Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0354/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0354/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI  dwar l-istrateġija UE 2020 – Strateġija Ewropea ġdida għall-Impjiegi u t-Tkabbir

14.6.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u l-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Lothar Bisky, Nikolaos Chountis, Ilda Figueiredo, Patrick Le Hyaric, Kartika Tamara Liotard, Marisa Matias, Willy Meyer, Miguel Portas, Alfreds Rubiks, Eva-Britt Svensson, Kyriacos Triantaphyllides, Sabine Wils
f'isem il-Grupp GUE/NGL <<<

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0354/2010
Testi mressqa :
B7-0354/2010
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0354/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija UE 2020 – Strateġija Ewropea ġdida għall-Impjiegi u t-Tkabbir

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2009 bit-titolu “Konsultazzjoni dwar l-Istrateġija futura "UE 2020"” (COM(2009)0647),

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2010 bit-titolu “Dokument ta' evalwazzjoni tal-Istrateġija ta' Lisbona” (SEC(2010)0114),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Ewropa 2020 ''Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv'' COM(2010)2020),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Samit tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tas-26 ta’ Marzu 2010 dwar l-Ewropa 2020 u l-gvernanza ekonomika,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija tal-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern dwar iż-żona Ewro tas-7 ta’ Mejju 2010,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa Straordinarja tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tad-9 u l-10 ta’ Mejju 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-inugwaljanza li qed tiżdied fid-distribuzzjoni tad-dħul u l-ġid (qligħ u ġid li qed jiżdiedu, tnaqqis drastiku tas-sehem tal-ħaddiema fid-dħul nazzjonali) f'dawn l-aħħar deċennji sal-2007/2008 kienet il-fattur ewlieni li qanqal it-tkabbir enormi tal-investiment fis-swieq finanzjarji u l-ħolqien ta’ bubbles spekulattivi (l-“Ekonomija l-Ġdida” tal-internet, in-negozju tal-beni immobbli eċċ.),

B.  billi l-politika tal-UE b'mod ġenerali u l-Istrateġija ta' Lisbona b'mod partikulari aggravaw dawn ix-xejriet bl-enfasi tagħhom fuq “il-kompetittività”, fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż, iż-żarmar tal-istat soċjali, fuq is-swieq dejjem aktar flessibbli tax-xogħol, fuq il-liberalizzazzjoni tas-swieq b'mod ġenerali u fuq id-deregolazzjoni tas-swieq finanzjarji b'mod partikulari,

C. billi l-politiki tal-UE b’mod ġenerali u l-Istrateġija ta' Lisbona b'hekk kienu qed jinstigaw lill-Istati Membru biex jadottaw politika li tfittex il-benefiċċju proprju għad-detriment ta’ ħaddieħor (“beggar thy neighbour”), biex dawn jiżbqu wieħed lill-ieħor, u billi dawn il-politiki wittew it-triq għal 'bubblenomics' f'bosta pajjiżi tal-UE, u dan irriżulta f'defiċits dejjem akbar fil-kontijiet kurrenti fuq naħa u fi tkabbir imsejjes fuq kompetittività daqstant ieħor insostenibbli f'xi ftit pajjiżi oħrajn tal-UE fuq in-naħa l-oħra, u b’dan tal-aħħar joħloq eċċessi fil-kontijiet kurrenti permezz tal-politika tad-deflazzjoni tal-pagi u ta' tnaqqis fid-domanda interna,

D. billi l-Istituzzjonijiet Ewropej u l-gvernijiet tal-Istati Membri ma rażżnu bl-ebda mod it-tkabbir tad-diverġenzi ekonomiċi kaġun ta’ din il-kompetizzjoni fiż-żona Euro u fl-UE-27, minħabba t-twemmin sod u daqstant ieħor żbaljat tagħhom li l-instabilità ekonomika tista' tirriżulta biss mill-inflazzjoni jew minn irresponsabilità fiskali,

 

E.  billi, għalhekk, l-Istrateġija ta' Lisbona u l-arkitettura monetarista tal-proġett tal-UE għandhom parti kbira mir-responsabbiltà biex isibu tarf tal-kriżi finanzjarja u ekonomika u talli ma ntlaħqux il-miri tagħhom ta' Liżbona, peress li kienu wittew it-triq għall-effett ta' kontaġju b'"assi tossiċi" permezz tad-deregolazzjoni tas-suq finanzjarju u bil-promozzjoni ta' bubbles spekulattivi wkoll fl-“ekonomija reali”; billi l-argument li l-falliment tal-Istrateġija ta' Lisbona jista' sempliċement ikun attribwit għal fatturi bħall-implimentazzjoni insuffiċjenti tagħha mill-Istati Membri, in-nuqqas ta' kontroll u fatturi simili mhuwiex konvinċenti;

F.  billi minkejja d-diskorsi tagħhom tas-soltu rigward it-teħid ta' azzjoni kollettiva Ewropea u s-solidarjetà, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea niedew politika li tfittex il-benefiċċju proprju għad-detriment ta’ ħaddieħor (“beggar thy neighbour”) permezz tal-kompetizzjoni bejn skemi nazzjonali biex isalvaw is-settur finanzjarju u biex jagħtu stimolu fiskali għall-irkupru; billi l-Programm Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku adottat mill-Kunsill f'Diċembru 2008 qatt ma wassal għal reazzjoni iktar koordinata tal-UE għall-kriżi; billi l-miżuri favur is-salvataġġ tal-banek u l-miżuri ta' stimolu li ġew implimentati s’issa issoċjalizzaw it-telf tas-setturi finanzjarji u industrijali u naqqsu l-pass tar-reċessjoni, mingħajr ma ġġeneraw l-ebda rkupru;

G. billi dawn il-pjanijiet ta' rkupru tfasslu mingħajr kunsiderazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, u billi n-nisa fil-biċċa l-kbira kienu u għadhom esklużi mit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-miżuri ta' rkupru ekonomiku u finanzjarju; billi miżuri ta' stimolu differenti jipproduċu eżiti differenti għan-nisa u għall-irġiel; u billi fl-ewwel fażi tal-kriżi s-setturi ekonomiċi ddominati mill-irġiel intlaqtu b'mod partikulari (bħall-industrija tal-karozzi, l-industrija tal-kostruzzjoni, eċċ), u billi issa jidher ċar li l-effetti fuq żmien medju u twil taż-żieda fid-djun tal-istat ser ikollhom effett serju fuq setturi li jaħdmu fihom il-biċċa l-kbira tan-nisa, u b'mod partikulari fuq l-impjiegi f'setturi pubbliċi u f'setturi tas-servizzi soċjali, tas-saħħa u tal-kura li huma organizzati b'mod pubbliku u/jew issussidjati b'mod pubbliku,

H. billi fl-2009 l-PGD naqas b'4.1% fl-UE; billi xi Stati Membri din is-sena għad għandhom tkabbir ekonomiku negattiv u l-prospettivi tal-UE għall-2010 ma joffrux aktar minn rata ta' tkabbir kajmana u fraġli ta' 0.7% għall-UE-27, flimkien rata medja ta' qgħad b'ċifra doppja, staġnar fil-pagi u diżingranar kontinwu fil-pożizzjonijiet għoljin tad-dejn tas-settur privat; billi s-settur privat għadu mhux f'pożizzjoni li jiġġenera investiment ġdid minħabba livelli baxxi ta' utilizzazzjoni tal-kapaċità, prospettivi ekonomiċi mċajpra u problemi persistenti fl-aċċess għall-kreditu mill-kumpaniji,

I.   billi fl-aħħar tal-2009 l-Kunsill Ewropew qabel dwar “strateġija ta' ħruġ” u nieda proċeduri dwar żbilanċi finanzjarji kontra 20 Stat Membru u talabhom iniżżlu d-defiċits tal-baġits tagħhom taħt it-3% tal-PGD tagħhom sal-2013/14 jew qabel; billi bosta Stati Membri diġà niedew attakki fuq il-pagi u implimentaw tnaqqis drastiku fl-infiq pubbliku, u b'hekk naqqsu l-pagi u l-pensjonijiet fis-settur pubbliku u ċekknu u pprivatizzaw is-servizzi pubbliċi, u ħadu wkoll miżuri biex iżidu l-VAT, il-kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali u l-età statutorja tal-irtirar,

J.   billi din “l-istrateġija ta' ħruġ” tal-UE u l-imġiba tas-settur finanzjarju ħarġu fil-beraħ ċiniżmu profond: id-defiċits huma għolja u d-dejn pubbliku qiegħed dejjem jogħla, l-aktar għaliex il-gvernijiet kienu qed jipproteġu lis-settur finanzjarju mill-konsegwenzi tal-ispekulazzjoni tiegħu u mill-ħsara fuq l-ekonomija li dawn kienu qed jikkaġunaw; billi issa s-swieq finanzjarji qegħdin iduru fuq l-istess gvernijiet li salvawhom, u l-gvernijiet qed ipoġġu l-piż tal-ħlas lura tad-dejn pubbliku lill-istess kredituri tas-settur finanzjarju fuq il-popolazzjoni komuni tal-ħaddiema, tal-pensjonanti eċċ li l-impjieg, il-pagi, il-benefiċċji soċjali u d-drittijiet jinsabu mhedda,

K. billi fil-valutazzjoni tagħha tal-programmi ta' stabbiltà u ta' konverġenza tal-24 Stat Membru tal-UE li saret fis-17 u fl-24 Marzu 2010 u fl-14 ta' April 2010, il-Kummissjoni ħeġġet lil ħafna minnhom biex jieħdu miżuri ta' tnaqqis aktar drastiċi fin-nefqa pubblika u biex jagħmlu iżjed “riformi strutturali”; billi l-Kummissjoni qed tipproponi l-ħolqien ta’ mekkaniżmi ta' sorveljanza aktar stretti fuq iż-żieda fid-defiċits tal-Istati Membri fl-ippjanar baġitarju għall-perjodu ta’ żmien medju; billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tar-Rebbiegħa dwar “il-gvernanza ekonomika” jirrakkomandaw ukoll l-użu tal-Artikolu 136 tat-Trattat (TFUE) bħala strument ta’ sorveljanza baġitarja aktar stretta u għall-iffukar fuq "l-isfidi urġenti tal-iżviluppi fil-kompetittività u l-bilanċ tal-ħlasijiet”,

L.  billi dan it-trażżin fiskali kif rakkomandat mill-Kummissjoni u mill-Kunsill u implimentati mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri qiegħed iżid il-pressjonijiet deflazzjonarji fuq ekonomija li għadha fraġli u staġnata, qiegħed iżarma l-“istabilizzaturi awtomatiċi” bħas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u l-investiment pubbliku li urew l-effettività tagħhom fir-reżistenza kontra d-depressjoni ekonomika u r-riskji li l-ekonomija titreġġa’ lura fir-reċessjoni, u b’hekk ukoll jeqred it-tamiet kollha li xi darba għad jitnaqqas id-dejn pubbliku u li għad tinkiseb il-konsolidazzjoni fiskali,

M. billi, f'dan l-isfond, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet ħames miri għall-istrateġija l-ġdida tal-UE 2020 bħala turija tal-allegat “realiżmu” tagħha; billi fil-biċċa l-kbira tagħhom dawn il-miri huma bbażati fuq miri preċedenti tal-Istrateġija ta' Lisbona; billi l-Kunsill tar-Rebbiegħa tal-UE ma setgħax jilħaq ftehim dwar il-miri dwar dawk li jitilqu mill-iskola kmieni, l-edukazzjoni superjuri u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali; billi din tal-aħħar hija notevoli fid-dawl tar-retorika qawwija tal-gvernijiet tal-Istati Membri u tal-Kunsill rigward il-ħtieġa li jsir investiment fil-persuni u fil-ħiliet u dwar it-trattament serju tal-problema tal-faqar fis-Sena Ewropea Kontra l-Faqar 2010,

N. billi l-politiki tal-UE, l-Istrateġija ta' Lisbona, u b'mod partikulari l-Istrateġija UE 2020 b'mod ġenerali jonqsu milli jindirizzaw il-kwistjoni tat-tranżizzjoni demografika u l-kwistjonijiet tat-tranżizzjonijiet spazjali li jiġru fl-istess waqt u li huma marbuta magħha (ikkaratterizzati minn xejriet ta' urbanizzazzjoni rapida kif ukoll minn tendenzi demografiċi nazzjonali li qed jitbassru fuq il-livell urban),

Rimarki Ġenerali dwar l-Ewropa 2020 u l-gvernanza ekonomika tal-UE

1.  Jenfasizza li l-istrateġija sado-monetarista ta' ħruġ tal-UE mhux ser tippermetti li l-Istati Membri jiksbu l-konsolidazzjoni fiskali, għax din ser iddgħajjef l-istabilizzaturi awtomatiċi bħall-protezzjoni soċjali u l-investiment pubbliku, ser tnaqqas il-pagi u ser tnaqqas ukoll id-dħul mit-taxxa; jirrimarka li "l-gvernanza ekonomika tal-UE" kif proposta mill-Kunsill, skont dawn il-linji ser toħloq rigressjoni soċjali, ekonomija aktar dgħajfa u d-destabbilizzazzjoni tal-integrazzjoni u d-demokrazija Ewropea;

2.  Jirrimarka li jekk ser jibqa' jsir trażżin fiskali bħal dan, mhux ser ikun possibbli li jiġi ġġenerat biżżejjed investiment favur it-tħaddir tal-ekonomija, il-ħolqien ta' impjiegi ġodda, it-titjib fl-edukazzjoni, ħiliet u kompetenzi u fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE 2020, irrispettivament minn kemm it-tfassil ta' dawn l-għanijiet li għandu jsir mill-Kunsill f'Ġunju 2010 jkun ambizzjuż jew le; iqis, għalhekk, li mill-bidu nett tagħha, l-istrateġija UE 2020 hija msejsa fuq wegħdiet fiergħa u li l-eżerċizzji tar-reviżjonijiet annwali tal-“programmi ta' riforma nazzjonali” jistgħu ma jkunux vallapena li jsiru;

3.  Iqis li l-Istrateġija UE 2020 hija nieqsa mill-ambizzjoni, anke meta mqabbla mal-Istrateġija ta' Lisbona li diġà falliet; jikkritika bil-qawwi l-fatt li l-ugwaljanza tan-nisa assolutament mhijiex indirizzata fl-UE l-2020; jirrimarka li fl-isfond taż-żieda fil-qgħad, l-istrateġija ma tipprovdi l-ebda enfasi ċara dwar kif dan jista' jitnaqqas b'mod effettiv permezz ta' strumenti ekonomiċi u ta’ politika għall-impjiegi għal żvilupp sostenibbli u ta’ impjiegi għal kulħadd;

4.  Jenfasizza li fl-Istrateġija ta' Lisbona, ma kinux ir-riżultati tal-kisba tal-għanijiet tagħha li l-iktar kienu jiswew, iżda l-ubbidjenza għad-domma neoliberali: il-pajjiżi Nordiċi u l-Pajjiżi l-Baxxi marru aħjar mill-Istati Uniti f'termini ta' ħolqien ta' impjiegi u kienu minn ta' fuq nett fl-UE fir-rigward tar-rati tal-impjiegi (b'mod ġenerali, għan-nisa, għall-ħaddiema anzjani eċċ), filwaqt li kienu fil-quċċata tal-klassifiki globali tal- “kompetittività”, tas-sostenibbiltà ambjentali u tar-rati tal-faqar baxxi; iqis li kien jagħmel sens li kieku saret promozzjoni ta' valuri, politiki u strumenti egalitarji, soċjali u ekoloġiċi li kienu għadhom stabbiliti fil-"Mudelli Nordiċi" bħala referenza għall-Unjoni Ewropea, iżda minflok il-Kummissjoni u l-Kunsill insistew li dawn il-pajjiżi kellhom iżidu l-flessibbiltà fis-swieq tax-xogħol u jippromovu r-“riformi strutturali” neo-liberali minkejja li huma kisbu l-aħjar riżultati;

5.  Jirrimarka li, minkejja xi retorika superfiċjali dwar “it-tħaddir tal-ekonomija” u l-koeżjoni soċjali, l-ispirtu neoliberali u d-direzzjoni politika tal-UE 2020 għadhom, fil-parti l-kbira tagħhom dawk tal-Istrateġija ta' Lisbona: l-enfasi fuq il-“kompetittività”, iżjed liberalizzazzjoni fis-suq uniku, il-promozzjoni ulterjuri tal-privatizzazzjoni permezz ta' sħubiji pubbliċi-privati, il-qawmien mill-ġdid tal-ispirtu intraprenditorjali – daqs li kieku dawn il-politiki mhux diġà kienu kkontribwew għas-soluzzjoni tal-kriżi ekonomika (pereżempju, r-rwol tal-intraprenditorija żgwidata fl-iżvilupp tal-Ekonomija l-Ġdida u l-bubbles tal-innovazzjoni finanzjarja u l-fqigħ konsekuttiv tagħhom);

Azzjoni kkoordinata b’mod effettiv tul it-tliet u l-ħames snin li ġejjin hija deċiżiva fil-ġlieda kontra l-istaġnar, għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u fil-ġlieda kontra l-qgħad

6.  Jinsisti dwar il-ħtieġa li fit-tliet sa ħames snin li ġejjin ikun hemm stimolu fiskali ulterjuri fil-ġlieda kontra l-istaġnar ekonomiku u fl-iżvilupp ta' strateġija ta' dħul f'impjieg ġodda: Pjan ta' Rkupru tal-UE ġdid, aktar b'saħħtu u mmirat li jarmonizza l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-komponenti kollha tiegħu, li jimmobilizza l-wieħed fil-mija tal-PGD tal-UE kull sena għall-investiment fi żvilupp li jkun sostenibbli f'sens ambjentali, soċjali u ekonomiku, li jippromwovi l-ekwità, ix-xogħol għal kulħadd b'“impjiegi tajbin”, it-tħaddir tal-ekonomija, il-benessri soċjali, il-qerda tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali u l-ħolqien ta’ koeżjoni soċjali u territorjali mtejba fl-UE kollha; jenfasizza li dan għandu jkun akkumpanjat minn miżuri simili fuq il-livell tal-Istati Membri li jkunu kkoordinati b'mod koerenti bejniethom u l-azzjoni fuq livell tal-UE;

7.  Jinnota li huma biss l-irkupru qawwi tal-ekonomija u ż-żieda kwalitattiva fl-impjiegi deċenti u ta’ livell għoli li jistgħu jiżguraw li d-defiċits pubbliċi u d-dejn pubbliku jkun jista' tassew jitnaqqsu fuq perjodu ta’ żmien medju; jenfasizza li l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir ma kienx applikat de facto fl-2008 u fl-2009 sabiex lill-Istati Membri jitħallew iniedu programmi ta' rkupru; jinsisti li l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir ma għandux jiġi applikat;

8.  Jissuġġerixxi li l-investiment mill-pjan ta' rkupru ġdid tal-UE u l-inizjattivi ta' rkupru li jittieħdu mill-Istati Membri għandhom ikunu misjuqa lejn l-iżvilupp sostenibbli, bħall-iffrankar tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli, il-produzzjoni nadifa u l-prevenzjoni tal-iskart, l-iżvilupp urban sostenibbli u l-akkomodazzjoni, il-biedja organika, is-sajd sostenibbli u l-preservazzjoni tal-ekosistemi, it-titjib tal-ilma u tal-effiċjenza tar-riżorsi, ir-rikonverżjoni tal-industrija tal-armamenti, l-espansjoni u t-titjib tas-servizzi pubbliċi, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-kura fuq perjodu twil, is-servizzi soċjali u l-ekonomija soċjali, l-appoġġ favur il-bini tal-akkomodazzjoni pubblika, is-setturi tal-kura u tal-edukazzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar u kontra l-esklużjoni soċjali, bil-għan li jiġi promoss il-ħolqien ta' impjiegi 'ħodor' u 'bojod' iddikjarati;

9.  Jenfasizza li l-aċċess ugwali għall-kura huwa pilastru tal-mudell ta' stat soċjali msejjes fuq is-solidarjetà u l-ugwaljanza, u li l-ġejjieni tal-ekonomiji tal-UE u tal-istati soċjali tagħna se jkunu jiddependu fil-biċċa l-kbira tagħhom mill-organizzazzjoni tal-bżonnijiet ta' kura li qed jiżdiedu; jenfasizza li x-xogħol tal-kura fis-soċjetajiet tagħna, illum sar parti importanti tal-ekonomija, kemm dik formali, kif ukoll informali; fejn il-maġġoranza tal-ħaddiema jkunu nisa, u ħafna drabi mingħajr kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa u/jew sigurtà; jitlob li l-istrateġija 2020 tittratta l-ekonomija tal-kura bil-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ssaħħaħ is-servizz pubbliku għall-provviżjoni tal-kura u l-aċċess ugwali għall-kura għal kulħadd;

10. Jissuġġerixxi li parti mill-programmi ta' investiment tal-pjan ta' rkupru għandha tittratta b'mod partikolari l-fergħat industrijali l-iktar milquta mill-kriżi, sabiex ikun hemm konformità mal-ħtieġa li jkun hemm xogħol diċenti għal kulħadd: ir-rikonverżjoni tal-industrija tal-karozzi lejn servizzi tat-trasport sostenibbli, l-estensjoni tan-netwerks ferrovjarji u l-provvista ta' servizzi spazjalment inklużivi u komprensivi tal-ferroviji reġjonali (Programm Rail Europe 2025), il-promozzjoni ta' bini ta’ bastimenti 'ħodor' u l-istabbilizzazzjoni tal-industrija tal-azzar f'dak il-kuntest; jinsisti li l-UE u l-Istati Membri għandhom jakkumpanjaw din ir-rikonverżjoni b'miżuri favur iż-żamma tal-impjiegi, it-taħriġ, it-taħriġ mill-ġdid u l-iżvilupp tal-ħiliet, u t-tranżizzjonijiet siguri għall-ħaddiema fl-industriji kkonċernati;

11. Jinnota li l-UE u l-Istati Membri għandhom jimplimentaw mekkaniżmi għal ġestjoni pubblika mmirata u demokratikament ikkontrollatata’ investiment mill-pjan il-ġdid ta' rkupru għal dawk is-setturi tal-ekonomija milquta l-aktar mill-kriżi, lejn industriji u servizzi sostenibbli emerġenti ġodda u lejn reġjuni żvantaġġati; jinsisti fuq l-involviment u l-parteċipazzjoni attiva ta' dawk milquta minn dawn l-investimenti; jenfasizza li kull meta l-Istati Membri jipprovdu għajnuniet, kapitalizzazzjoni mill-ġdid u garanziji finanzjarji għall-kumpaniji bi problemi, dan għandu jissarraf f'żieda fl-ishma pubbliċi fl-interessi ta’ votazzjoni u fil-profitti futuri, u dawn għandhom jintużaw biex jinfluwenzaw l-istrateġiji ta' investiment tal-kumpaniji; jirrimarka li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw miżuri għat-tisħiħ tad-demokrazija ekonomika, tal-bidla fil-gvernanza tal-kumpaniji sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-ħaddiema, tat-trejdunjins u tal-konsumaturi u tad-dimensjoni soċjali u ambjentali fl-għażliet strateġiċi tal-kumpaniji u tas-servizzi pubbliċi;

12. Jissuġġerixxi li l-inizjattivi ewlenin tal-UE 2020 proposti mill-Kummissjoni dwar aġenda favur ħiliet u impjiegi ġodda, dwar Ewropa effiċjenti fir-riżorsi, dwar Unjoni għall-Innovazzjoni u dwar il-politika industrijali, għandhom ikunu marbuta mill-qrib mal-pjan ta' rkupru l-ġdid tal-UE, u għandhom jitfasslu mill-ġdid u jiġu armonizzati sabiex jappoġġaw l-iżvilupp sostenibbli;

13. Jenfasizza li jidher li tul l-2009/2010, f’ċerti Stati Membri, il-miżuri sostnuti minn sistemi ta' protezzjoni soċjali għal inqas sigħat ta' xogħol kienu effikaċi biex jillimitaw il-qgħad u jżommu l-ħaddiema f’impjiegi bi qligħ; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jippromwovu t-tnaqqis fil-ħinijiet tax-xogħol madwar l-Unjoni, mingħajr telf ta’ pagi għall-ħaddiema, u l-ħolqien ta' impjiegi addizzjonali sabiex tiġi evitata żieda fl-ammont ta' xogħol, din tista’ tiġi megħjuna b'għajnuniet li jonqsu b’mod gradwali lil negozji tul perjodu tranżitorju matul l-istaġnar ekonomiku;

14. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jippromwovu r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u dik mhux professjonali, li tista’ tinkiseb bit-tiġdid tal-mudell ta’ impjieg standard: kuntratti permanenti b’impjieg full time iqsar bħala n-norma ġenerali, u wkoll bil-ħolqien ta’ normi għall-impjiegi part time, sabiex jiġi offrut biss impjieg part time sostanzjat protett u soċjalment (15-25 sigħat kull ġimgħa) lil dawk li jixtiequ jaħdmu part time, jenfasizza l-ħtieġa li l-impjiegi part time u full time jkollhom l-istess parametri ta’ ħlas fis-siegħa, intitolamenti għall-edukazzjoni u għat-tagħlim tul il-ħajja, opportunitajiet ta’ karriera u protezzjoni soċjali;

15. Jenfasizza li l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi (EES) u l-Linji Gwida għall-Impjiegi għaċ-ċiklu li jmiss bejn l-2010 sal-2013 m'għandhomx ikunu bbażati fuq l-approċċ tal-flessigurtà, iżda minflok għandhom jibdew mill-kunċett ta' “Ħidma Tajba” bħala l-punt ta' riferiment ċentrali tagħhom, b'iffokar qawwi fuq il-promozzjoni tal-kwalità fix-xogħol, sigurtà soċjali u inklużjoni soċjali mtejba, it-tisħiħ tad-drittijiet eżistenti tal-ħaddiema, l-introduzzjoni ta' drittijiet ġodda, il-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, tmexxija aħjar tar-riskji soċjali u r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol mal-ħajja privata; jinsisti li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri effettivi għall-eliminazzjoni gradwali tal-impjieg prekarju u atipiku;

16. Jinsisti li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom iressqu Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ li tiżgura d-dritt għal kull żagħżugħ fl-UE li jiġi offrut impjieg xieraq imħallas sew f’konformità mal-kwalifiki u l-ħiliet tagħhom, apprendistat, taħriġ addizzjonali jew taħlita ta’ xogħol u taħriġ mill-ewwel kif jiffaċċja nuqqas ta’ impjieg;

17. Iqis li t-tnaqqis fil-pagi, u l-fatt li l-ħaddiema Ewropej jiġu mġiegħla jqaċċtu mis-salarji ta' xulxin, se jwasslu għal deflazzjoni, għat-tnaqqis tal-poter ta' xiri u tat-talba interna u jżidu r-riskju li l-ekonomija terġa' taqa' f'riċessjoni; jinsisti dwar il-bżonn li jiġu stabbiliti limiti minimi effettivi għall-pagi fl-iktar livelli baxxi tas-suq tax-xogħol (salarji minimi, u wkoll il-kunċett ta' paga għall-għajxien) kif ukoll limiti massimi (salarji massimi, pereżempju għoxrin darba aktar mis-salarju medju), l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament u paga indaqs għal xogħol indaqs, jew xogħol ta' valur egwali fl-istess post tax-xogħol, filwaqt li jkun hemm il-possibilità ta' żviluppi fil-pagi għoljin bħala kumpens għall-inflazzjoni, iż-żidiet fil-produttività u komponent qawwi ta' distribuzzjoni mill-ġdid;

18. Jikkunsidra li l-iżbilanċi fil-kontijiet attwali fl-UE-27 – pajjiżi b'defiċits kbar fil-kontijiet kurrenti fl-Ewropa tan-Nofsinhar u tal-Lvant, pajjiżi b'bilanċi favorevoli fil-kontijiet kurrenti, bħall-Ġermanja, l-Awstrija u l-Olanda – għandhom jiġu indirizzati bir-reqqa mill-gvernanza ekonomika tal-UE; jenfasizza li l-pajjiżi b'bilanċi favorevoli jeħtieġu jċaqalqu l-iżvilupp ekonomiku tagħhom b'mod li jsaħħaħ it-talba interna u l-ekonomija interna tagħhom; jipproponi li jitwaqqaf mekkaniżmu ta' ''clearing union'' fl-UE-27 li jobbliga lill-pajjiżi b'bilanċi favorevoli jħallsu rati tal-interessi pożittivi lill-pajjiżi b'defiċit, u b'hekk jippermettulhom jinvestu fil-modernizzazzjoni tal-produzzjoni, tas-servizzi u tal-infrastruttura, iżidu l-produttività u jnaqqsu d-defiċits fil-kontijiet kurrenti;19.  Jenfasizza l-istima tal-Kummissjoni li d-dejn pubbliku tal-UE-27 se jiżdied b'medja ta' 84% jew iktar fl-2011, minkejja l-isforzi ta' ''konsolidazzjoni fiskali'' min-naħa tal-Istati Membri; jirrimarka li żviluppi reċenti dwar il-possibilità li l-Greċja ma jirnexxilhiex tevita l-falliment jistgħu jwasslu għall-''agħar xenarju possibbli'' li jkun hemm iktar Stati Membri li jfallu, u jwassal għall-qerda totali taż-żona tal-euro; iqis li hemm bżonn urġenti li jiġi żviluppat ''pjan sekondarju'' biex jiġi ffaċċjat xenarju bħal dan, fuq bażi ta' taħtlita ta' politiki ta' negozjar ta' kkanċellar u tqassim mill-ġdid tad-dejn pubbliku ma' banek u istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll teħid ta' miżuri mhux konvenzjonali min-naħa tal-Bank Ċentrali Ewropew, biex jespandi l-karta tal-bilanċ tiegħu u jimmonetizza d-dejn permezz tal-akkwist ta' bonds nazzjonali permezz tal-għodda tiegħu ta' ''operazzjonijiet strutturali'', biex jiġi evitat kollass ekonomiku;

Sorsi ġodda ta' Finanzjament u regolamenti ġodda għal irkupru sostenibbli

20. Jitlob lill-Kunsill biex jestendi l-mandat tal-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) u tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), sabiex il-politiki ta' self tagħhom ikunu jistgħu jkopru l-partijiet kollha tal-Pjan Ewropew għall-Irkupru l-ġdid (inkluża, pereżempju, l-politika industrijali sostenibbli, eċċ);

 

21. Jitlob lill-Kunsill biex jistabbilixxi bond komuni għall-UE, maħruġ mill-Bank Ewropew għall-Investiment, garantit kollettivament mill-gvernijiet tal-UE-27 u appoġġat bid-dħul mit-taxxi nazzjonali, kif ukoll minn appoġġ fi flus mill-Bank Ċentrali Ewropew, b'rata tal-interessi ta' 1%; jirrimarka li bond komuni għall-UE bħal dan għandu biss jintuża fil-ġlieda kontra l-ispekulazzjoni finanzjarja u biex jeqred tixrid kurrenti fuq id-dejn nazzjonali, iżda partikolarment biex jiġi ffinanzjat il-Pjan ta' Rkupru l-ġdid tal-UE; jinnota li mhux biss il-pajjiżi taż-żona tal-euro, iżda l-Istati Membri kollha għandhom jibbenefikaw mill-ħolqien tal-kreditu permezz tal-bond komuni għall-UE; iqis li bil-finanzjament tal-investimenti permezz tal-BEI, minflok permezz ta' self fuq swieq ta' kapital privat, l-UE u l-Istati Membri jġemmgħu l-flus, li jistgħu mbagħad jużawhom biex jagħtu spinta ulterjuri lill-investimenti;

 

22. Jenfasizza li tista' tintlaħaq rata ta' multiplikazzjoni tal-impjieg u tad-dħul ta' 1.5 sa 2 għal tali investiment pubbliku mmexxi mill-BEI, u b'hekk ikun hemm il-prospett li l-miżuri skont il-Pjan ta' Rkupru tal-UE jistgħu jiffinanzjaw lilhom infushom fil-parti l-kbira;

 

23. Jenfasizza l-fatt li kwalunkwe appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri permezz ta' bonds tal-UE għandu jkun marbut mal-prinċipji tal-Mudell Soċjali Ewropew, m'għandux ikun jinvolvi tnaqqis mis-settur pubbliku, iffriżar ta' pagi deflazzjonarji eċċ. u għandu jseħħ b'mod gradwali biex jiġi evitat trażżin fiskali proċikliku; jistieden lill-Kunsill jirrevoka r-rekwiżiti kondizzjonali imposti fuq il-Greċja kif ukoll dawk imposti fuq il-Latvja, ir-Rumanija u l-Ungerija, fil-kuntest tal-għajnuna għal emerġenza mill-UE u mill-FMI;

 

24. Jistieden lill-Kunsill biex jistabbilixxi Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji ġenerali (FTT) fil-livell tal-UE, biex tinqered l-ispekulazzjoni u jiġi żgurat li s-settur finanzjarju jikkontribwixxi b'mod ġust għall-irkupru ekonomiku u għall-finanzjament mill-ġdid tal-piż fiskali ta' operazzjonijiet ta' salvataġġ pubbliku; jirrimarka li skont studji reċenti, fl-Ewropa, FTT ġenerali ta' 0.1% jista' jiġġenera dħul annwali ta' 2.1% tal-PGD (madwar EUR 262 biljun); jipproponi li d-dħul minn FTT ġenerali għandu jintuża għal għajnuna għall-iżvilupp, miżuri kontra l-kriżi, kif ukoll għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli;

 

25. Jirrimarka li l-banek għad għandhom garanzija impliċita iżda qawwija fuq salvataġġ tas-settur pubbliku, anke wara l-operazzjonijiet ta' salvataġġ u l-garanziji tal-gvern (li jammontaw għal EUR 3 triljuni fl-Ewropa), iżda li fl-istess ħin ma jħallsux miżata għal dan; jitlob lill-Kunsill biex jaqbel dwar skema għall-introduzzjoni ta' taxxi fuq il-karti tal-bilanċ fuq id-djun tal-banek (minbarra d-depożiti); jirrimarka li permezz ta' tfassil tar-rata tat-taxxa skont id-daqs tal-karti tal-bilanċ, il-gvernijiet jistgħu jżidu t-taxxa fuq banek kbar, u b'hekk jindirizzaw il-problema li l-banek isiru ''kbar wisq biex ifallu'';

 

26. Jistieden lill-Istati Membri jżidu t-taxxi fuq il-bonusijiet tal-banek u tal-maniġers, fuq id-dħul mill-kapital (dividends, rati tal-interessi), fuq il-profitt mill-kapital u fuq ammonti kbar u wirt, filwaqt li dan id-dħul jintuża biex jiżdied l-investiment immexxi mis-settur pubbliku; jirrimarka li b'dan il-mod, id-dinamiki jistgħu jissaħħu u jiddaħħlu fi strateġija għal żvilupp ambjentali u soċjali sostenibbli, sabiex jitnaqqsu d-defiċits fuq medda ta' żmien medja; jinnota li l-Istati Membri għandhom jipprevedu qtugħ fl-infiq militari u fis-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent biex jgħinu l-konsolidazzjoni fiskali;

 

27. Jirrimarka li flejjes addizzjonali għall-Pjan ta' Rkupru Ewropew il-ġdid għandhom jiġu mobilizzati permezz ta' tnaqqis fil-baġit tal-UE fir-rigward, pereżempju, ta' nfiq militari u għad-difiża, poter nukleari u fużjoni nukleari, proġetti ta' fondi strutturali u proġetti TEN li jagħmlu ħsara lill-ambjent; iqis ukoll li jeħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri ta' appoġġ baġitarju għal pajjiżi li jinsabu f'sitwazzjoni ta' kriżi iktar serja, partikolarment permezz ta' avvanz ta' fondi Komunitarji mingħajr il-ħtieġa għal kontropartijiet nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iġeddu t-taffija stabbilita reċentement tar-regoli relatati mal-għajnuna statali, sakemm tkun għada teżisti qagħda ta' staġnar u ta' qgħad qawwi;

 

28. Huwa tal-fehma li s-settur finanzjarju għandu jopera l-ewwel u qabel kollox fl-interess pubbliku, jaċċetta qligħ iktar baxx u jkun ippreparat biex jiffaċċja r-riskji u jilħaq il-miri fuq medda twila ta' żmien, minflok ikun iffokat fuq qligħ fuq medda qasira ta' żmien; iqis li s-soċjalizzazzjoni tas-settur bankarju u t-twaqqif ta' pilastru finanzjarju pubbliku (banek nazzjonalizzati, banek għat-tiġmigħ lokali u reġjonali, banek kooperattivi) huma neċessarji b'mod urġenti biex il-kreditu jkun iffokat fuq investiment ta' utilità soċjali u ambjentali, li joħloq impjiegi ta' kwalità bi drittijiet għall-ħaddiema; iqis li t-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-politiki ta' kreditu tas-settur finanzjarju għandhom isiru taħt kontroll pubbliku demokratiku u bil-parteċipazzjoni demokratika tal-impjegati u l-konsumaturi;

 

29. Jinsisti dwar miżuri qawwija biex tinqered l-ispekulazzjoni fis-suq finanzjarju; jenfasizza l-ħtieġa għal miżuri urġenti immedjati biex jiġi pprojbit bejgħ u negozju skoperti fi 'credit default swaps' (swaps ta’ nuqqas fl-obbligu ta’ kreditu) u biex tiġi stabbilita aġenzija pubblika Ewropea ta' klassifikazzjoni; jirrimarka li l-fondi spekulattivi (hedge funds) u l-fondi tal-kapital privat għandhom ikunu pprojbiti li joperaw fl-UE jew mill-inqas ristretti sew, iċ-ċentri offshore għandhom jingħalqu u l-investimenti ta' fondi ta' pensjoni għandhom jiġu limitati strettament għal bonds ta' gvernijiet Ewropej, bi projbizzjoni ta' investimenti f'fondi spekulattivi (hedge funds) u fondi tal-kapital privat, fi flus barranin, derivattivi u kapital; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jgħaġġlu r-regolamentazzjoni iktar stretta ta' żbalji fis-settur finanzjarju;

 

Kummenti ulterjuri dwar il-miri u ż-żoni politiċi ta' UE 2020

30. Jappoġġa l-proposta tal-Presidenza Spanjola li tiwaqqaf mira ewlenija fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi għall-Istrateġija UE 2020; jinsisti dwar kapitolu speċifiku rigward l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istrateġija, li jikkomplimenta l-prinċipju tal-integrazzjoni tas-sessi; jirrimarka li kapitolu speċifiku ta' dan it-tip għandu jindirizza l-kwistjonijiet kollha tal-istrateġija 2020 bl-għan li jikkontribwixxi fil-kisba ta' iktar ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, bħar-reviżjoni tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali bl-għan li jiġu aboliti elementi li jiġġeneraw inugwaljanza bejn is-sessi, u b'hekk jiġu żgurati kundizzjonijiet imtejba tax-xogħol f'setturi fejn jaħdmu n-nisa, jitnaqqas l-impjieg part time involontarju, ikun hemm ugwaljanza bejn is-sessi fit-taħriġ u fl-edukazzjoni, eċċ.;

 

31. Jitlob li tiġi stabbilita mira biex id-differenzi bejn is-salarji tal-irġiel u tan-nisa jinżlu għal 0-5% sal-2020, u wkoll biex ikun hemm miri għal żieda fil-provvista ta' servizzi ta' kura aċċessibbli, mhux għoljin, flessibbli u ta' kwalità għal kulħadd, partikolarment aċċess għal faċilitajiet ta' kura tat-tfal billi jkun hemm il-mira li tiġi żgurata 70% tal-kura meħtieġa għal tfal sat-3 snin, u 100% tal-kura għal tfal bejn it-3 u s-6 snin, jinsisti biex tul il-perjodu ta' validità tal-Istrateġija UE 2020, jiġu introdotti miri speċifiċi għall-kura ta' persuni oħra dipendenti, inklużi l-anzjani, fuq il-bażi ta' evalwazzjoni kontinwa tal-bżonnijiet ta' kura attwali u potenzjali;

 

32. Iqis li l-mira ewlenija tal-UE 2020 dwar ir-rata ta' impjieg ġenerali (75%) għandha wkoll tiġi ffissata għar-rata ta' impjieg tan-nisa, u t-tnejn għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta' ekwivalenti full time; jipproponi mira addizzjonali biex il-qgħad jonqos bin-nofs sal-2015;

 

33. Jitlob li jkun hemm miri iktar ambizzjużi relatati mal-klima u mal-enerġija; it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 b'40% sal-2020 u bi 80% sal-2050, meta mqabbla mal-1990, u ż-żieda tar-rata ta' rinnovabbli fil-provvista tal-elettriku għal 35% sal-2020; jipproponi li jiġu stabbiliti miri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet għas-settur tat-trasport, inkluż l-avjazzjoni u t-tbaħħir; jitlob li jiġu ffissati miri dwar it-tnaqqis tal-użu tar-riżorsi u l-prevenzjoni tal-iskart; jinsisti f'dan il-kuntest dwar il-bżonn li titnieda ''Strateġija ta' Salvataġġ tal-Bijodiversità'' għar-ristawr tal-ekosistemi u dwar ''il-prova tal-ekosistemi'' għal politiki settorjali bħall-agrikoltura kif ukoll it-trasport, l-enerġija u l-ippjanar spazjali; jitlob li ssir reviżjoni bir-reqqas tal-Politika Agrikola Komuni sabiex tiġi promossa s-sovranità tal-ikel f'kull pajjiż, jitnaqqsu l-importazzjonijiet tal-ikel, u tingħata prijorità lill-produzzjoni lokali u lill-konsum lokali biex jiġi ffaċċjat it-tibdil fil-klima;

 

34. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni tqiegħed il-preservazzjoni tal-enerġija, tar-riżorsi naturali u tal-materja prima kompletament fil-kuntest tal-''kompetittività futura tal-industrija tagħna u tal-ekonomiji tagħna'', u b'hekk torbotha b'interessi kummerċjali li se jinsistu li huma aċċettabbli biss dawk il-miżuri li jiġġeneraw profitt immedjat; jitlob li ssir reviżjoni tal-Mekkaniżmu ta' Żvilupp Nadif u tas-sistema ta' Skambju tal-Emissjonijiet, li bħalissa qed tipperikola serjament il-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 fl-UE u madwar id-dinja;

 

35. Iħeġġeġ lil-Kunsill biex jiftiehem dwar mira ewlenija biex il-faqar jitnaqqas bin-nofs sal-2015; jiddispjaċih ferm li l-Kummissjoni qed iċċekken il-proposta li kienet għamlet dwar l-inizjattiva prominenti rigward il-Pjattaforma Ewropea għall-ġlieda kontra l-faqar, li issa għandha ''tiżgura li l-benefiċċji tat-tkabbir u tal-impjiegi jinfirxu b'mod wiesa' sabiex in-nies foqra ikunu jistgħu jagħmlu parti attiva mis-soċjetà''; jinsisti li l-UE madankollu għandha timmira li teqred il-faqar u l-esklużjoni soċjali, u mhux biss li tippermetti lill-persuni foqra illi jidraw is-sitwazzjoni ddisprata tagħhom permezz ta' aċċess imtejjeb għal servizzi;

 

36. Jinsisti dwar it-talba tiegħu għal approċċ immirat fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, b'mod partikolari dwar mira ġenerali biex jitnaqqas il-faqar tat-tfal bin-nofs sal-2012, biex ma jkunx għad fadal niex mingħajr post fejn jgħixu sal-2015, biex tiġi ffisata mira tal-UE dwar pagi minimi (ftehimiet statutorji kollettivi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew settorjali) li tipprevedi rimunerazzjoni ta' mill-inqas 60 % tas-salarju medju rispettiv (nazzjonali, settorjali eċċ.), mira tal-UE għal skemi ta' dħul minimu u skemi ta' dħul ta' sostituzzjoni b'kumpens, li jipprovdu appoġġ fi dħul ta' mill-inqas 60 % tad-dħul nazzjonali medju, u skeda ta' żmien rigward l-ilħiq ta' dawn il-miri mill-Istati Membri kollha; jirrimarka li n-nuqqas ta' housing adegwat għandu jiġi indirizzat fil-livell Ewropew u tal-Istati Membri sabiex ma jkunx għad fadal persuni mingħajr post fejn jgħixu;

 

37. Jieħu nota li l-Kunsill tar-Rebbiegħa ftiehem dwar kif kif għandu jiġu indirizzati ostakoli għat-tkabbir fil-qafas tal-UE 2020, inter alia permezz ta' approfondiment ulterjuri tas-suq uniku; jieħu nota li l-Kummissjoni qed tippjana għadd kbir ta' inizjattivi sal-2012 f'dan ir-rigward; jikkritika b'mod ħarex il-fatt li l-istrateġija tas-suq intern tal-Kummissjoni u tal-Kunsill għandha l-għan li ssaħħaħ l-aġenda tagħhom ta' liberalizzazzjoni u ta' privatizzazzjoni; jinsisti dwar reviżjoni bir-reqqa tal-istrateġija tas-suq uniku, li l-punt fokali tagħha għandu jkun iċ-ċittadini u mhux l-impriżi kbar, li tistabbilixxi dimensjoni soċjali u ambjentali b'saħħitha fuq il-bażi ta' miri speċifiċi u li jistgħu jitkejlu, li jirriflettu l-interessi tal-ħaddiema, tal-konsumaturi u tas-SMEs;

 

38. Jikkritika bis-saħħa l-impenn tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li jissoktaw bl-aġenda ta' ''regolamentazzjoni mtejba'', li issa hija magħrufa bħala ''regolamentazzjoni intelliġenti'', fil-kuntest tal-UE 2020, li għandha l-għan li tillimita l-kapaċità regolatorja tal-awtoritajiet pubbliċi; jenfasizza li r-riżultati negattivi tal-kriżi finanzjarja ma wrewx biss kemm huwa urġenti li tissaħħaħ sew ir-regolamentazzjoni pubblika; jirrimarka l-ħtieġa li tissaħħaħ l-evalwazzjoni obbligatorja tas-sostenibilità tal-għanijiet ambjentali, soċjali, dwar is-sessi u l-ugwaljanza, u li jiġu evalwati l-ispejjeż tal-azzjoni u tan-nuqqas ta' azzjoni; jenfasizza li l-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt li jistabbilixxu kontrolli tal-prezzijiet sabiex jaġġustaw prezzijiet ta' oġġetti bażiċi li jkunu qed jogħlew;

 

39. Jieħu nota tal-konklużjoni tal-Kunsill tar-Rebbiegħa biex tiġi stabbilita ''dimensjoni esterna'' tal-UE2020 sabiex ''jiġu promossi l-interessi u l-pożizzjonijiet tagħna fuq skala dinjija permezz tal-parteċipazzjoni fi swieq miftuħa u ġusti madwar id-dinja''; javża dwar politika kummerċjali tal-UE iktar aggressiva u jtenni l-ħtieġa għal politika kummerċjali li tilħaq standards soċjali, ambjentali u ta' drittijiet tal-bniedem sabiex jinqered il-faqar, u jinkisbu s-sostenibilità u l-iżvilupp, kif ukoll kummerċ ġust u bbilanċjat bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

 

Governanza ekonomika tal-UE, il-mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja Ewropea u d-dibattitu tal-Kunsill dwar it-tibdil tat-Trattat

 

40. Jikkritika l-proposti tat-Task Force immexxija mill-President tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill ECOFIN dwar sorveljanza fiskali iktar stretta u dwar miżuri ta' ''riforma strutturali'' biex jiġu indirizzati l-kompetittività u l-bilanċ ta' żviluppi fil-ħlasijiet fi ħdan iż-żona tal-euro;

 

41. Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kunsill ECOFIN li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' Stabilizzazzjoni Finanzjarja Ewropea b'volum totali massimu ta' EUR 500 biljun, fuq bażi tal-Artikolu 122.2 tat-Trattat u ftehim intergovernattiv tal-Istati Membri taż-żona tal-euro sabiex jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju għall-Istati Membri f'diffikultà; jaqbel li huwa meħtieġ mekkaniżmu ta' Stabilizzazzjoni biex jibbilanċja l-periklu ta' effett ''domino'' ta' falliment statali possibbli ta' Stat Membru fiż-żona tal-euro; ma jaqbilx madankollu li l-attivazzjoni u l-għajnuna bil-mekkniżmu ta' Stabilizzazzjoni għandhom ikunu soġġetti għal kondizzjonalità qawwija simili għal appoġġ reċenti UE/FMI u li l-FMI tipparteċipa fl-arranġamenti finanzjarji tal-mekkaniżmu;

 

42. Jopponi bil-qawwa l-intenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li joħolqu qafas għal politiki ta' konsolidazzjoni fiskali tal-Istati Membri saħansitra iktar mgħaġġla, biex jintalbu b'mod partikolari miżuri addizzjonali sinifikanti ta' konsolidazzjoni fl-2010 u fl-2011 mill-Portugall u minn Spanja, u li jiġu imposti regoli u proċeduri iktar stretti għas-sorveljanza tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u sanzjonijiet ''iktar effettivi'' minn dawk previsti attwalment mill-Patt ta' Stabilità u Tkabbir; jemmen li politiki bħal dawn se jwasslu biss għal iktar tisħiħ deflazzjonarju tal-kriżi u se jsaħħu politiki proċikliċi u antisoċjali kontra Stati Membri li jinsabu f'diffikultà;

 

43. Jieħu nota li l-Kunsill ECOFIN enfasizza l-bżonn li jsir progress rapidu fir-rigward tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-suq finanzjarju, b'mod partikolari fir-rigward tas-swieq derivattivi u r-rwol tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni, kif ukoll fir-rigward ta' kontribut sostanzjali tas-settur finanzjarju għall-ispiża tal-kriżi; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ifittxu jressqu proposti effettivi f'dan ir-rigward;

 

44. Jilqa' r-reviżjoni reċenti tal-politiki makroekonomiċi fl-FMI, li taqbel li titneħħa l-kondizzjonalità rigward trażżin fiskali ħarex wisq, liberalizzazzjoni, privatizzazzjoni u politiki ta' deregolamentazzjoni, li jipproponu li jiġu permessi kontrolli ta' ċaqliq tal-kapital kif ukoll mira ta' inflazzjoni ta' 4%; jissuġġerixxi li l-UE għandha tniedi proċess simili ta' reviżjoni tat-taħlita tagħha ta' politika makroekonomika u ta' governanza ekonomika;

 

45. Iqis li kwalunkwe dibattitu serju dwar it-tibdil tat-Trattat tal-UE fid-dawl tal-kriżi għandu jiffoka l-ewwel u qabel kollox fuq il-qirda tal-istruttura monetarista mħaddna fih: it-tneħħija tal-kriterji disfunzjonali ta' Maastricht għall-Unjoni Monetarja Ewropea, it-twaqqif ta' kriterji għal ''konverġenza reali'' u ta' mekkaniżmi ta' appoġġ biex l-Istati Membri jissodisfaw dawn il-kritejri, ir-revoka tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir li għandu jiġi sostitwit b'Patt għall-Impjieg u l-Iżvilupp Sostenibbli, it-tfassil mill-ġdid tal-istatut tal-Bank Ċentrali Ewropew sabiex isir responsabbli demokratikament u biex titneħħa l-''indipendenza assoluta'' tiegħu, terġa' tiġi definita l-missjoni tiegħu biex jappoġġa żvilupp ekonomiku sostenibbli u bbilanċjat, impjieg sħiħ, stabilità finanzjarja u stabilità fil-prezzijiet u fir-rata tal-kambju, biex jissemmew xi wħud mill-iktar tibdiliet fundamentali li għandhom isiru fit-Trattat;

 

46. Jinsisti biex, fid-dawl tad-dibattitu dwar is-suq uniku, tiġi introdotta Klawsola ta' Progress Soċjali fil-liġi primarja tal-UE, li tistipula li d-drittijiet fundamentali b'mod ġenerali u d-dritt għall-istrajk u l-azzjoni industrijali, in-negozjar kollettiv eċċ. dejjem ikollhom prijorità fuq il-''libertajiet fundamentali'' tas-suq intern;

 

47.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.