MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Peniżola Koreana
14.6.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Willy Meyer, Nikolaos Chountis, Jaromír Kohlíček f'isem il-Grupp GUE/NGL
B7‑0364/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Peniżola Koreana
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Peniżola Koreana,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar ir-Repubblika tal-Korea (RoK) u r-Repubblika Populari Demokratika tal-Korea (DPRK),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura,
A. billi fis-26 ta' Marzu 2010 il-corvette tal-Korea ta' Isfel, Cheonan, għerqet u kkawżat il-mewt traġika ta' 46 persuna,
B. billi sa minn dan l-inċident żdiedu drammatikament it-tensjonijiet fil-Peniżola Koreana,
C. billi kien hemm investigazzjoni mill-militar tal-Korea ta' Isfel, l-Istati Uniti, l-Awstralja, l-Isvezja u l-Gran Brittanja, u billi l-Korea ta' Isfel ma ħallietx jipparteċipaw esperti tad-DPRK,
D. billi din l-investigazzjoni unilaterali kkonkludiet li l-bastiment tal-Korea ta' Isfel għereq minħabba splużżjoni kkawżata minn torpedo tad-DPRK; u billi r-DPRK ċaħdet kull involviment fl-għarqa,
1. Jiddispjaċiħ ħafna għall-mewt traġika tas-46 persuna abbord il-corvette Cheonan tal-Korea ta' Isfel u jesprimi s-simpatija tiegħu lill-familji ta' dawk li mietu u lill-poplu Korean;
2. Huwa favur l-idea li jkun hemm investigazzjoni indipendenti li tinvolvi liż-żewġ partijiet interessati sabiex tiċċara r-responsabbiltajiet għal dan l-inċident; jilqa' għalhekk ir-rieda tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jindirizza dan l-inċident;
3. Huwa preokkupat ħafna dwar iż-żieda fit-tensjonijiet li nħolqot fil-Peniżola Koreana wara dan l-inċident ta' sogħba u l-konsegwenzi perikolużi ta' din it-tensjoni fuq l-istabbiltà tar-reġjun;
4. Jitlob, f''din il-perspettiva, li l-partijiet involuti, kif ukoll l-alleati tagħhom, irazznu kwalunkwe azzjoni li tista' taggrava t-tensjonijiet;
5. Jesprimi l-impenn tiegħu favur soluzzjoni paċifika, diplomatika u politika għas-sitwazzjoni u jilqa' bi pjaċir l-isforzi kollha sabiex jiffaċilitaw soluzzjoni paċifika u komprensiva tal-konflitt fil-Peniżola Koreana;
6. Huwa tal-opinjoni li djalogu miftuħ bejn ir-Repubblika tal-Korea u l-Korea ta' Fuq huwa ta' importanza vitali għall-paċi u l-istabblità għall-Peniżola Koreana u għar-reġjun;
7. Jenfasizza l-ħtieġa li t-Taħditiet bejn is-Sitt Partijiet jerġgħu jibdew mill-ġdid; jinnota li d-DPRK indikat li lesta tirritorna għan-negozjati taħt ċirkustanzi speċifiċi; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali, u b'mod partikulari lill-Istati Uniti, biex jikkunsidraw t-tneħħija tas-sanzjonijiet li ġew imposti u, bħala miżura ta' bini tal-fiduċja, biex iwettqu l-wegħdiet li għamlu lill-Korea ta' Fuq fir-rigward tal-kunsinji taż-żejt u ta' aspetti oħra; jenfasizza li t-taħditiet dwar id-denukearizzazzjoni jingħataw spinta qawwija jekk ikunu akkumpanjati minn taħdidiet dwar is-sostituzzjoni tal-Armistizju Korean tal-1953 b'arranġamenti ta' paċi permanenti, kif kien propost mid-DPRK iżda rrifjutat mill-Istati Uniti;
8. Jistieden lill-KE sabiex ikomplu l-programmi ta' għajnuna umanitarja eżistenti u l-mezzi ta' komunikazzjoni mad-DPRK;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonaijiet Unit u lill-gvernijiet u l-parlamenti tar-Repubblika Populari Demokratika tal-Korea u lir-Repubblika tal-Korea.