MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-operazzjoni militari Iżraeljana kontra l-flottilla umanitarja u l-imblokk ta' Gaża
14.6.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Fiorello Provera, Niki Tzavela, Nikolaos Salavrakos, Oreste Rossi, Mara Bizzotto, Giancarlo Scottà f'isem il-Grupp EDF
B7‑0385/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-operazzjoni militari Iżraeljana kontra l-flottilla umanitarja u l-imblokk ta' Gaża
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani, b’mod partikulari dik tal-10 ta’ Marzu 2010,
– wara li kkunsidra l-istqarrijiet preċedenti dwar id-dikjarazzjonijiet tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, b’mod partikulari dawk tad-19 ta’ Marzu 2010 li jaffermaw mill-ġdid il-prinċipji fundamentali stipulati fi Trieste fis-26 ta’ Ġunju 2009, u dawk tal-11 ta’ Mejju 2010 dwar it-tiġdid tat-taħditiet ta' tqarrib bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-31 ta’ Mejju 2010 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Catherine Ashton f’isem l-UE dwar l-operazzjoni militarji Iżraeljana kontra l-flottilla,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta’ Paċi tal-Lvant Nofsani tat-8 ta’ Diċembru 2009,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi fil-31 ta’ Mejju 2010, il-Forzi tad-Difiża Iżraeljani interċettaw sitt vapuri li kienu qed iġorru għajnuna umanitarja f’tentattiv biex jisfurzaw l-imblokk navali tal-Medda ta’ Gaża,
B. billi truppi Iżraeljani telgħu abbord il-vapur Mavi Marmara u wara ġlieda intensa ma’ numru ta’ attivisti, disa’ ċivili sfaw maqtula u seba’ suldati Iżraeljani sfaw midruba;
C. billi l-Medda ta’ Gaża ilha taħt imblokk Iżraeljan u Eġizzjan mindu l-grupp militanti Iżlamiku Ħamas ħa l-kontroll fl-2007; billi l-Ħamas wettqet reati tal-gwerra kontra l-Iżrael, bħall-isparar kontra ċ‑ċivili ta’ mill-anqas 10,000 rokit ta’ kontra l-persuni,
D. billi lejliet il-kriżi tal-flottilla l-mexxej tal-Ħamas Ismail Haniyeh tkellem mal-partitarji u qalilhom li: “Jekk il-vapuri jaslu Gaża, din tkun rebħa għal Gaża. Jekk jiġu interċettati u tterrorizzati miż-Żionisti, din ukoll tkun rebħa għal Gaża, u huma jerġgħu jiġu f’vapuri oħrajn biex jisfurzaw l-assedju ta’ Gaża”,
E. billi, skont il-Liġijiet dwar il-Kunflitti Armati, stat li jagħmel parti minn kunflitt armat għandu d-dritt li jistabbilixxi imblokk navali fuq il-kosta tal-għadu tiegħu għal raġunijiet ta' sigurtà, speċjalment biex ma jitħalliex isir kuntrabandu ta' armi,
F. billi d-Dipartiment tal-Istat Amerikan kien imħasseb dwar l-attivitajiet tal-Fondazzjoni għad-Drittijiet u l-Libertajiet tal-Bniedem u għall-Għajnuna Umanitarja, jew IHH, minħabba r-rabtiet tagħha ma’ uffiċjali għolja tal-Ħamas, li tinsab fil-lista tal-UE tal-organizzazzjonijiet terroristiċi,
G. billi l-UE hija l-akbar fornitur ta’ għajnuna lill-Palestinjani u, permezz tal-Istati Membri tagħha u tal-Kummissjoni Ewropea, tipprovdi madwar EUR 600 miljun fi prodotti fis-sena,
H. billi fil-ġimgħa tal-attakk fuq il-flotta, l-Iżrael trasferiet 12 413-il tunnellata ta’ għajnuna umanitarja mill-punti ta’ qsim tal-fruntiera ta’ Gaża: il-merkanzija kienet tinkludi 994,000 litru ta’ fjuwil għall-power station ta’ Gaża, 748 tunnellata ta’ gass għat-tisjir u tmien trakkijiet mediċini u apparat mediku; billi l-għajnuna umanitarja li nġarret fl-istess ġimgħa mill-vapur umanitarju Irlandiż Rachel Corrie, u li tħattet fil-port ta’ Ashdod ġiet irrifjutata mill-mexxeja tal-Ħamas minħabba li din ma waslitx Gaża bil-baħar,
1. Jiddispjaċih dwar l-eżitu traġiku tal-operazzjoni tal-Forzi tad-Difiża Iżraeljani u jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani biex minnufih iwettqu inkjesta sħiħa u imparzjali dwar il-ġrajjiet u ċ-ċirkustanzi marbuta magħhom, kif mistqarr mill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà; iwassal il-kondoljanzi tiegħu mal-familji tal-vittmi; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Iżrael li tiftaħ l-investigazzjonijiet għal esperti Ewropej u Amerikani;
2. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-taħlit ta’ kwistjonijiet umanitarji u ta’ politika li sikwit ikun hemm u l-isfruttar tal-attivitajiet umanitarji, kif kien fil-każ tal-flottilla li kienet qed ittajjar bandiera Torka;
3. Jieħu nota tal-intenzjoni tal-Iżrael li jiffaċilita l-fluss ta’ merkanzija li taqsam il-fruntiera tiegħu ma’ Gaża; jappoġġja t-twaqqif ta’ timijiet ta’ ispezzjoni tal-UE fil-postijiet ta’ kontroll f’Gaża sabiex jimmoniterjaw il-provvista ta’ għajnuna umanitarja;
4. Jistieden lill-UE biex iġġedded l-impenn tagħha li tniedi taħditiet ta’ tqarrib bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani kif stipulat mill-Kwartett, li huwa magħmul mill-Istati Uniti, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea, u r-Russja, f’Marzu 2010;
5. Jappella għall-ħelsien immedjat tas-surġent Iżraeljan Gilad Shalit, li nħataf mill-Ħamas f’art Iżraeljana fil-25 ta’ Ġunju 2006 u li ilu minn dakinhar miżmum incommunicado f’Gaża;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern Iżraeljan, lill-Gvern tal-Eġittu, lill-Kwartett u lill-Awtorità Palestinjana.