal-UE, inkluż fil-quċċata tal-baġit tagħhom; b’mod iktar speċifiku, jitlob biex tingħata spinta lill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u għal proposta ambizzjuża u f’waqtha tal-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid għall-Effiċjenza Ewropea, inkluża reviżjoni tad-Direttiva tas-Servizzi tal-Enerġija u l-introduzzjoni ta’ mira legalment vinkolanti rigward l-effiċjenza fl-enerġija;

51. Jinnota li investimenti sostanzjali fl-infrastruttura tal-enerġija se jkunu meħtieġa sal-2020 u iktar tard, sabiex tiġi indirizzata l-isfida tal-klima, jissaħħu n-netwerks tal-enerġija tal-Ewropa, inkluż in-Netwerks Trans-Ewropej tal-Enerġija, biex jinħoloq supernetwerk Ewropew, biex jiġu żviluppati netwerks intelliġenti u jinħolqu interkonnessjonijiet, li huma essenzjali biex jiġi stimulat is-suq intern tal-enerġija u biex jiġi integrat ammont dejjem jikber ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll biex jiġu żviluppati iktar l-proġetti ewlenin tal-infrastruttura f'pajjiżi terzi, partikularment fil-Mediterran u r-reġjuni tal-Eurasja;

Inizjattiva Ewlenija: 'Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni'

52. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva ewlenija dwar il-politika industrijali bħala mezz sabiex tiġi żviluppata politika industrijali Ewropea li tkun immirata, koerenti u bbażata fuq il-prinċipji tal-innovazzjoni u tal-effiċjenza tar-riżorsi ħalli jiġu żgurati l-kompetittività tal-UE, it-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi;

53. Jirrimarka li l-ambizzjoni maħsuba biex timbotta lill-industrija u l-SMEs lejn l-innovazzjoni ma tistax tinkiseb biss permezz ta’ titjib fl-aċċess għall-kapital b’mod ġenerali, iżda għandu jkun hemm ukoll mira għad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-finanzjament;

54. Fil-kuntest tar-riforma tal-politika ta’ koeżjoni futura għal wara l-2013, huwa tal-opinjoni li l-appoġġ finanzjarju għall-SMEs fil-politika ta’ koeżjoni għandu jissaħħaħ f’termini ta’ iktar self lokali; għandu jiżdied l-użu ta’ kapital riskjuż u l-kooperazzjoni mal-BEI; il-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa għandhom jitneħħew sabiex tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-proġetti u l-flus maħsuba għar-R&Ż u għall-innovazzjonijiet għandhom jiżdiedu b'mod sostanzjali fil-programmi kollha;

Inizjattiva Ewlenija: 'Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda'

55. Jemmen li hu importanti li wieħed iħares lejn il-kompetittività li kulma jmur qed tonqos tal-Ewropa fil-livell globali, u li, meta wieħed iżomm quddiem għajnejh l-iskarsità ta' ħaddiema proġettata fuq perjodu twil ta' żmien, huwa importanti wkoll li wieħed iħares lil hinn mill-kriżi u jesplora skemi Ewropej li joffru l-possibilità ta' migrazzjoni tal-għerf u l-prevenzjoni tat-telf tal-aħjar imħuħ fl-Ewropa;

56. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki u servizzi li jittrattaw il-ħtiġijiet ta' ħiliet u d-diskrepanzi fis-suq tax-xogħol – inkluż tagħrif aħjar dwar il-ħiliet li hemm bżonn fl-UE fiż-żmien medju u fit-tul –, kif ukoll projezzjonijiet aġġornati b'mod regolari tax-xejriet makroekonomiċi, demografiċi u tas-suq tax-xogħol tal-ġejjieni fil-livelli kollha, inkluża analiżi tal-ħiliet meħtieġa skont is-settur tan-negozju li tqis ukoll il-ħtiġijiet kummerċjali;

57. Jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu swieq tax-xogħol inklussivi, flessibbli u kompetittivi li joħolqu opportunitajiet ta' xogħol u jirriflettu l-ħtiġijiet tal-individwi u tan-negozji. L-Istati Membri għandhom jintegraw il-prinċipji ta' flessigurtà approvati mill-Kunsill Ewropew fil-politiki tas-suq tax-xogħol u japplikawhom. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jagħmlu aktar biex jirrikonoxxu r-rwol importanti tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u tal-professjonisti indipendenti, u għandhom jagħmlu aktar biex inaqqsu l-ostakli għall-ħolqien tal-impjiegi bħall-piżijiet amministrattivi u l-burokrazija żejda;

58. Huwa tal-fehma li t-trattament tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u t-trawwim ta’ tqabbil effettiv ta’ kompetenzi u ħtiġijiet tas-suq għandhom ikunu punti ewlenin. Jeħtieġ li jiġu żviluppati sħubiji pubbliċi u privati fl-edukazzjoni. Il-mobilità transkonfinali għall-istudenti u r-riċerkaturi fl-iskambji u t-taħriġ professjonali għandhom jiżdiedu mal-għoti ta’ spinta lill-importanza tat-tisħiħ tal-attraenza internazzjonali tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla fl-Ewropa. Jekk tinżamm il-mira ta’ nefqa ta’ 3% tal-PGD fuq ir-Riċerka u l-Iżvilupp, l-innovazjoni tingħata spinta permezz ta’ riċerka u edukazzjoni ogħla. L-impenn tal-Ewropa fl-edukazzjoni għandha tkun f’forma konkreta fl-istrateġija UE 2020. Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex tinkludi miri f’ċifri dwar l-edukazzjoni fl-istrateġija UE 2020;

59. Jemmen li l-bidla demografika u l-popolazzjoni tal-UE li qed tixjieħ jirrappreżentaw sfida enormi li teħtieġ ideat ġodda u strateġiji innovattivi kemm-il darba l-Unjoni Ewropea trid tibqa' kompetittiva. L-iskemi tat-tagħlim tul il-ħajja għandhom jiġi estiżi u għandha tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni dwar id-diskriminazzjoni abbażi tal-età, filwaqt li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw idaħħlu miżuri biex iwaqqfu l-etajiet obbligatorji tal-irtirar mix-xogħol, sabiex il-ħaddiema li jkunu jridu jkomplu jaħdmu wara età fissa jkollhom din l-għażla;

60. Jemmen li huwa vitali li jittieħdu miżuri biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-anzjani u tal-persuni b'diżabilità fis-suq tax-xogħol, u li tiġi ttrattata b'mod effettiv id-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol abbażi ta' età, diżabilità, sess, razza, orjentazzjoni sesswali u reliġjon jew twemmin, f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE eżistenti;

61. Jinnota li l-livelli enormi ta ' xogħol mhux iddikjarat u ta' xogħol illegali f'xi Stati Membri għandhom jiġu ttrattati bħala materja ta' urġenza peress li dan spiss iwassal għall-abbużi u l-isfruttament, kundizzjonijiet tax-xogħol perikolużi u effetti ekonomiċi negattivi;

Inizjattiva Ewlenija: 'Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar'

62. Jiddeplora l-fatt li l-falliment tal-Istrateġija ta' Lisbona kkontribwixxa għas-sitwazzjoni preżenti fejn fl-UE hemm aktar minn 80 miljun ruħ foqra, għadd li kważi jlaħħaq il-popolazzjoni tal-Ġermanja; jinsisti li dan il-ħela uman u soċjali u ekonomiku għandu jiġu ttrattat mill-istrateġija UE 2020; jinsisti li l-istrateġija UE 2020 għandha tinkludi mira li tnaqqas il-faqar fl-UE bin-nofs. Il-maġġoranza tal-Ewropej li qegħdin jgħixu fil-faqar jew li jinsabu fir-riskju tal-faqar huma nisa, partikularment nisa ta' età avvanzata, nisa immigranti, ommijiet mingħajr sieħeb u dawk li jagħtu l-kura. Barra minn hekk, għandha tiġi introdotta perspettiva tul il-ħajja minħabba li l-faqar ta’ ġenituri għandu impatt dirett fuq ħajjet it-tfal, l-iżvilupp u l-futur tagħhom;

63. Jinnota li għalkemm l-impjiegi jibqgħu l-aħjar soluzzjoni għall-faqar, huwa vitali li jiddaħħlu / jinżammu fis-seħħ salvagwardji mill-Istati Membri biex jiżguraw li jiġi garantit livell minimu ta' dħul għal kull ċittadin tal-UE. Jinnota ż-żieda fil-faqar anke fost dawk li għandhom impjieg, u fid-dawl ta' dan jemmen li permezz tal-iskambju tal-aħjar prattika għandna naspiraw għall-iżvilupp ta' pagi minimi adegwati fl-Istati Membri kollha tal-UE;

64. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw aġenda soċjali ambizzjuża, permezz ta' metodu miftuħ u msaħħaħ ta' kordinazzjoni, bl-użu ta' fondi Ewropej fejn ikun xieraq, li jkollu l-għan li jnaqqas il-faqar u l-esklużjoni soċjali u jipproteġi l-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjetajiet tagħna; Jinnota r-rabtiet bejn iż-żidiet fil-faqar u l-esklużjoni soċjali, il-problemi ta' saħħa mentali u l-abbuż mid-droga u minn sustanzi illeċiti;

65. Jitlob li ssir promozzjoni ta' ħajjiet itwal u aktar b'saħħithom u li jiddaħlu miżuri li jiżguraw li l-anzjani jistgħu jkunu indipendenti u produttivi kemm jista' jkun possibbli, u miżuri li jiżguraw li l-ħaddiema jkunu jistgħu jgħaqqdu x-xogħol mar-responsabbiltajiet tal-kura u li jaċċertaw it-tiġdid tal-impenn tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq kull bażi fil-post tax-xogħol u fl-aċċess għall-oġġetti, għall-faċilitajiet u għas-servizzi;

66. Jenfasizza l-ħtieġa li sal-2015 jsir ftehim dwar mira mal-UE kollha għall-qerda tal-kundizzjoni tal-persuni bla dar li jgħixu fit-triq, u l-ħtieġa li l-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji integrati għal persuni bla dar bil-ħsieb li tinqered din il-kundizzjoni;

67. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi lill-Istati Membri Patt Ewropew għad-Diżabilità li jkun jista' jiżgura l-kordinazzjoni tal-politika għall-persuni diżabilità u jriffed il-miri relevanti fl-Ewropa 2020 b'inizjattivi maħsuba biex iżidu kemm il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-persuni b'diżabilità u kemm l-inklużjoni soċjali tagħhom;

68. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiksbu rata ta’ impjiegi ta’ 75% għall-irġiel u 75% għan-nisa sal-2020, permezz ta’ tnaqqis ta’ segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u t-tisħiħ tal-isforzi għar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, ir-responsabbiltajiet ta’ kura u l-ħajja tal-familja;

69. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex japplikaw bis-sħiħ l-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali permezz tat-tnaqqis tad-differenza fil-paga bejn is-sessi għal 0-5% sal-2020, biex iressqu proposta leġiżlattiva li tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti u biex jibdew proċeduri ta’ vjolazzjoni kontra l-Istati Membri li ma jikkonformawx. Jenfasizza l-importanza li jkun żgurat li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa, taż-żgħażagħ, tal-anzjani, tal-persuni b'diżabbiltà u ta' dawk mingħajr sengħa, kif ukoll li jkun hemm titjib fl-integrazzjoni tal-migranti u tal-minoritajiet etniċi fil-forza tax-xogħol;

70. Iqis li sabiex ikunu faċilitati l-istabbiliment ta’ referenzi aħjar u viżibbiltà politika, għandu jiġi inkluż kapitolu separat dwar l-ugwaljanza tas-sessi b’miri speċifiċi fl-Istrateġija UE 2020;

71. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi direttiva tal-UE dwar il-liv tal-paternità, tal-ulied u l-adozzjoni sabiex tiġi faċilitata r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja tal-familja;

72. Madankollu jemmen li l-Metodu Miftuħ ta’ Kordinazzjoni fl-impjiegi u fl-qasam tal-affarijiet soċjali huwa strument utli li għandu jiġi riformat u msaħħaħ partikularment fl-iżvilupp ta’ miri tal-UE u Nazzjonali kwantifikabbli;

73. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni.