Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0407/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0407/2010

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-applikazzjoni tal-Islanda għal adeżjoni mal-Unjoni Ewropea

    28.6.2010

    imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
    skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Cristian Dan Preda f’isem il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin


    Proċedura : 2010/2746(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B7-0407/2010

    B7‑0407/2010

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni tal-Islanda għal adeżjoni mal-Unjoni Ewropea

    Il-Parlament Ewropew,

    –   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2010 li jżid l-Islanda mal-lista tal-pajjiżi eliġibbli għall-għajnuna mill-UE ta' qabel l-adeżjoni, maħsuba biex tgħin lill-pajjiżi applikanti jikkonformaw mal-korp tal-liġi Ewropea,

    –   wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Islanda għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea (SEC(2010) 153),

    –   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 biex jinbdew negozjati mal-Islanda dwar l-adeżjoni,

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar id-dokument ta' strateġija tal-Kummissjoni 2009 dwar it-tkabbir li jikkonċerna l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, l-Islanda u t-Turkija[1],

     

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Frar 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) (COM(2009)0588 – C7-0279/2009 – 2009/0163(COD))[2],

    –   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Islanda għal adeżjoni mal-Unjoni Ewropea,

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A. billi, skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, “Kull Stat Ewropew [...] jista’ japplika sabiex isir membru tal-Unjoni”,

    B.  billi l-progress ta’ kull pajjiż lejn l-adeżjoni mal-UE huwa bbażat fuq il-mertu u jiddependi mill-isforzi tiegħu biex jikkonforma mal-kriterji tal-adeżjoni, waqt li l-kapaċità ta' integrazzjoni tal-UE trid tkun irrispettata wkoll,

    C. billi fis-17 ta’ Lulju 2009 l-Islanda ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għal adeżjoni mal-Unjoni Ewropea,

    D. billi, fl-24 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha bir-rakkomandazzjoni li għandhom jinbdew in-negozjati mal-Islanda dwar l-adeżjoni,

    E.  billi, peress li kull tkabbir li sar sa issa kien bla dubju suċċess, kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Membri li ngħaqdu magħha, u kkontribwixxa għall-istabilità, l-iżvilupp u l-prosperità fl-Ewropa kollha kemm hi, huwa essenzjali li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jitlesta l-proċess ta' adeżjoni mal-Islanda u biex jiġi żgurat li l-adeżjoni tagħha tkun suċċess ukoll, skont il-kriterji ta' Kopenħagen,

    F.  billi r-relazzjonijiet bejn l-Islanda u l-UE ilhom jeżistu mill-1973 meta ffirmaw ftehim bilaterali ta' kummerċ ħieles,

    G. billi l-Islanda diġà qed tikkopera mill-qrib mal-UE bħala membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u bħala firmatarja għall-Ftehimiet ta’ Schengen u r-Regolament ta’ Dublin, u għaldaqstant diġà adottat parti sinifikanti mill-acquis communautaire,

    H. billi l-Islanda għandha tradizzjoni demokratika stabbilita sew u livell għoli ta’ allinjament mal-acquis,

    I.   billi l-Islanda ilha mill-1994 tagħti kontribut importanti għall-koeżjoni u s-solidarjetà Ewropej permezz tal-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE,

    J.   billi l-Islanda, bħala pajjiż bi tradizzjoni mhux militari, qed tikkontribwixxi għall-missjonijiet għaż-żamma tal-paċi tal-UE permezz ta' mezzi ċivili u tallinja lilha nnifisha b’mod regolari mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE,

    K. billi l-Islanda u l-popolazzjoni tagħha ntlaqtu b’mod gravi mill-kriżi finanzjarja u ekonomika globali li wasslet għall-kollass tas-sistema bankarja Islandiża fl-2008,

    L.  billi l-Gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Pajjiżi l-Baxxi ffirmaw żewġ ftehimiet mal-Gvern Islandiż, f'Ġunju u f'Ottubru 2009, dwar it-termini għall-ħlas lura ta' self ta' EUR 1.3 biljun mill-Pajjiżi l-Baxxi u self ta' GBP 2.4 biljun mir-Renju Unit; billi, wara referendum fis-6 ta' Marzu 2010, il-ftehim ta' Ottubru kien irrifjutat u l-partijiet involuti huma mistennija jilħqu ftehim ġdid dwar il-ħlas li kellu jsir skont l-iskema ta' garanzija tad-depożiti tal-Islanda,

    M. billi l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA (ESA) iddikjarat, fl-ittra tagħha ta' notifika formali tas-26 ta' Mejju 2010, li l-Islanda hija obbligata tiżgura l-ħlas tal-kumpens minimu lid-depożituri fl-Icesave mir-Renju Unit u l-Pajjiżi l-Baxxi,

    N. billi l-opinjoni pubblika u l-partiti politiċi fl-Islanda huma diviżi dwar il-kwistjoni tal-adeżjoni mal-UE; billi huwa ċar li l-opinjoni pubblika dwar l-adeżjoni mal-UE, fid-dawl tal-kriżi ekonomika u politika, inbidlet b'mod negattiv mis-sajf tal-2009,

    Kriterji politiċi

    1.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jibda negozjati mal-Islanda dwar l-adeżjoni;

    2.  Jilqa’ b'sodisfazzjon il-prospettiva ta' Stat Membru ġdid tal-UE b’kultura demokratika b’saħħitha; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li l-adeżjoni tal-Islanda tista' tkun ta’ benefiċċju kemm għall-pajjiż u kemm għall-UE u se tkompli ssaħħaħ ir-rwol tal-Unjoni bħala promotur u difensur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali fid-dinja;

    3.  Jenfasizza l-koperazzjoni eċċellenti li teżisti bejn il-Membri tal-Parlament Ewropew u l-membri tal-Althingi fil-qafas tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-ŻEE u jistenna li l-kollaborazzjoni fil-Kumitat Parlamentari Konġunt PE-Islanda l-ġdid li se jinħoloq wara li jibdew in-negozjati dwar l-adeżjoni se tħalli l-frott bl-istess mod;

    4.  Jilqa' b'mod partikolari l-Inizjattiva Islandiża dwar il-Midja Moderna, li tippermetti kemm lill-Islanda kif ukoll lill-UE jieħdu pożizzjoni b'saħħitha rigward il-ħarsien legali tal-libertajiet tal-espressjoni u tal-informazzjoni;

    5.  Jistieden lill-awtoritajiet Islandiżi biex jaffrontaw id-distinzjoni attwali li qed issir bejn iċ-ċittadini tal-UE rigward id-dritt tagħhom li jivvotaw u li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet lokali fl-Islanda;

    6.  Jirrimarka li, skont l-istrateġija l-ġdida tat-tkabbir tal-UE, is-sistema ġudizzjarja tal-pajjiż applikant hija wieħed mill-oqsma li l-UE tagħtihom attenzjoni partikolari anke fl-istadju bikri ta' qabel l-adeżjoni; huwa tal-fehma li l-Gvern tal-Islanda għandu jadotta l-miżuri meħtieġa biex tkun żgurata l-indipendenza tal-ġudikatura, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, filwaqt li tkun ittrattata b'mod xieraq il-kwistjoni tar-rwol predominanti mogħti lill-Ministru tal-Ġustizzja u d-Drittijiet tal-Bniedem fil-ħatra tal-imħallfin, il-prosekuturi u l-awtoritajiet ġudizzjarji supremi; jittama li l-awtoritajiet Islandiżi jadottaw il-bidliet meħtieġa;

    7.  Iħeġġeġ lill-Islanda biex tirratifika l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u l-Konvenzjoni Ċivili tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Korruzzjoni;

    8.  Ifaħħar lill-Islanda għar-riżultati tajba li kisbet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; madankollu, jistieden lill-awtoritajiet Islandiżi biex jirratifikaw il-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali, kif ukoll il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilitajiet;

    9.  Iħeġġeġ lill-Islanda biex issegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-2008 tal-OSKE-ODIHR dwar il-kriminalità ispirata mill-mibegħda;

    Kriterji ekonomiċi

    10. Jinnota li l-Islanda laħqet livell ġeneralment sodisfaċenti fl-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha fil-kuntest taż-ŻEE u fil-ħila tagħha li tirreżisti għall-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-UE; madankollu, jinnota li jinħtieġu aktar sforzi rigward l-allinjament ma' prinċipji ġenerali u l-iżgurar tal-konformità sħiħa mal-acquis fl-oqsma tal-valutazzjoni tal-konformità, l-akkreditament u s-sorveljanza tas-suq; jieħu nota tal-ittra ta' notifika formali tal-ESA tas-26 ta' Mejju 2010 lill-Gvern tal-Islanda – l-ewwel pass fi proċedura ta' ksur kontrih talli ma kkonformax mal-obbligi tiegħu skont il-Ftehim ŻEE li jimplimenta d-Direttiva tal-UE dwar Skemi ta' Garanzija għal Depożiti (94/19/KE) – u jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Gvern Islandiż wera li huwa lest jikkonkludi n-negozjati dwar Icesave mill-aktar fis possibbli;

    11. Jilqa’ b'sodisfazzjon il-politiki biex tkompli tiġi ddiversifikata l-ekonomija tal-Islanda bħala pass meħtieġ għall-benessri ekonomiku tal-pajjiż għal perjodu twil ta' żmien;

    12. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ambjent huwa prijorità għall-UE u jilqa' b'sodisfazzjon l-involviment qawwi tal-Islanda f'politiki ambjentali;

    13. Jinnota li, filwaqt li l-konsolidazzjoni fiskali tibqa’ sfida fundamentali, l-Islanda qed turi sinjali inkoraġġanti ta’ stabilizzazzjoni ekonomika; iqis il-miżuri monetarji li ttieħdu s'issa bħala passi fid-direzzjoni t-tajba għal aktar stabilità ekonomika u finanzjarja;

    14. Jilqa’ b'sodisfazzjon ir-rapport tal-Kummissjoni Speċjali ta’ Stħarriġ, li jista’ jikkontribwixxi biex tinbena mill-ġdid il-fiduċja nazzjonali; iħeġġeġ li jkun hemm miżuri ta’ segwitu għall-ħidma ta’ din il-Kummissjoni sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet politiċi, ekonomiċi u istituzzjonali urġenti li huma deskritti fir-rapport;

    15. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Assoċjazzjoni Islandiża tal-Fondi tal-Pensjonijiet (IPFA) qablet li torganizza investigazzjoni indipendenti dwar il-metodi ta' ħidma u l-politiki ta' investiment tal-iskemi tal-pensjoni fil-perjodu qabel il-kollass ekonomiku;

    16. Jitlob li jintlaħaq qbil bilaterali dwar l-arranġamenti biex self li jammonta għal total ta' EUR 3.9 biljun jitħallas lura lill-Gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Pajjiżi l-Baxxi; jisħaq li bl-ilħuq ta' ftehim li jkun aċċettabbli għall-partijiet kollha terġa' tinkiseb il-fiduċja fil-kapaċità tal-Islanda li tonora l-impenji li ħadet, inkluża l-konformità mal-obbligi kollha skont il-ftehim ŻEE, u jissaħħaħ l-appoġġ pubbliku, kemm fl-Islanda kif ukoll fl-UE, għall-proċess ta' adeżjoni tal-Islanda;

    17. Jieħu nota tax-xewqa tal-Islanda li ssir parti miż-żona tal-euro, ambizzjoni li tista’ tinkiseb wara li ssir membru tal-UE u ladarba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa kollha;

    18. Jilqa’ b'sodisfazzjon l-approvazzjoni tat-tieni reviżjoni tal-ftehim stand-by tal-FMI bil-għan tal-istabilizzazzjoni tal-munita, ir-ristrutturar tal-banek u l-konsolidazzjoni fiskali;

    19. Huwa mħasseb dwar il-livelli għolja ta' qgħad u ta' inflazzjoni tal-Islanda, filwaqt li jinnota li dan l-aħħar kien hemm sinjali ta’ titjib;

    20. Ifaħħar lill-Islanda għar-rati għoljin tagħha ta' investimenti fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp;

    Il-kapaċità li tassumi l-obbligi tal-adeżjoni

    21. Jinnota li, bħala membru taż-ŻEE, l-Islanda qiegħda fi stadju avvanzat rigward il-konformità mar-rekwiżiti ta’ 10 mill-kapitoli tan-negozjati u tissodisfa parzjalment ir-rekwiżiti ta’ 11-il kapitolu, li jfisser li għad fadal biss 12-il kapitolu mhux koperti miż-ŻEE li jeħtieġ li jiġu nnegozjati kompletament; jisħaq li l-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li l-Islanda tagħmel sforzi serji biex iġġib il-leġiżlazzjoni tagħha f'konformità mal-acquis f'numru ta' oqsma u biex timplimentaha u tinforzaha b'mod effettiv fuq perjodu ta' żmien medju sabiex tissodisfa l-kriterji ta' adeżjoni; jenfasizza li t-twettiq tal-obbligi tal-Islanda skont iż-ŻEE, kif ukoll skont il-ftehim li jassoċja l-Islanda mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, huma rekwiżiti importanti fin-negozjati tal-adeżjoni;

    22. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Islanda biex jindirizzaw id-dgħufijiet istituzzjonali ewlenin tal-ekonomija tal-pajjiż, speċifikament l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-sistema superviżorja finanzjarja u tas-sistema għall-garanzija tad-depożiti;

    23. Iħeġġeġ lill-Islanda biex tadotta politika dwar l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali li tikkonforma mal-politiki tal-UE, u biex tistabbilixxi l-istrutturi amministrattivi meħtieġa biex jiġu implimentati dawn il-politiki; jisħaq, f'dan ir-rigward, li l-politiki tal-UE jridu jqisu n-natura speċifika tal-ambjent u l-flora u l-fawna tal-Islanda, kif ukoll il-bogħod ġeografiku tagħha mill-Ewropa kontinentali;

    24. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi lill-awtoritajiet Islandiżi fid-dibattiti attwali dwar ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni;

    25. Jirrikonoxxi l-mod responsabbli u sostenibbli li bih l-Islanda mmaniġġjat ir-riżorsi tal-baħar tagħha u jistenna li kemm l-UE kif ukoll l-awtoritajiet Islandiżi jadottaw attitudni kostruttiva fin-negozjati dwar il-ħtieġa għall-Islanda li tadotta il-Politika Komuni tas-Sajd Ewropea (PKS), sabiex l-eżitu jkun soluzzjoni sodisfaċenti għaż-żewġ naħat imsejsa fuq l-aħjar prattiki u li tħares l-interessi kemm tas-sajjieda u tal-konsumaturi fl-UE, kif ukoll tal-Islanda;

    26. Iħeġġeġ lill-Islanda biex tadotta miżuri fil-qasam tal-politika dwar is-sajd li jippermettulha tagħmel it-tranżizzjoni lejn l-introduzzjoni tal-PKS;

    27. Jinnota li l-Islanda tista’ tagħti kontribut prezzjuż għall-politiki tal-UE dwar l-ambjent u l-enerġija permezz tal-esperjenza tagħha fil-qasam tal-enerġija li tiġġedded, b’mod partikolari l-enerġija ġeotermika, il-protezzjoni tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

    Kooperazzjoni reġjonali

    28. Jikkunsidra l-adeżjoni tal-Islanda mal-UE – billi ssaħħaħ aktar il-preżenza Ewropea fil-Kunsill tal-Artiku – bħala opportunità strateġika biex l-UE jkollha rwol aktar attiv, u tikkontribwixxi għall-governanza multilaterali fir-Reġjun tal-Artiku;

    29. Jilqa’ b'sodisfazzjon il-fatt li l-adeżjoni tal-Islanda mal-UE ssaħħaħ id-dimensjoni tal-Atlantiku tat-Tramuntana tal-politiki esterni tal-Unjoni;

    Opinjoni pubblika u appoġġ għat-tkabbir

    30. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Islandiżi biex iniedu dibattitu pubbliku wiesa' dwar l-adeżjoni mal-UE, li jinvolvi lis-soċjetà ċivili mill-bidu nett, fejn jiġu indirizzati l-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini Islandiżi dwar l-adeżjoni mal-UE u titqies il-ħtieġa għal impenn qawwi sabiex in-negozjati jirnexxu; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi materjal u appoġġ tekniku, jekk l-awtoritajiet Islandiżi jitolbuhomlha, sabiex tgħinhom itejbu t-trasparenza u r-responsabilità rigward il-proċess ta' adeżjoni u jorganizzaw kampanja ta’ informazzjoni bir-reqqa u estensiva mal-pajjiż kollu dwar l-implikazzjonijiet tal-adeżjoni mal-UE, sabiex iċ-ċittadini Islandiżi jkunu jistgħu jagħmlu għażla informata fir-referendum futur dwar l-adeżjoni;

    31. Huwa tal-fehma li hu kruċjali li ċ-ċittadini tal-UE jingħataw informazzjoni ċara u komprensiva dwar l-implikazzjonijiet tal-adeżjoni tal-Islanda; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu sforzi għal dan il-għan, u jikkunsidra li hu ugwalment importanti li l-preokkupazzjonijiet u l-mistoqsijiet taċ-ċittadini jinstemgħu u jiġu indirizzati kif ukoll li jitqiesu l-fehmiet u l-interessi tagħhom;

    32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tal-Althingi u lill-Gvern tal-Islanda.