Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0366/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0366/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Peniżola Koreana

14.6.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Adrian Severin, George Sabin Cutaş, David Martin, Peter Simon f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0358/2010

Proċedura : 2010/2685(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0366/2010
Testi mressqa :
B7-0366/2010

B7‑0366/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Peniżola Koreana

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Peniżola Koreana,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nri 1718 (2006) u 1874 (2009),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/1002/PESK tat-22 ta' Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar il-pubblikazzjoni tar-rapport dwar l-għarqa tal-Bastiment tar-Repubblika tal-Korea Cheonan tal-20 ta' Mejju 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi t-tensjonjiet fil-peniżola Koreana kibru drammatikament wara l-għarqa tal-Bastiment tar-Repubblika tal-Korea Cheonan fis-26 ta' Marzu 2010, bil-mewt traġika ta' 46 ruħ,

B.  billi l-konklużjonijiet tax-xogħol tal-Grupp Investigattiv Konġunt magħmul minn esperti Koreani u internazzjonali, flimkien ma' valutazzjoni indipendenti mill-Kumitat Superviżorju tan-Nazzjonijiet Newtrali preżenti fil-peniżola Koreana, ressqu evidenza konvinċenti ħafna li l-għarqa tal-bastiment kienet ikkawżata minn torpedo magħmula fil-Korea ta' Fuq,

C. billi l-gvern tar-Repubblika tal-Korea qagħad lura milli jassenja l-ħtija lil kwalunkwe parti qabel il-preżentazzjoni tar-rapport finali u tal-konklużjonijiet tax-xogħol tal-Grupp Investigattiv Konġunt,

D. billi wara l-pubblikazzjoni tar-rapport finali tal-Grupp Investigattiv Konġunt, il-gvern tar-Repubblika tal-Korea qata' r-relazzjonijiet kollha mar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, għajr għall-għajnuna umanitarja għat-tfal u l-operazzjonijiet tal-Kumpless Industrijali Kaesong,

E.  billi l-gvern tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea ċaħad kwalunkwe involviment fl-għarqa tal-Bastiment tar-Repubblika tal-Korea Cheonan, u hedded gwerra aperta jekk ir-Repubblika tal-Korea timplimenta sanzjonijiet ulterjuri,

F.  billi l-Gvern tar-Repubblika tal-Korea assenja l-ħtija għall-għarqa tal-bastiment lir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (DPRK), u talab lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biex jinvestiga l-każ u biex jipproponi miżuri internazzjonali f'lokhom kontra d-DPRK,

G. billi l-Gvern tar-Repubblika tal-Korea talab apoloġija pubblika mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, flimkien ma' wegħda li fil-ġejjieni ma sseħħ l-ebda azzjoni ostili jew provokazzjoni,

H. billi l-Gvern tar-Repubblika tal-Korea ddikjara li mhux se jerġa' lura għat-Taħditiet bejn is-Sitt Partiti qabel ma jkunu ttieħdu miżuri f'lokhom fir-rigward tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea,

I.   billi l-komunità internazzjonali esprimiet is-simpatija tagħha għall-imwiet traġiċi, u l-issuktar tas-sostenn tagħha għall-poplu u l-gvern tar-Repubblika tal-Korea,

J.   billi l-Gvernijiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u tal-Federazzjoni Russa għadhom ma adottawx pożizzjoni ċara rigward ir-rapport finali u l-konklużjonijiet tax-xogħol tal-Grupp Investigattiv Konġunt,

K. billi l-forzi armati tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea ssuktaw b'atti militari provokattivi u imprudenti, bħall-qtil ta' tliet ċittadini Ċiniżi fuq il-fruntiera bejn ir-Republika Popolari taċ-Ċina u d-DPRK fl-4 ta' Ġunju 2010,

L.  billi l-UE tappoġġa bil-qawwa d-denuklearizzazzjoni tal-Peniżola Koreana, bl-issuktar tat-Taħditiet bejn is-Sitt Partiti bħala element essenzjali tal-proċess għall-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun,

1.  Jiddeplora bil-qawwa l-imwiet traġiċi abbord il-Bastiment tar-Repubblika tal-Korea Cheonan u jesprimi s-simpatija tiegħu għall-familji tal-mejtin, għall-poplu Korean u għall-awtoritajiet tar-repubblika tal-Korea fi spirtu ta' solidarjetà u ħbiberija;

2.  Jifraħ lill-Gvern tar-Repubblika tal-Korea tar-rażan li wera meta ma assenjax il-ħtija għall-għarqa lil xi parti fl-istennija tal-konklużjonjiet tar-rapport finali tal-Grupp Investigattiv Konġunt;

3.  Jirrikonoxxi l-konklużjonijiet tar-rapport finali tal-Grupp Investigattiv Konġunt li jirrigwardaw l-għarqa tal-bastiment ikkawżata minn torpedo magħmula fil-Korea ta' Fuq, u jikkundanna l-għarqa bħala att ta' provokazzjoni kontra l-paċi u l-istabbiltà fil-Peniżola Koreana;

4.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għar-riferiment ta' din il-kwistjoni lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti min-naħa tal-Gvern tar-Repubblika tal-Korea;

5.  Jistieden lill-Gvernijiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u tal-Federazzjoni Russam bħala Membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, biex jeżaminaw bir-reqqa r-rapport finali u l-konklużjonijiet tax-xogħol tal-Grupp Investigattiv Konġunt;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissuktaw it-Taħditiet bejn is-Sitt Partiti bħala mezz biex tintlaħaq id-denuklearizzazzjoni tal-Peniżola Koreana;

7.  Huwa tal-fehma li r-rieda għal djalogu bejn ir-Repubblika tal-Korea u r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea hija ta' importanza vitali għall-paċi u l-istabblità fil-Peniżola Koreana;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm miftuħa l-programmi eżistenti ta' għajnuna umanitarja u l-kanali tal-komunikazzjoni mar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, minħabba li dawn il-programmi ta' għajnuna jorbtu direttament mal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-popolazzjoni tad-DPRK;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Gvernijiet tar-Repubblika tal-Korea u tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.