MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Peniżola Koreana
14.6.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0358/2010
B7‑0358/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Peniżola Koreana
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-risoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Populari Demokratika tal-Korea (DPRK),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura,
A. billi fis-26 ta' Marzu 2010 splużżjoni kkawżat l-għarqa tal-bastiment tal-gwerra ROKS Cheonan u kkawżat il-mewt ta' 46 persuna,
B. billi tim ta' esperti mill-Korea ta' Isfel (ROK), il-Gran Brettanja, l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Awstralja u l-Isvezja għamlu stħarriġ dwar l-għarqa ta' Cheonan,
C. billi dan l-istħarriġ wera biċ-ċar li d-DPRK kien responsabbli għall-għarqa u bħala prova indikaw il-fatt li l-partijiet ta' torpedo li nstabu waqt l-investigazzjoni kienu jaqblu ma' tip ta' torpedo tal-Korea ta' Fuq, CHT-03D,
D. billi kien hemm kundanna internazzjonali mifruxa tad-DPRK bħala riżultat ta' din l-azzjoni,
E. billi r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea kkundanna din l-għarqa ta' Cheonan bħala azzjoni attroċi u ta' irresponsabbiltà kbira,
F. billi l-gvern tar-Repubblika Populari taċ-Ċina għadu sa issa naqas milli jikkundanna l-għarqa ta' Cheonan,
G. billi r-ROK kompla jibgħat għajnuna umanitarja lid-DPRK minkejja s-sitwazzjoni diplomatika diffiċli,
H. billi r-ROK irreferiet il-kwistjoni lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,
I. billi Ġunju 2010 jirrapreżenta l-għaxar anniversarju mill-bidu tat-taħditiet bejn il-Korea ta' Fuq u ta' Isfel dwar il-Peniżola Koreana,
J. billi l-Gvern tad-DPRK qed ikompli b'abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem tal-poplu tal-Korea ta' Fuq, inkluż l-użu tat-tortura u eżekuzzjonijiet sommarji,
K. billi huwa allegat li d-DPRK huwa ċentru għall-produzzjoni ta' flus foloz,
L. billi d-DPRK qed ikompli jiżviluppa l-programm ta' armi nukleari tiegħu,
M. billi r-Riżoluzzjoni 1928 (2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tas-7 ta' Ġunju 2010 estendiet il-mandat tal-Panil ta' Esperti li jimmoniterja s-sanzjonijiet kontra d-DPRK sat-12 ta' Ġunju 2011,
1. Jitlob lill-Gvern tad-DPRK sabiex jammetti r-responsabbiltà tiegħu u jitlob skuża għall-għarqa ta' ROKS Cheonan;
2. Jitlob lill-komunità internazzjonali sabiex tkompli tagħmel pressjoni fuq id-DPRK sabiex tirrispetta l-impenji tagħha skont il-liġi internazzjonali;
3. Jitlob lill-Gvern tar-Repubblika Populari taċ-Ċina sabiex taġixxi b'responsabbiltà bħala membru permanenti tan-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti billi tuża l-influwenza ekonomika konsiderevoli tagħħa fuq id-DPRK sabiex tnaqqas it-tensjonijiet fil-Peniżola Koreana;
4. Iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika Populari taċ-Ċina sabiex tuża l-influwenza tagħha favur lil-bidu mill-ġdid tat-taħditiet bejn is-sitt partijiet;
5. Ifaħħar ir-rwol tal-militar tal-Istati Uniti li bil-preżenza tiegħu fl-ROK jipprovdi influwenza stabilatriċi fir-reġjun;
6. Ifaħħar il-Gvern tal-ROK għar-reazzjoni limitata u meqjusa tiegħu għar-riżultati tal-investigazzjoni internazzjonali minkejja t-telfa ta' 46 baħri tagħha;
7. Ifaħħar il-Gvern tal-ROK għad-deċiżjoni tiegħu li jkompli jibgħat għajnuna umanitarja lid-DPRK;
8. Jitlob lill-komunità internazzjonali sabiex tkompli tagħmel pressjoni fuq il-gvern tad-DPRK sabiex itemm l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-poplu tal-Korea ta' Fuq;
9. Jilqa' bi pjaċir id-deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzzjonijiet Uniti sabiex jestendi l-mandat tal-Panil ta' Esperti u jistieden lill-Gvern tad-DPRK sabiex itemm il-programm ta' armi nukleari tiegħu;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tar-Repubblika Populari Demokratika tal-Korea, lill-Gvern tar-Repubblika tal-Korea u lill-Gvern tar-Repubblika Populari taċ-Ċina.