Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0353/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0353/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI  dwar l-Istrateġija UE2020 - inizjattivi ewlenin

14.6.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u l-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Corien Wortmann-Kool, Peter Liese, Richard Seeber, Pilar del Castillo Vera, Andreas Schwab, Jean-Paul Gauzès, Csaba Őry, Othmar Karas, Marian-Jean Marinescu, Lambert van Nistelrooij, Albert Deß f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0348/2010

Proċedura : 2009/2692(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0353/2010
Testi mressqa :
B7-0353/2010
Votazzjonijiet :

B7‑0353/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija UE2020 - inizjattivi ewlenin

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni dwar l-istrateġija UE2020 - inizjattivi ewlenin,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi jiddispjaċih li l-objettivi tal-Istrateġija ta' Lisbona għadhom ma ntlaħqux minħabba l-istruttura dgħajfa ta' governanza u n-nuqqas ta' affidabilità min-naħa tal-Istati Membri. B'mod partikolari, meta titqies il-kriżi ekonomika attwali, hemm bżonn urġenti ta' strateġija effettiva li ġġib magħha tkabbir u impjiegi fl-UE,

B.  billi għandu jiġi evitat staġnar ekonomiku u soċjali li diġà seħħ f'partijiet oħra tad-dinja, pereżempju minħabba popolazzjoni dejjem tixjieħ, kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Istati Membri individwali għandhom jagħmlu iktar sforz biex iqisu d-dimensjoni esterna tal-kompetittività globali tal-Unjoni,

C. billi biex jinkiseb riżultat, il-kompiti u r-responsabilitajiet Ewropej għandhom jitqassmu b'mod ikkoordinat bejn il-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali tal-governanza Ewropea. Dawn kollha għandhom ikunu tal-ogħla kwalità u affidabilità. Il-muturi reali tal-bidla - in-negozji u l-universitajiet li jaħdmu id f'id mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u mas-soċjetà ċivili - għandu jkollhom rwol prinċipali fil-mekkaniżmu l-ġdid ta' tqassim,

D. billi jenfasizza l-importanza li titqies il-kriżi demografika u l-konsegwenzi tagħha. Il-ġenerazzjonijiet futuri m'għandhomx jiġu ssakrifikati sabiex jinżammu l-benefiċċji stabbiliti tal-ġenerazzjonijiet preċedenti. Huwa importanti li jiġi promoss titjib fis-sitwazzjoni demografika u li tinħoloq politika favur il-familji,

TKABBIR: IMPJIEGI U KOMPETITTIVITà

1.  Jenfasizza li l-ewwel objettiv għandu jkun it-tkabbir. Mingħajr tkabbir mhux se jkun hemm impjiegi. Mingħajr tkabbir mhux se tinstab soluzzjoni għall-kriżi fil-finanzi pubbliċi u għar-riżultati finanzjarji tal-kumpaniji. It-tkabbir ekonomiku huwa prerekwiżit bażiku għat-tħaddim ta' skemi ta' sigurtà soċjali. Il-kriżi għamlet ħsara kbira lill-opportunitajiet ta' tkabbir ekonomiku fl-Ewropa u għalhekk ir-ritorn lejn it-tkabbir għandu jkun mgħaġġel u sostanzjali;

2.  Jirrimarka li jeħtieġ li jsiru riformi strutturali sabiex jingħelbu n-nuqqasijiet sottostanti tal-ekonomija Ewropea, bħad-djun u d-defiċits li qed jikbru sew, il-produttività baxxa u n-nuqqas ta' kompetittività. Il-flus pubbliċi għandhom jintużaw b'mod ferm iktar effikaċi. L-objettivi ta' riformi strutturali bħal dawn huma: ambjent regolatorju favur in-negozji, iggvernar effiċjenti, tassazzjoni mhux diskriminatorja, rata għolja ta' parteċipazzjoni fl-impjieg, partikolarment fost in-nisa, kif ukoll sistema edukattiva tajba. Dawn kollha huma prekundizzjonijiet meħtieġa għat-tkabbir;

3.  Iqis li muturi ġodda għat-tkabbir għandhom jaħdmu biex isaħħu l-koeżjoni Ewropea: dik ekonomika, soċjali u territorjali, kif stipulat fl-Artikolu 4(2)(c) tat-Trattat. L-objettiv tal-koeżjoni ma jirrappreżentax spiża; jinvolvi l-użu ta' potenzjal mhux użat, jespandi l-bażi għat-tkabbir u joħloq kapital soċjali Ewropew. Innovazzjoni li tista' ġġib magħha tkabbir fil-produttività u għażliet teknoloġiċi, u li tista' toħloq talbiet u swieq ġodda, teħtieġ iffokar lokali u reġjonali u approċċ integrat ibbażat fuq il-post għal politiki ta' investiment u tkabbir;

4.  Jiddeplora l-impossibilità li jiġu identifikati b'mod ċar, mill-aspett baġitarju, l-implikazzjonijiet baġitarji tal-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija UE2020 fuq l-Abbozz tal-Baġit 2011; jesprimi għalhekk id-dubji serji tiegħu dwar jekk jistax jiġi żgurat finanzjament adegwat għal dawn l-inizjattivi ewlenin; jitlob li l-Kummissjoni jirnexxielha tidentifika l-linji baġitarji eżatti koperti minn kull waħda mill-inizjattivi ewlenin qabel it-trilogu ta' Ġunju;

5.  Itenni t-talbiet tiegħu għal suq tax-xogħol iktar inklussiv u kompetittiv. Jeħtieġ ristrutturar tas-sistemi tas-sigurtà soċjali sabiex jiġi żgurat li tibdil ta' okkupazzjoni ma jimplikax tnaqqis fil-protezzjoni soċjali, li taħriġ ġdid temporanju għal impjieg differenti ma jirriżultax fi tnaqqis tad-dħul u li l-approċċ tal-flessigurtà mhuwiex unilateralment iffukat fuq il-flessibilità tas-suq tax-xogħol;

6.  Jinsab konvint li, jekk ikollna qafas politiku korrett u riżorsi tal-baġit adegwati, l-agrikoltura u l-foresterija jistgħu jiżvolġu rwol importanti fi strateġija Ewropea ġenerali maħsuba biex tiggarantixxi l-irkupru ekonomiku, filwaqt li simultanjament jikkontribwixxu għas-sikurezza tal-ikel fl-Ue u madwar id-dinja, jiġi ppreservat il-pajsaġġ rurali, li jirrappreżenta 90% tat-territorju tal-UE, jiġu żgurati benefiċċji ambjentali u jsir kontribut sinifikanti għat-tfittxija ta' sorsi enerġetiċi alternattivi;

SMEs F'EKONOMIJA TAS-SUQ SOĊJALI

7.  Jenfasizza li l-UE għandha tistimula u tħeġġeġ l-SMEs u l-Intraprenditorija peress li huma protagonisti kruċjali għall-preservazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi. Piżijiet u regoli amministrattivi u regolatorji għandhom jiġu semplifikati, sabiex l-SMEs ikunu jistgħu jikbru ulterjorment, billi jikkummerċjalizzaw liberament il-prodotti/servizzi tagħhom lill-500 miljun konsumatur li jikkostitwixxu s-suq uniku tal-UE. Għandha tonqos iktar il-burokrazija. Barra minn hekk, jenfasizza l-importanza li tinkiseb implimentazzjoni sħiħa tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, permezz ta' sforzi politiċi f'kull livell;

8.  Jenfasizza li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tas-suq tagħna u joħolqu l-impjiegi, u b'hekk għandhom rwol ewlieni fit-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku. Għandha tingħata għalhekk prijorità lil sforzi ulterjuri fil-qasam tar-riforma bħall-implimentazzjoni ulterjuri tal-objettivi ta' deregolamentazzjoni u tal-leġiżlazzjoni favorevoli għall-SMEs, il-ħolqien ta' ambjent vibranti għall-impriżi li għadhom kemm fetħu, it-tħeġġiġ tal-imprenditorija u t-titjib tal-aċċess għall-finanzjament; huwa wkoll tal-fehma li l-Istrateġija UE2020 għandha tinkludi objettivi u inizjattivi li jħeġġu ż-żieda fis-sehem medju tal-ekwità privata u tal-kapital tar-riskju fil-kumpaniji;

9.  Jitlob li jinħoloq ambjent fertili u favorevoli għan-negozji, għall-industriji tal-UE, billi jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ta' qafas intelliġenti u li jġorru inqas piż, u b'hekk jippermettu lill-industrija u lill-SMEs li joperaw u jinnovaw, filwaqt li jiftħu għażliet teknoloġiċi għall-industrija kif ukoll billi jiżguraw aċċess adegwat u użu effiċjenti tar-riżorsi;

10. Ifakkar li l-mikrokummerċ spiss huwa mezz biex jingħeleb il-qgħad. It-twaqqif ta' negozju spiss huwa mezz biex jinkiseb suċċess minkejja l-inerzja soċjali. Il-kapaċità tagħhom li joħolqu l-finanzjament adegwat għall-attivitajiet tagħhom tikkostitwixxi l-ewwel prerekwiżit għall-iżvilupp tal-SMEs. Iż-żamma ta' mekkaniżmi ta' garanzija għall-SMEs, swieq sekondarji dinamiċi u settur bankarju li jippromwovi l-attività ekonomika fl-Ewropa huma prerekwiżiti għall-iżvilupp tal-SMEs;

11. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq miżuri prattiċi biex jittejjeb l-aċċess   għall-finanzjament, partikolarment għal disponibilità ikbar ta' kapital tar-riskju, u biex tagħmel progress fil-qasam tal-akkwisti pubbliċi prekummerċjali;

ĦTIEĠA GĦAL INIZJATTIVI IKTAR AMBIZZJUŻI BIEX JIĠI KKUMPLETAT IS-SUQ INTERN

12. Jenfasizza li s-suq intern huwa wieħed mill-muturi ewlenin tat-tkabbir Ewropew u għad irid jiġi kkumpletat. Il-persistenza ta' ċerti ostakli kontra l-moviment liberu tal-persuni, oġġetti, servizzi u kapital, teħtieġ sforz ulterjuri min-naħa tal-istituzzjonijiet Ewropej kollha, sabiex joħolqu suq uniku Ewropew imtejjeb, iktar kompetittiv u iktar effettiv. Barra minn hekk, it-tneħħija ta' ostakli burokratiċi fil-livell nazzjonali u Ewropew tippermetti operat bla xkiel tas-suq intern u tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku;

13. Jenfasizza li s-suq intern għandu jitqies fl-istrateġija mhux biss bħala mezz biex jintlaħqu l-objettivi iżda bħala objettiv fih innifsu. Il-kwistjoni tan-nuqqasijiet fl-istrateġija għandha tiġi ttrattata serjament peress li hija kundizzjoni sine qua non tal-effikaċja tal-politiki interni l-oħra kollha;

14. Jilqa' r-rapport ta' Mario Monti dwar is-Suq Intern; jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal ''Att dwar is-Suq Uniku'' li jikkonsisti f'pakkett ta' inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi f'kull qasam, bl-għan li jintlaħaq l-objettiv mixtieq ta' ekonomija tas-suq soċjali sostenibbli u ferm kompettitiva;

15. Ifakkar li n-negozji u l-intraprendituri għandhom jingħataw possibilità reali biex itejbu u jbiegħu s-servizzi/prodotti lill-500 miljun konsumatur fl-Ewropa. Illum il-ġurnata, is-suq intern mhux qed jirnexxielu jżid u jtejjeb l-iżvilupp tal-ekonomija tas-servizzi Ewropea. Filwaqt li l-kummerċ tal-oġġetti huwa importanti, l-ekonomija tas-servizzi hija l-futur u huwa għalhekk fundamentali li jkollna suq intern għas-servizzi li jaħdem bis-sħiħ;

16. Iqis li huwa importanti li l-Istrateġija UE2020 tkun tqis:

      •  l-estensjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Pereżempju; is-servizzi tas-saħħa eċċ.;

      •  l-iffaċilitar ta' kummerċ f'kull qasam permezz ta' reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku;

      •  l-implimentazzjoni sħiħa tat-Tielet Direttiva Postali;

      •  it-twaqqif ta' ''one-stop-shop'' għall-VAT;

      •  l-iżgurar li l-SMEs ikunu jistgħu joperaw madwar l-Ewropa kollha billi jingħatalhom aċċess permezz ta' rikonoxximent reċiproku u tnaqqis fil-burokrazija;

 

17. Jenfasizza li huwa importanti li jinżamm kummerċ u aċċess ħieles għas-swieq globali bħala fattur ewlieni u li ma nimxux lejn il-protezzjoniżmu. L-intraprendituri u l-kumpaniji innovattivi jistgħu jiżviluppaw biss f'suq ħieles u globali;

18. Ifakkar li l-Kummissjoni għandha tfassal l-''Istrateġija għal Ewropa 2020'' tagħha b'tali mod li tittrasforma l-politika kummerċjali tal-UE f'mezz reali għall-ħolqien tal-impjiegi u ta' żvilupp sostenibbli mad-dinja kollha, u li djalogu miftuħ mal-Parlament Ewropew u mas-soċjetà ċivili għandu jkun fost l-ewwel prijoritajiet tal-UE għall-era ta' wara Doha, b'mod partikolari standards soċjali u ambjentali u riforma tal-WTO;

UNJONI TAL-INNOVAZZJONI RIĊERKA U ŻVILUPP U TEKNOLOĠIJA TAL-INNOVAZZJONI - KAPAĊITAJIET U IMPJIEGI ĠODDA

19. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippreservaw il-PGD ġenerali ta' 3% għall-objettiv ta' riċerka u żvilupp. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu aħjar mill-potenzjal ta' sinerġija tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni u tal-fondi għar-riċerka u l-iżvilupp. It-titjib fl-effiċjenza tar-riċerka applikata Ewropea huwa kruċjali biex jiġu integrati l-istrutturi eżistenti b'mod imtejjeb. Klima ta' investiment iktar favorevoli għar-riċerka u l-innovazzjoni għandha tinħoloq kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq miżuri prattiċi biex jitjieb l-aċċess għall-finanzjament, b'mod partikolari biex ikun hemm iktar disponibilità tal-kapital tar-riskju;

20. Jitlob li jiżdied il-potenzjal ta' innovazzjoni tal-ekonomija Ewropea bbażata fuq l-għarfien billi jsir iktar investiment fir-riċerka u l-iżvilupp bażiċi u applikati, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin tas-soċjetà u billi tiġi ddefinita politika tal-innovazzjoni li jkollha ambitu wiesa' u tinkludi l-oqsma politiċi kollha relatati;

21. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ suq intern ġenwin għall-innovazzjonijiet fl-UE, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkoordinaw l-isforzi tagħhom f’dan il-qasam, b’mod partikulari f’dak li hu qbil fil-pront dwar privattiva Komunitarja u sistema legali waħda dwar il-privattivi, u jisħaq fuq l-importanza tal-istandardizzazzjoni għall-iżvilupp ta’ prodotti innovattivi;

22. Iqis li fl-ekonomija globali tal-lum, l-għarfien huwa ċentrali għall-iżvilupp ekonomiku, u li għandna noħolqu l-aħjar kundizzjonijiet biex is-soċjetà tagħna tittrasforma ruħha f'soċjetà bbażata fuq l-għarfien;

23. Huwa importanti li l-Istrateġija UE2020 tkun tqis:

      •  l-intensifikazzjoni tal-kollaborazzjoni bejn ir-riċerkaturi Ewropej permezz tal-introduzzjoni ta' skema ta' vawċers ta' riċerka li tipprovdi flus għar-riċerka meta r-riċerkaturi jiċċaqalqu f'universitajiet madwar l-Istati Membri kollha, billi dan jikkontribwixxi għal ċentri ta' eċċellenza, universitajiet indipendenti, żieda fil-mobilità fost ir-riċerkaturi, u jiġu attratti riċerkaturi minn kontinenti oħra.

      •  il-ftuħ tal-universitajiet Ewropej għall-kompetizzjoni u għal studenti minn madwar l-Ewropa

      •  iż-żieda fir-riżorsi finanzjarji minfuqa għar-riċerka u l-iżvilupp (fi ħdan it-8 Programm ta' Qafas għar-Riċerka);

      •  il-provvista lil ħaddiema b'kapaċitajiet limitati ta' taħriġ adegwat biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet meħtieġa għal ekonomija moderna bbażata fuq l-għarfien;

 

24. Jitlob lill-Kummissjoni biex issaħħaħ is-sinerġiji bejn id-diversi strumenti Komunitarji biex tappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni (bħall-Fondi Strutturali, il-Programm dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u l-Programm ta' Qafas għar-Riċerka) u biex tressaq proposti sostanzjali u ambizzjużi biex titnaqqas il-burokrazija mhux meħtieġa marbuta ma' dawn l-istrumenti;

25. Jilqa' t-twaqqif ta' tliet Sħubiji Ewropej għall-Innovazzjoni fl-oqsma tal-bijoekonomija, tat-teknoloġiji li jiftħu l-possibilitajiet u tat-teknoloġiji għall-anzjani;

26. Jenfasizza li dawn is-setturi jistgħu jikkontribwixxu b'mod effettiv fl-objettiv ta' tkabbir favur l-ambjent, partikolarment permezz ta' użu ikbar ta' prattiki agrikulturali favur l-ambjent u permezz tal-użu u l-promozzjoni ta' teknoloġiji ġodda, speċjalment il-bijoteknoloġija u l-kimika favur l-ambjent;

27. Jinsab ċert li s-settur Komunitarju tas-sajd se jkollu rwol importanti biex jiggarantixxi l-provvista ta' proteini għall-ġenerazzjonijiet futuri. Biex jintlaħaq dan l-għan, il-Politika Komuni għas-Sajd futura għandha tingħata iktar investiment għal riċerka mmirata sabiex jiġi garantit settur kompetittiv tas-sajd u tal-agrikoltura fil-kuntest tas-sostenibilità ambjentali;

MOBILITÀ FOST IŻ-ŻGĦAŻAGĦ EDUKAZZJONI, TAĦRIĠ U TAGĦLIM TUL IL-ĦAJJA

28. Jitlob lill-Istati Membri biex jadottaw il-miri ambizzjużi stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ''Ewropa 2020'' li, sal-2020, ir-rati ta' studenti li jitilqu mill-iskola għandha tinżel taħt l-10% tal-kategoriji tal-età, u li mill-inqas 40% tal-popolazzjoni għandha tkun temmet l-edukazzjoni terzjarja jew livell ekwivalenti;

29. Jappoġġa bis-saħħa d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddedika waħda mill-inizjattivi ewlenin ta' UE2020 liż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u t-taħriġ, u jemmen li dan se jagħti spinta qawwija lill-iżvilupp ta' strateġija komprensiva tal-UE dwar iż-żgħażagħ; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-Parlament ukoll identifika ż-żgħażagħ bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tiegħu għall-Baġit 2011, u esprima b'mod ċar l-intenzjoni tiegħu li jappoġġa ulterjorment il-programmi ewlenin kollha f'dan il-qasam f'termini finanzjarji;

30. Jilqa' l-istrument il-ġdid tad-djalogu strutturat li jinkludi t-talbiet taż-żgħażagħ fil-qasam tal-impjieg u tal-integrazzjoni soċjali. Huwa ta' importanza kbira li jiġu integrati għadd ta' partijiet interessati nazzjonali u li titħabbar data intermedja għal żvilupp sostenibbli;

31. Jenfasizza l-importanza li jitrawmu rabtiet dejjem iktar stretti bejn id-dinja tal-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol, sabiex jiġi żgurat li s-sistema tagħna tal-edukazzjoni, permezz tal-programmi differenti tagħha, toffri mezz ċar u vijabbli lejn ix-xogħol għall-Ewropej kollha;

32. Jenfasizza li t-trattament tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u t-trawwim ta’ tqabbil effettiv ta’ kapaċitajiet u ħtiġijiet tas-suq għandhom ikunu punti ewlenin. Jeħtieġ li jiġu żviluppati sħubiji pubbliċi u privati fl-edukazzjoni. Il-mobilità transkonfinali għall-istudenti u r-riċerkaturi fl-iskambji u t-taħriġ professjonali għandha tiżdied mat-titjibfl-attraenza internazzjonali tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla fl-Ewropa. Jekk tinżamm il-mira ta’ nefqa ta’ 3% tal-PGD għar-Riċerka u l-Iżvilupp, l-innovazjoni tingħata spinta permezz ta’ riċerka u edukazzjoni ogħla;

33. Iqis li l-edukazzjoni ogħla tikkostitwixxi mutur ewlieni għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali u għall-innovazzjoni u t-tkabbir. Għalhekk għandha titqiegħed iktar enfasi fuq is-segwitu tal-Proċess ta' Bologna u l-implimentazzjoni tal-prinċipji miftehma mill-Istati Membri fil-Qasam Ewropew tal-Edukazzjoni Ogħla kollu kemm hu;

AĠENDA DIĠITALI GĦALL-EWROPA

34. Jilqa' l-proġett dwar l-aġenda diġitali, iżda s-suċċess jiddependi fuq proposti konkreti u ambizzjużi u jkun biss effettiv jekk ikun hemm tmexxija b'saħħitha, jekk tkun ''adottata'' mil-livelli politiċi kollha u jekk tiġi implimentata bħala responsabilità maqsuma fil-livelli tal-UE, nazzjonali u reġjonali;

35. Jenfasizza li tħaddim tajjeb tal-ekonomija diġitali huwa essenzjali għall-benessri tal-ekonomija kollha tal-UE. Jinnota, madankollu, li l-moviment liberu tas-servizzi diġitali jinsab serjament imxekkel mill-frammentazzjoni tar-regoli fuq livell nazzjonali; L-impriżi qed jiffaċċjaw ħafna ostakoli għall-bejgħ transkonfinali, l-aktar minħabba r-regolamentazzjonijiet differenti applikabbli fil-livell ta’ Stati Membri f’oqsma bħall-protezzjoni tal-konsumatur, il-VAT, ir-riċiklar ta’ apparat elettriku u elettroniku, ir-regolamentazzjoni fuq prodotti speċifiċi u t-tranżazzjonijiet ta’ ħlas. Jekk din il-kwistjoni mhux se tissolva, l-impriżi u l-konsumaturi qatt mhu ser jirnexxielhom jilħqu l-potenzjal sħiħ tal-ekonomija diġitali;

36. Jenfasizza l-importanza li l-Ewropej jingħataw is-setgħa f'soċjetà diġitali ġdida billi jiġi żgurat aċċess għal netwerk tal-broadband b'saħħtu u affidabbli, kif ukoll permezz tal-promozzjoni tal-kapaċitajiet elettroniċi u tad-drittijiet tal-utenti, u billi tingħata prijorità lill-iżvilupp ta' Suq Uniku Diġitali Ewropew billi jiġu previsti l-moviment liberu tas-servizzi diġitali u l-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas legali l-ġdid;

37. Iqis li l-Aġenda Diġitali toffri prospetti enormi li jirriżultaw f'ħolqien tal-impjiegi u fi tkabbir ekonomiku sostenibbli. Biex jinkiseb dan l-għan jeħtieġ li norbtu l-aġenda diġitali mal-iżvilupp ta' servizzi ġodda bħall-kummerċ elettroniku, is-saħħa elettronika, it-tagħlim elettroniku, is-servizzi bankarji elettroniċi, eċċ.;

      •  l-armonizzazzjoni ta' regoli li llum qed jostakolaw l-iżvilupp ta' Suq Uniku Diġitali Ewropew u, b'konsegwenza ta' dan, l-implimentazzjoni ta' servizzi diġitali ġodda

      •  investimenti f'netwerks tal-Internet high-speed;

      •  il-ħolqien ta' qafas komuni ta' drittijiet tal-awtur għall-UE li jippermetti li kontenut diġitali jitqassam liberament fis-27 Stat Membru;

      •  assigurazzjoni li d-dividend diġitali jwassal għal tkabbir ekonomiku reali;

      •  il-ħolqien ta' suq pan-Ewropew għall-kummerċ tal-ispettru li jippermetti ekonomija reali tat-telekomunikazzjonijiet;

      •  it-tnedija ta' ''Pjan ta' azzjoni għall-għarfien diġitali u l-inklużjoni'' fil-livelli tal-UE u tal-Istati Membri u inċentivi għal inizjattivi fis-settur privat biex jiġi provdut taħriġ relatat mal-kapaċitajiet diġitali lill-impjegati kollha;

      •  it-tfassil ta' Karta Ewropea tad-drittijiet taċ-ċittadini u tal-konsumaturi fl-ambjent diġitali;

      •  il-bżonn ta' traspożizzjoni urġenti u infurzar sħiħ tal-qafas regolatorju l-ġdid dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi qabel l-iskadenza, u li r-regolaturi nazzjonali jingħataw is-setgħa skont dan;

 

38. Iqis li l-Internet jirrappreżenta sfida kbira għas-soċjetà ċivili tagħna f'termini ta' żgurar ta' iktar tkabbir u kompetittività għall-ekonomija tagħna. Huwa għandu wkoll il-potenzjal li jwassal għal tibdil fl-imġiba tal-konsumaturi madwar il-kontinent. Fit-trattament tat-teknoloġija, huwa importanti li wieħed jiżgura ċ-ċentralità tal-individwu u li jistabbilixxi mekkaniżmi ta' salvagwardja biex tiġi evitata differenza saħansitra ikbar bejn:

      •  kumpaniji ikbar u l-SMEs;

      •  awtoritajiet pubbliċi u s-settur privat;

      •  żoni urbani u rurali, muntanjużi jew remoti;

      •  kummerċ elettroniku nazzjonali u transkonfinali;

 

39. Iqis li l-industrija kreattiva wkoll għandha rwol importanti fl-ambjent diġitali billi tirrifletti l-valuri u d-diversità kulturali fl-UE;

EWROPA EFFIĊJENTI FIR-RIŻORSI

40. Jitlob li jiġi żgurat aċċess għal u disponibilità ta' sorsi tal-enerġija favur l-ambjent u faċli biex tużahom, permezz ta' implimentazzjoni sħiħa ta' suq tal-enerġija integrat, żvilupp ta' infrastruttura Ewropea tal-enerġija, b'mod partikolari fil-qasam tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u ta' sorsi oħra b'użu baxx ta' karbonju u permezz tal-promozzjoni tal-effiċjenza tal-enerġija fl-oqsma kollha rilevanti;

41. Ifakkar li l-industriji Ewropej f'bosta oqsma jiddependu 100% minn importazzjonijiet ta' materja prima industrijali mhux relatata mal-enerġija, u jirrimarka dwar il-fatt li l-prezzijiet tal-materja prima żdiedu b'mod sostanzjali fis-snin reċenti, prinċipalment minħabba talba dejjem tikber minn ekonomiji emerġenti, sitwazzjoni li hija aggravata minn attivitajiet spekulattivi; iqis li huwa essenzjali li l-UE ssaħħaħ il-politiki tagħha għal dan l-għan u tiżviluppa approċċ politiku koerenti li jiżgura aċċess ġust għal materja prima għall-industrija, inklużi l-oqsma kollha ta' politika rilevanti (azzjoni esterna, kummerċ, ambjent, żvilupp u politika dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni);

42. Iqis li l-Programm tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T), bħala mezz biex jiġi żgurat trasport effiċjenti tal-persuni u tar-riżorsi, jikkostitwixxi pedament tal-ekonomija tal-Unjoni u jagħti spinta sinifikanti għall-ħolqien tal-impjiegi u għall-kompetittività globali tal-UE hija u toħroġ mir-riċessjoni. Dan ifisser li hemm bżonn qawwi ta' żieda sostanzjali fil-finanzjament u fl-ambizzjoni relatati mal-Programm TEN-T. Jeħtieġ li proġetti TEN-T li ġew adottati jinbdew mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tistieden lill-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom f'dan ir-rigward;

43. Ifakkar li koordinazzjoni mtejba u iktar effiċjenti tal-infrastruttura Ewropea fil-mezzi kollha tat-trasport u bejniethom tikkostitiwixxi element ewlieni tal-politika tat-trasport tal-UE. L-ikkompletar u t-tisħiħ tan-nertwerk TEN-T u tal-interkonnessjonijiet bejn il-proġetti TEN-T u l-pajjiżi terzi (speċjalment fl-Ewropa tal-Lvant) għandhom jeqirdu l-ostakli eżistenti li għadhom qed jipprevjenu suq uniku tat-trasport Ewropew. L-estensjoni ta' pjattaformi multinazzjonali se taċċellera l-implimentazzjoni ta' komodalità sħiħa. Din l-implimentazzjoni kkoordinata tal-infrastruttura, ibbażata fuq analiżi xjentifika tal-avvenimenti b'riskju ogħli, se tiżgura ħarsien ambjentali, titjib fil-kundizzjonijiet soċjali u tal-impjieg għall-ħaddiema kif ukoll is-sikurezza u s-sigurtà tal-passiġġieri.

44. Iqis li d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport hija sfida ewlenija għall-politika tat-trasport u hija kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali tal-Unjoni u jiġi żgurat li l-Unjoni tkun minn ta' quddiem nett fl-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-innovazzjoni billi tinħoloq ''Żona Unika Ewropea tat-Trasport'' għaċ-ċittadini tagħha;

ENERĠIJA NADIFA U EFFIĊJENTI: L-EFFIĊJENZA TAL-ENERĠIJA BĦALA OBJETTIV TAL-UE

45. Iqis li l-UE għandha żżomm ir-rwol minn ta' quddiem tagħha fit-teknoloġiji tal-ekonomija sostenibbli u testendi l-marġni kompettitiva tagħha f'dan il-qasam, u għalhekk jeħtieġ li jkun hemm miżuri politiċi konkreti, miri ambizzjużi u miżuri dwar appoġġ finanzjarju adegwat;

46. Jenfasizza l-impenn diġà ġuridikament vinkolanti li daħlet għalih l-UE biex tnaqqas l-emissjonijiet ta' CO2 b'tal-anqas 20% sal-2020, u li l-UE għandha tikkomunika aħjar l-intenzjoni tagħha li timxi lejn tnaqqis ta' 30% fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, bil-kundizzjoni li l-pajjiżi l-oħra jkunu lesti jintrabtu li jieħdu azzjoni adegwata wkoll. Għandu jkun hemm indikaturi ċari u oġġettivi biex jitkejjel il-progress lejn ekonomija tas-suq soċjali sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija. F'dan il-kuntest, il-miri stabbiliti għandhom ikunu realsitiċi u li jistgħu jintlaħqu;

47. Jenfasizza li l-proċessi tal-produzzjoni sostenibbli, flimkien mal-effiċjenza tar-riżorsi u politika ta' enerġija integrata, u l-iżvilupp ulterjuri ta' sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, se jippermettu lill-UE mhux biss li tilħaq il-miri tagħha rigward l-enerġija iżda wkoll li żżomm bażi ta’ manifattura qawwija fl-Ewropa, u li ssaħħaħ il-kompetittività, it-tkabbir u l-impjieg; Fil-fatt, l-effiċjenza tal-enerġija, pereżempju fil-qasam tal-prestazzjoni enerġetika tal-bini, mhux biss hija l-iktar mezz irħis biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u biex tiżdied is-sigurtà tal-enerġija, iżda tikkontribwixxi wkoll għall-ħolqien tal-impjiegi;

48. Jirrimarka li huwa essenzjali li jitlesta s-suq intern tal-enerġija u li l-Istati Membri jitħeġġu jimplimentaw malajr it-tielet pakkett tal-enerġija sabiex jiġu stimulati t-tkabbir ekonomiku, il-ftuħ tas-suq u t-titjib fid-drittijiet tal-konsumatur, u sabiex tissaħħaħ is-sikurezza tal-provvista tal-enerġija tal-UE. Se jkunu meħtieġa investimenti sostanzjali fl-infrastruttura tal-enerġija sal-2020 u wara din id-data, partikolarment biex jittejbu n-netwerks tal-enerġija Ewropej, inklużi n-Netwerks tal-Enerġija Trans-Ewropej;

49. Jenfasizza l-bżonn li jinħoloq supernetwerk Ewropew, biex jiġu żviluppati netwerks intelliġenti u jinħolqu interkonnessjonijiet, li huma essenzjali biex jiġi stimulat is-suq intern tal-enerġija u biex jiġi integrat ammont dejjem jikber ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll biex jiġu żviluppati ulterjorment il-proġetti ewlenin tal-infrastruttura f'pajjiżi terzi, partikolarment fil-Mediterran u fir-reġjuni tal-Eurasja. Il-Parlament jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta pakkett dwar l-infrastruttura tal-enerġija;

50. Jenfasizza li mhux se jkun hemm industrija kompetittiva fl-Ewropa mingħajr sikurezza fil-provvista tal-enerġija. Huwa importanti li tiġi garantita s-sikurezza tal-enerġija fl-UE kollha kemm hi. Is-sikurezza tal-enerġija ma tfissirx biss provvisti garantiti iżda wkoll prezzijiet mhux għoljin wisq u stabbli. Mhux se jkun hemm sikurezza tal-enerġija mingħajr l-ewwel ma jsir sforz li qatt ma sar bħalu qabel biex jiġu interkonnessi n-netwerks. Mhux se jkun hemm sikurezza tal-enerġija mingħajr ma titqajjem il-kwistjoni ta' ritorn lejn l-enerġija nukleari;

POLITIKA INDUSTRIJALI GĦALL-ERA TAL-GLOBALIZZAZZJONI

51. Jitlob li tiġi stabbilita politika industrijali li toħloq l-aħjar ambjent għaż-żamma u l-iżvilupp ta' bażi industrijali b'saħħitha, kompetittiva u diversifikata fl-Ewropa, u jilqa' din il-politika filwaqt li jenfasizza li għandha tkopri s-settur industrijali kollu kemm hu u għandu jkollha l-għan ewlieni li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta' qafas adegwati;

52. Jitlob li jinħolqu kundizzjonijiet ta' qafas adegwati għal politika industrijali ġdida. Il-kumpaniji għandhom ikunu jistgħu jagħżlu d-diversi għażliet teknoloġiċi huma nfushom. M'għandux ikun hemm piżijiet regolatorji addizzjonali għall-kumpaniji;

53. Jenfasizza li hemm bżonn ta' politika industrijali orizzontali sabiex l-industriji Ewropej jingħataw spinta sostenibbli, partikolarment permezz tal-eżami ta' bosta politiki fil-qasam tal-innovazzjoni, il-finanzjament għar-riċerka, il-proġetti ta' turija, il-liġi dwar il-kompetizzjoni, ir-regoli dwar is-Suq Uniku, il-politika kummerċjali u l-obbligi ambjentali;

54. Ifakkar li l-UE2020 għandha tiżvela l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-konverżjoni għal ekonomija sostenibbli li tuża l-enerġija b'mod effiċjenti, u jfakkar li l-faċilitazzjoni tal-aġġustament tal-industrija għall-bidla strutturali hija objettiv tal-Unjoni u tal-Istati Membri;

55. Jippretendi li strateġija komprensiva u bi skop għal teknoloġiji li jiftħu l-possibilitajiet u għall-applikazzjoni tagħhom fl-ekonomija għandha għalhekk tkun tagħmel parti mill-UE2020. Dan għandu jmur oltre l-promozzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' teknoloġiji li jippermettu l-iżvilupp kif imħabbar mill-Kummissjoni fl-inizjattiva tagħha dwar il-politika industrijali;

PJATTAFORMA EWROPEA KONTRA L-FAQAR: INKLUŻJONI U KOEŻJONI SOĊJALI

56. Iqis li politika ta’ koeżjoni b’saħħitha u ffinanzjata sew, li tiġbor fiha r-reġjuni Ewropej kollha, għandha tkun element ewlieni kumplimentari għall-Istrateġija UE2020; Din il-politika, bl-approċċ orizzontali tagħha, hija prekundizzjoni fundamentali għall-ilħiq tal-miri UE2020, kif ukoll għal kisba ta’ koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali. Għalhekk, ir-regoli ta' implimentazzjoni għall-politika dwar il-koeżjoni għandhom jerġgħu jiġu semplifikati sabiex din issir faċli biex wieħed jużaha, b'rispett għall-prinċipju tal-affidabilità u biex jiġi żgurat li tkun politika iktar reattiva f'każ ta' sfidi futuri jew ta' kriżi ekonomika;

57. Jiddispjaċih li l-potenzjal ta' impjegar tal-anzjani u tal-ħaddiema b'diżabilità ġie ttraskurat; jistenna għalhekk li jitressqu proposti maħsuba biex iżidu dan il-potenzjal;

58. Jemmen li kemm iż-żieda fl-impjiegi kif ukoll il-kwalità tal-impjiegi għandhom ikunu punti ewlenin tal-istrateġija u li iffokar iktar qawwi fuq swieq tax-xogħol li jaħdmu kif suppost, kemm nazzjonali kif ukoll Ewropej, huwa vitali sabiex jiżdiedu t-tkabbir u l-produttività u titjieb il-prestazzjoni tal-impjiegi; barra minn hekk, jemmen li l-istrateġija l-ġdida għandha tqiegħed iktar enfasi fuq il-kwalità tal-impjiegi u fuq ix-xogħol deċenti, u għandha tiġbor fiha politiki ekonomiċi orjentati fuq il-provvista u dawk orjentati fuq it-talba, sabiex jiġi pprovdut ferm iktar appoġġ għat-talba fis-suq tax-xogħol;

59. Hu tal-fehma li l-fatt li l-popolazzjoni Ewropea qed jixjieħ jeħtieġ politiki ta' tagħlim tul il-ħajja, fejn jiġi stabbilit li l-opportunitajiet ta' taħriġ għandhom ikunu inkuraġġuti u għandhom jakkumpanjaw lill-individwi tul il-ħajja professjonali tagħhom. Ikun neċessarju li jinżamm għadd ta' persuni attivi fis-suq tax-xogħol u li tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali;

60. Meta jitqiesu l-fatti li (a) il-popolazzjoni dejjem qed tixjieħ u (b) il-pressjoni dejjem qed tiżdied fuq il-finanzi pubbliċi u l-produttività privata, iż-żieda fl-ispejjeż għal din il-popolazzjoni dejjem tixjieħ hija problema strutturali għall-Istati Membri; l-Unjoni Ewropea għandha tadotta l-politika ta' promozzjoni qawwija tal-prinċipju tal-prevenzjoni (f'termini ta' prattiki mediċi kif ukoll ta' inkoraġġiment ta' modi ta' ħajja ta' iktar benefiċċju għas-saħħa) u l-introduzzjoni ta' servizzi bħas-saħħa elettronika fl-istrateġija tagħha fuq medda twila ta' żmien. L-indikaturi tas-saħħa se jikkontribwixxu għal titjib sinifikanti tal-indikaturi ekonomiċi;

61. Iqis li l-kriżi globali għandha tintuża bħala opportunità biex tiġi stabbilita l-bażi għall-iżgurar li l-ekonomija tas-suq soċjali Ewropea ssir mudell ta' soċjetà bbażata fuq is-sostenibilità, is-solidarjetà, l-għarfien, it-tnaqqis deċiżiv fil-faqar u l-ħolqien tal-impjiegi permezz ta' riformi strutturali adegwati tas-suq tax-xogħol u permezz ta' investimenti fuq medda twila ta' żmien. L-Istrateġija UE2020 għandha tiżviluppa l-potenzjal tal-impjiegi tat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli;

62. Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, qed jiġi propost li l-Istati Membri jistabbilixxu ''Patt Territorjali ta' Awtoritajiet Lokali u Reġjonali għal Ewropa 2020 bħala parti mill-governanza tal-istrateġija, bl-għan li jistimula r-reġjuni u l-bliet biex jikkontribwixxu kif xieraq għall-ilħiq tal-objettivi. Dan il-patt għandu jkun ibbażat fuq il-Pjattaforma ta' Monitoraġġ eżistenti ta' Ewropa 2020 tal-Kumitat tar-Reġjuni. Il-Parlament Ewropew għandu jkun involut f'dan il-proċess;

 

63. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni.