MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Albanija
28.6.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Nikolaos Chountis f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
B7‑0408/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Albanija
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza maħruġa wara l-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Strateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2009-2010" (COM(2009)0533) u r-Rapport ta' Progress dwar l-Albanija 2009 ta' magħha (SEC(2009)1337) tal-14 ta' Ottubru 2009,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/210/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet kontenuti fis-Sħubija Ewropea mal-Albanija u t-tħassir tad-Deċiżjoni 2006/54/KE[1],
– wara li kkunsidra l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Albanija, li saret fit-3 u l-4 ta’ Mejju 2010,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Albanija tat-18 ta' Mejju 2009,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/821/KE tat-8 ta' Novembru 2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubbika tal-Albanija dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi[2],
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tas-16-il Laqgħa Interparlamentari bejn l-UE u l-Albanija, tad-19 u l-20 ta' Marzu 2009,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu li jżid il-frekwenza tad-djalogu politiku mal-Albanija fil-livell parlamentari biex din tirrifletti d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1709(2010) tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Funzjonament tal-Istituzzjonijiet Demokratiċi fl-Albanija,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kunsens imġedded dwar it-tkabbir, kif espress fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta' Diċembru 2006, jafferma mill-ġdid li l-futur tal-Balkani tal-Punent jinsab fl-UE,
B. billi l-prospett ta' integrazzjoni fl-UE qed jagħti spinta lil bosta riformi fil-Balkani tal-Punent u għandu jkollu rwol kostruttiv biex tiżdied il-kapaċità tar-reġjun għall-paċi, l-istabilità u l-prevenzjoni tal-kunflitti, jissaħħu r-relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien u jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali permezz tal-iżvilupp sostenibbli; billi kwalunkwe prospett realistiku ta’ sħubija jinvolvi mhux biss it-tlestija ta’ proċedura amministrattiva u teknika, iżda jirrikjedi wkoll impenn politiku ġenwin mill-persuni kollha relevanti li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Istati Membri,
C. billi l-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Albanija daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2009; billi l-pajjiż applika għal sħubija fl-UE fit-28 ta' April 2009 u ressaq it-tweġibiet tiegħu għall-kwestjonarju ta' qabel l-adeżjoni tal-Kummissjoni fl-14 ta' April 2010; billi l-Kummissjoni qed tħejji l-opinjoni tagħha dwar dan,
D. billi l-progress ta' kull pajjiż lejn l-Unjoni Ewropea jiddependi mill-isforzi tal-pajjiż ikkonċernat biex jikkonforma mal-kriterji ta' Kopenħagen u jikkonforma mal-kundizzjonijiet marbuta mal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni,
1. Jikkonferma, bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f'Tessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003, mad-Dikjarazzjoni ta' Salzburg tal-11 ta' Marzu 2006 u mal-konklużjonijiet sussegwenti relevanti tal-Kunsill, l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-applikazzjoni tal-Albanija għal sħubija fl-UE (u għal sħubija futura fl-UE għall-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent), ladarba tkun kisbet ċertu livell ta' stabilità politika u ta' affidabilità u li tkun tissodisfa bis-sħiħ il-kriterji ta' Kopenħagen;
2. Jirrikonoxxi l-progress li kisbet l-Albanija fil-kuntest tal-proċess ta' riforma, iżda jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi ulterjuri sostanzjali, meħtieġa kemm għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt kif ukoll għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż;
3. Jinnota b’sodisfazzjon li fl-14 ta’ April 2010 l-Albanija wieġbet għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni dwar it-tħejjija tal-opinjoni tagħha fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Albanija għal sħubija fl-UE u, fl-istess waqt, jenfasizza li l-progress ta’ pajjiż kandidat lejn l-UE jiddependi mill-kapaċità tiegħu li jissodisfa l-kriterji ta’ Kopenħagen, inkluża l-eżistenza ta' istituzzjonijiet stabbli li jiggarantixxu d-demokrazija;
4. Jiddeplora l-kriżi politika ta' wara l-elezzjonijiet parlamentari ta' Ġunju 2009 fl-Albanija, u jenfasizza li istituzzjonijiet rappreżentattivi li jaħdmu kif suppost (partikolarment il-parlament) jikkostitwixxu s-silsla ta' sistema demokratika konsolidata u, bħala prijorità ewlenija għal Sħubija Ewropea, kriterju politiku importanti għall-integrazzjoni tal-UE; jilqa' d-deċiżjoni tal-oppożizzjoni li tipparteċipa b'mod attiv fil-ħidma tal-Parlament Albaniż, iżda jiddeplora l-fatt li, minkejja d-diskussjonijiet reċenti ffaċilitati mill-UE, għadu ma ntlaħaqx kunsens fir-rigward tal-elezzjonijiet tal-2009; iħeġġeġ bil-qawwa lill-partiti politiċi kollha biex jassumu r-responsabilitajiet tagħhom u jimpenjaw ruħhom fi djalogu politiku kostruttiv, inkluż diskussjonijiet dwar liġi elettorali ġdida li tiżgura proċess elettorali totalment trasparenti għal elezzjonijiet futuri; jenfasizza li soluzzjoni għall-kriżi tista’ biss tinstab billi l-Kostituzzjoni u l-prinċipji tat-trasparenza jiġu rrispettati bis-sħiħ;
5. Jistieden lill-gvern u lill-oppożizzjoni sabiex, jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni mingħajr għajnuna minn barra, jaqblu dwar medjazzjoni, pereżempju billi flimkien jistiednu membri mill-Kunsill tal-Ewropa u/jew mill-Parlament Ewropew;
6. Huwa tal-fehma li l-assenzi ripetuti tl-oppożizzjoni mill-parlament minn żmien l-elezzjoni qed idewmu l-adozzjoni ta' liġijiet li jirrikjedu maġġoranza ta' 3/5; jirrimarka li l-parti l-kbira tal-leġiżlazzjoni penali teħtieġ din il-maġġoranza, bħal ma huwa l-każ tal-liġi tant mistennija dwar il-qrati amministrattivi; għaldaqstant jitlob lill-oppożizzjoni biex tirrifletti fil-fond dwar l-azzjonijiet politiċi tagħha;
7. Jilqa' b'sodisfazzjon it-titjib li sar fil-qafas legali u amministrattiv tal-proċess elettorali u jinnota l-evalwazzjoni ġeneralment pożittiva tal-Kummissjoni ta’ Venezja fl-Opinjoni Konġunta tagħha dwar il-Kodiċi Elettorali tar-Repubblika tal-Albanija; jinnota, barra minn hekk, li, skont il-valutazzjoni tal-OSKE/ODIHR, l-elezzjonijiet parlamentari ta' Ġunju 2009 issodisfaw il-parti l-kbira tal-istandards internazzjonali, iżda ma rnexxewx fl-għan tagħhom li jżidu l-fiduċja fil-proċess elettorali; jiġbed l-attenzjoni fuq il-bżonn ta' implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet imniżżla fir-rapport finali tal-OSKE/ODIHR dwar l-elezzjonijiet parlamentari tal-2009 u jistieden kemm lill-maġġoranza kif ukoll lill-oppożizzjoni fil-Parlament Albaniż biex jibdew il-ħidma tagħhom bil-għan li jimplimentaw dawk ir-rakkomandazzjonijiet bis-sħiħ;
8. Jiddispjaċih li fil-laqgħat tal-Kumitat dwar il-Liġi Parlamentari qabel is-sessjoni plenarja tat-18 ta’ Marzu 2010 tal-Parlament Albaniż, il-maġġoranza u l-oppożizzjoni ma qablux dwar il-proposti li jikkonċernaw il-kumitat ta’ inkjesta dwar l-elezzjonijiet tal-2009;
9. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti għall-ħolqien ta' kunsens bejn il-partiti dwar riformi ekonomiċi, politiċi u soċjali sabiex jitjieb il-benessri taċ-ċittadini Albaniżi u biex il-pajjiż ikun jista' jkompli jagħmel progress fi triqtu lejn sħubija fl-UE;
10. Jilqa' l-adozzjoni fis-27 ta' Mejju 2010 tal-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni dwar il-liberalizzazzjoni tal-viżi, u jistieden lill-Kummissjoni biex tivverifika li l-benchmarks li fadal jintlaħqu fix-xhur li ġejjin, bl-għan li titwitta t-triq għall-Kunsill u għall-Parlament biex japprovaw l-introduzzjoni tal-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini Albaniżi sa tmiem l-2010;
11. Jenfasizza l-importanza li jiġu rispettati u protetti d-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi bħala prijorità ewlenija;
12. Ifakkar li l-ħarsien tad-data personali għandu dejjem jiġi rrispettat u ma jistax jiġi injorat b'mod arbitrarju, u jistieden lill-awtoritajiet kollha sabiex jilleġiżlaw u jaġixxu skont dik ir-regola;
13. Jilqa' l-progress li sar fil-qasam tas-sistema ġudizzjarja, iżda jenfasizza li r-riformi għadhom fi stadju bikri ta' implimentazzjoni; huwa tal-fehma li r-riforma ġudizzjarja, inkluż it-tisħiħ tal-qrati, tikkostitwixxi prerekwiżit ewlieni għall-proċess ta' applikazzjoni għal sħubija fl-UE min-naħa tal-Albanija, u jenfasizza l-importanza ta' separazzjoni tal-poteri f'soċjetà demokratika; jenfasizza li ġudikatura trasparenti, imparzjali u effiċjenti, indipendenti minn kull pressjoni jew kontroll politiċi, hija fundamentali għall-istat tad-dritt, u jitlob li jkun hemm adozzjoni urġenti ta' strateġija komprensiva fuq medda twila ta' żmien f'dan il-qasam, inkluż pjan direzzjonali għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni meħtieġa u tal-miżuri implimentattivi; jistieden lill-oppożizzjoni biex tagħmel parti mit-tfassil ta' din l-istrateġija u sabiex tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha għar-riforma tal-ġudikatura; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm biżżejjed fondi pprovduti lill-ġudikatura sabiex tkun tista' taħdem b'mod effettiv madwar il-pajjiż kollu; jistenna bil-ħerqa l-inizjattivi ġodda ta' għajnuna mill-Kummissjoni u jilqa’ f’dan ir-rigward l-inawgurazzjoni riċenti ta’ Qorti għall-Krimini Serji f’Tirana;
14. Jilqa' l-fatt li l-implimentazzjoni tal-liġi tat-tisfija ġiet sospiża mill-Qorti Kostituzzjonali u li din il-liġi attwalment qed tiġi riveduta; jitlob li jkun hemm konsultazzjoni u kunsens usa', speċjalment mal-Kummissjoni ta' Venezja, jekk jitħejja abbozz ta' liġi ġdid, u jenfasizza l-importanza li tiġi mħarsa l-indipendenza tal-istituzzjonijiet kostituzzjonali;
15. Jilqa' l-miżuri meħuda għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni mhux serja, u b’mod partikulari l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Integrat Kontra l-Korruzzjoni għall-2010; jinnota li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni għadha sfida politika ewlenija, li l-infurzar tal-liġi u l-prosekuzzjoni għadhom dgħajfa u li jeħtieġ li jittieħdu iktar passi qawwija biex ireġġgħu lura s-sitwazzjoni ta' impunità fir-rigward ta' persuni li jinsabu ħatja ta' korruzzjoni; jenfasizza l-bżonn li jiġi stabbilit rekord ta' investigazzjonijiet u kundanni, inkluż f'każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli, u li titkompla l-implimentazzjoni tal-aħħar rakkomandazzjonijiet tal-GRECO, partikolarment fir-rigward tat-tnaqqis tal-ammont ta' uffiċjali li jibbenefikaw mill-immunità; jilqa’ l-fatt li d-dokumenti strateġiċi ġew ippubblikati sabiex ikun jista' jsir monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni tagħhom; barra minn hekk, jitlob li jiġi adottat qafas leġiżlattiv dwar it-trasparenza sħiħa tal-finanzjament tal-partiti politiċi;
16. Jilqa' pjanijiet għat-twaqqif ta' Istitut tal-Amministrazzjoni Pubblika u jitlob għal passi ulterjuri għall-implimentazzjoni tal-istrateġija għar-riforma fl-amministrazzjoni pubblika u għall-iżgurar ta' infurzar sħiħ tal-liġi tas-servizz ċivili, inkluża sistema ta' ġestjoni adegwata tar-riżorsi umani; jiġbed l-attenzjoni għar-riskji tal-politiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni bi proċeduri ta' reklutaġġ mhux trasparenti u għall-prattika tar-reklutaġġ ta' staff temporanju barra mill-ambitu tal-liġi, u jistieden lill-awtoritajiet biex iwaqqfu dawn il-prattiki u joħolqu servizz ċivili depolitiċizzat ibbażat fuq il-mertu, li jikkontribwixxi wkoll biex tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-amministrazzjoni pubblika;
17. Jenfasizza l-importanza kruċjali ta' midja professjonali, indipendenti u pluralista, kemm pubblika kif ukoll privata, bħala sies tad-demokrazija; jinsab imħasseb li ma sarx wisq progress fit-tlestija tal-qafas legali għall-midja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jagħmlu kull sforz ħalli jadottaw u jimplimentaw il-qafas legali skont standards tal-UE u jiżguraw il-ħelsien tagħhom mill-indħil politiku jew minn kwalunkwe interferenza oħra, inkluża dik mill-eżekuttiv; huwa mħsasseb dwar il-pressjoni politika fuq il-Kunsill Nazzjonali għar-Radju u t-Televiżjoni (NCRT) u jistieden lill-awtoritajiet relevanti biex jiggarantixxu l-indipendenza tiegħu; jitlob biex jittieħdu passi biex jiżguraw it-trasparenza tas-sjieda u tal-finanzjament tal-midja; jiddeplora n-nuqqas ta' drittijiet tax-xogħol stabbiliti għall-ġurnalisti, fatt li jimminalhom il-ħila li jaħdmu b'mod oġġettiv u indipendenti, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jieħdu passi adegwati biex jegħlbu din is-sitwazzjoni; jitlob b'mod partikolari biex tiġi adottata l-leġiżlazzjoni dwar ix-xandir elettroniku u biex il-kodiċi ċivili jiġu aġġustati sabiex il-malafama u d-diffamazzjoni jiġu dikriminalizzati; jilqa’ n-nuqqas ta’ restrizzjonijiet mill-gvern fuq l-aċċess għall-internet u jħeġġeġ lill-gvern biex iwessa’ l-aċċessibilità għall-internet għaċ-ċittadini kollha;
18. Jilqa’ l-istabbiliment ta’ qafas legali biex jindirizza u jipprevjeni forom ta' kriminalità organizzata, inklużi l-ħasil tal-flus, it-traffikar tad-drogi u tal-persuni; jieħu nota tal-isforzi biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata, iżda jinnota li jeħtieġ li tittieħed azzjoni ulterjuri għall-implimentazzjoni u li jingħataw ir-riżorsi umani u finanzjarji kollha meħtieġa sabiex jinkisbu riżultati konkreti; jenfasizza l-importanza ta' investigazzjoni, prosekuzzjoni u kastig effikaċi tad-delinkwenti; jilqa' d-deċiżjoni li jiġi stabbilit kumitat interistituzzjonali għal miżuri kontra l-kriminalità organizzata u t-traffikar, ippresedut mill-Prim Ministru; jenfasizza li minħabba l-implikazzjonijiet reġjonali tal-kriminalità organizzata, jenħtieġu sforzi aktar b’saħħithom biex tiżdied il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja mal-pajjiżi konfinali inklużi kontrolli konġunti fil-fruntieri;
19. Jenfasizza l-importanza li jagħti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jirrikonoxxi l-passi żgħar ta' progress li saru min-naħa tal-gvern biex jikkonsultahom dwar abbozzi ta' liġijiet u riformi; jitlob li jittieħdu aktar passi biex jifformalizzaw u jkattru l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-formulazzjoni tal-politika u fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tal-effikaċja tagħha fil-livelli kollha, inkluża t-trasparenza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-finanzjament tagħhom;
20. Jenfasizza l-importanza ta' programmi ta' mobilità, speċjalment dawk għaż-żgħażagħ, għall-għalliema u għar-riċerkaturi, u huwa tal-fehma li l-għadd ta' parteċipanti f'dawn il-programmi għandu jiżdied; b'rabta ma' dan, jilqa’ l-inizjattivi li jagħtu lill-istudenti Albaniżi opportunitajiet biex jistudjaw fil-pajjiżi tal-UE;
21. Jirrikonoxxi li għalkemm id-drittijiet bażiċi tat-trejdjunjins huma rikonoxxuti fil-Kostituzzjoni, l-attivitajiet tal-unjins spiss jiġu bblukkati, u r-restrizzjonijiet fuq l-istrajks fis-servizz ċivili u l-utilitajiet pubbliċi huma wesgħin wisq skont l-istandards internazzjonali; jiddeplora l-akkwist reċenti min-naħa tal-Gvern Albaniż ta' assi tat-trejdunjins; jilqa' d-deċiżjoni tal-Qorti Kosttuzzjonali tat-22 ta' April 2010 li tgħid li din il-liġi mhijiex kostituzzjonali, u jitlob lill-gvern biex jirritorna l-assi minnufih; jitlob lill-gvern Albaniż biex jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-unjins u biex jieħu l-passi legali meħtieġa biex jiżgura li l-parteċipazzjoni fl-unjins tkun id-dritt tal-ħaddiema kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat;
22. Jilqa' l-miżuri meħuda biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika; iqis, madankollu, li l-Kumitat Statali dwar l-Opportunitajiet Indaqs għadu dgħajjef u li l-Att dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-biċċa l-kbira baqa' mhux implimentat; iqis, għal dik ir-raġuni, li jeħtieġ aktar azzjoni biex tiffaċilita l-inklużjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet;
23. Jilqa' r-riformi legali tas-snin reċenti dwar il-protezzjoni ta' vittmi tal-vjolenza domestika u t-traffikar; jirrikonoxxi madankollu li dawn mhumiex adegwati u li għandhom jittieħdu passi ulterjuri, u għadu serjament imħasseb dwar il-vjolenza domestika u t-traffikar mifruxa b'rabta man-nisa u t-tfal għal skopijiet ta' sfruttament sesswali u ta' xogħol furzat; jesprimi tħassib dwar il-fatt li meta jkun hemm żieda sinifikanti fir-rapporti ta’ inċidenti ta’ dat-tip, din mhux dejjem tiġi segwita b’investigazzjoni xierqa mill-pulizija jew b’ordnijiet ta’ protezzjoni maħruġa mill-qrati; jitlob għall-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti għall-ħarsien tan-nisa u t-tfal kontra kull forma ta' vjolenza u għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' sistema sħiħa għall-protezzjoni u r-riabilitazzjoni tagħhom, inkluża r-reġistrazzjoni obbligatorja u effiċjenti tat-tfal u trabi tat-twelid kollha, l-għoti sħiħ u b'xejn ta' assistenza legali, soċjali u psikoloġika lill-vittmi, kampanji ta' sensibilizzazzjoni pubblika, taħriġ adegwat ta' aġenziji tal-infurzar tal-liġi u ħolqien ta' netwerk ta' rifuġji (li għandhu jkun ta' kwantità u kwalità suffiċjenti u kapaċi jkopri l-ħtiġijiet tal-vittmi tal-vjolenza domestika u tat-traffikar); jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-appoġġ tagħha lill-awtoritajiet Albaniżi f'dan ir-rigward;
24. Jirrikonoxxi l-progress li sar fil-ħarsien tal-minoranzi u li tista’ tgħid tlesta t-twaqqif ta’ qafas istituzzjonali u leġiżlattiv adegwat għall-ħarsien tal-minoranzi; jinnota, madankollu, li d-diskriminazzjoni għadha problema fl-Albanija, b’mod partikulari dik kontra l-kategoriji ta' persuni vulnerabbli u r-rispett għall-identità tas-sessi u l-orjentament sesswali, u li jeħtieġ isiru aktar sforzi sabiex tiġi miġġielda, inkluża s-sensibilizzazzjoni; jinnota bi tħassib, b'rabta ma' dan, il-protesti reċenti kontra l-omosesswalità fl-Albanija; jenfasizza li jeħtieġ li jsiru iktar sforzi biex jiġu ssodisfati l-prijoritajiet tas-Sħubija Ewropea fir-rigward tal-minoranzi, u b'mod iktar speċifiku l-użu tal-lingwi minoritarji u l-provvista ta' edukazzjoni b'dawn il-lingwi u ta' trattament mhux diskriminatorju għall-membri tal-minoranzi kollha;
25. Jilqa' t-tibdil li sar fil-Kodiċi Kriminali bl-għan li jiġu indirizzati l-krimini razzisti; għal dan il-għan, ifaħħar l-adozzjoni reċenti tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni, imfassla b’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jitlob l-implimentazzjoni rapida u effikaċi tagħha; jilqa' b'mod partikolari l-istabbiliment ta' kummissarju indipendenti għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, b'responsabbiltà għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-liġi u l-investigazzjoni tal-ilmenti; barra minn hekk, jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal data statistika preċiża u affidabbli, li hija essenzjali għall-implimentazzjoni effikaċi ta' miżuri kontra d-diskriminazzjoni u għal dan il-għan, jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza li jitwettaq ċensiment nazzjonali ppjanat għall-2011, li jkun konformi ma’ standards magħrufa fuq livell internazzjonali li jiżguraw ir-rispett sħiħ tal-prinċipju tal-awtoidentifikazzjoni libera;
26. Jitlob għal aktar sforzi biex titjieb is-sitwazzjoni tar-Roma, li jkomplu jħabbtu wiċċhom ma' kundizzjonijiet tal-għajxien diffiċli u jsofru diskriminazzjoni fl-oqsma tal-aċċess għall-edukazzjoni, il-ħarsien soċjali, il-kura tas-saħħa, l-impjiegi u l-akkomodazzjoni adegwata; għal dan il-għan, jilqa' l-pjan ta' azzjoni tal-gvern għad-Deċennju tal-Inklużjoni tar-Roma iżda jinnota li l-awtoritajiet u l-komunitajiet lokali għandu jkollhom rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni u li għandhom ikunu pprovduti b'baġit adegwat biex jagħmlu dan; iħeġġeġ lill-awtoritajiet relevanti biex jimplimentaw il-pjan ta’ azzjoni u jippubblikaw rapporti regolari dwar il-progress;
27. Jirrikonoxxi t-tnaqqis sinifikanti fil-faqar f’dawn l-aħħar snin b’riżultat ta’ tkabbir tal-PGD reali akbar; jinnota, madankollu, li minkejja l-progress ekonomiku, parti kunsiderevoli mill-popolazzjoni għadha tgħix fil-faqar, u għaldaqstant jeħtieġ li jkun hemm sforzi kontinwi biex jibqa’ jitnaqqas il-faqar, b’mod partikulari fl-inħawi rurali u f'dawk muntanjużi;
28. Jilqa' l-progress li sar fir-rigward tal-prevenzjoni tat-tortura u tat-trattament ħażin, anke fis-sistema tal-ħabsijiet; jitlob li jkun hemm titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-ħabsijiet sabiex dawn ikunu konformi ma' standards ta' dinjità umana u biex jingħelbu l-livelli għoljin ta' korruzzjoni fis-servizz tal-ħabs; jenfasizza li jeħtieġ li jsir progress fit-titjib tal-kundizzjonijiet tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni wara li l-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u tat-Trattament jew Kastigi Inumani u Degradanti (CPT) kien għamel dawn ir-rakkomandazzjonijiet fl-2008, u jfakkar fil-konklużjonijiet tal-Ombudsman li l-kundizzjonijiet huma taħt l-istandards nazzjonali u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem għad-detenzjoni tal-priġunieri u sforzi fil-ġlieda kontra l-livelli għoljin ta' korruzzjoni fis-servizz tal-ħabs;
29. Jenfasizza li ħafna qrati ma jwettqux reviżjonijiet ġudizzjarji ex officio għal pazjenti psikjatriċi, u għalhekk ma jingħatax ċans lil pazjenti mibgħuta fl-isptarijiet b’mod furzat li jinstemgħu minn imħallef; ifakkar fis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-każ ta' Dybeku vs l-Albanija, u jitlob li jiġi żgurat li l-ħabsin li jsofru minn mard mentali ma jitqegħdux fl-istess faċilitajiet bħal dawk li ma jsofrux minn kundizzjonijiet simili;
30. Jesprimi tħassib dwar it-tqegħid bla bżonn ta’ tfal f’orfanatrofji minħabba l-faqar u dwar il-konsegwenzi fuq medda twila ta' żmien u t-trattament inugwali għall-orfni adulti fir-rigward tal-aċċess ugwali għall-faċilitajiet soċjali, bħad-djar;
31. Jagħraf ir-relazzjoni tajba li l-Albanija għandha mal-ġirien tagħha bħala kontribuzzjoni essenzjali għall-istabbiltà reġjonali u jilqa' t-tendenza reċenti pożittiva bejn l-Albanija u s-Serbja, flimkien mal-parteċipazzjoni attiva tal-pajjiż f'inizjattivi reġjonali bħall-Proċess ta' Kooperazzjoni tax-Xlokk tal-Ewropa, il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Reġjonali, il-Komunità tal-Enerġija u l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Bank Ċentrali Ewropew (CEFTA), l-Osservatorju tat-Trasport tax-Xlokk tal-Ewropa (SEETO) u n-negozjati għall-konklużjoni ta’ Trattat li jwaqqaf il-Komunità tat-Trasport; jenfasizza li l-kooperazzjoni transkonfinali reġjonali hija essenzjali biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħat-traffikar tal-persuni;
32. Jinnota b'sodisfazzjoni l-inizjattivi tal-Albanija biex jitneħħew ir-rekwiżiti ta' viżi għall-pajjiżi ġirien, li jikkostitwixxu pass pożittiv li jiffaċilita l-kuntatti bejn il-popli u jtejjeb ir-rikonċiljazzjoni reġjonali; huwa tal-fehma li inizjattivi bħal dawn għandhom jittieħdu b'mod parallel għall-proċess ta' liberalizzazzjoni tal-viżi bl-involviment tal-pajjiżi fiż-żona ta' Schengen u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;
33. Jifraħ lill-Albanija dwar it-tkabbir ekonomiku tagħha matul riċessjoni ekonomika globali; jiġbed l-attenzjoni madankollu lejn l-ekonomija kbira informali tagħha, ir-rata għolja tal-qgħad u s-suq tax-xogħol mhux irregolat, li jwasslu għal inċertezza fl-impjiegi u jimminaw b'mod sostanzjali d-drittijiet tal-ħaddiema; jinnota d-dejn fiskali u pubbliku dejjem jogħla tal-Albanija;
34. Jittama li l-istrument għall-Għajnuna ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) jista’ jgħin sabiex titjieb is-sitwazzjoni ekonomika tal-Albanija; jinnota, madankollu, li l-programmi ta’ finanzjament tal-IPA jridu jkunu akkumpanjati minn sistema effiċjenti ta’ evalwazzjoni;
35. Huwa tal-fehma li l-Albanija trid tkompli l-ħidma tagħha fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-politiki ekonomiċi neċessarji biex tiżgura tkabbir ekonomiku sostenibbli, protezzjoni ambjentali u ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza l-importanza li tinżamm l-istabilità makroekonomika;
36. Jinnota li ftit li xejn sar progress f'termini ta' konsolidazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà, u b'hekk jixxekkel l-iżvilupp ta' suq tal-proprjetà li jaħdem kif suppost; jirrimarka li l-proċess tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà, l-inventorju tal-art statali u l-kumpens possibbli għad ma fihomx trasparenza u għadhom iridu jiġu kkompletati b'mod ġust, mingħajr diskriminazzjoni kontra persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; jappella biex ikun hemm aktar sforzi fir-rigward tal-ewwel reġistrazzjoni tal-proprjetà, tar-radd lura tal-proprjetà, tal-leġiżlazzjoni tal-kostruzzjoni informali, u tal-kumpens;
37. Jilqa’ l-isforzi tal-awtoritajiet Albaniżi biex itejbu l-klima tan-negozju billi jissimplifikaw il-proċeduri biex jiġu rreġistrati negozji u biex jingħataw liċenzji u permessi; madankollu jenfasizza li jenħtieġ titjib ulterjuri minħabba li l-klima għan-negozju fl-Albanija għadha meqjusa bħala waħda mill-aktar diffiċli fil-Balkani tal-punent; jappella lill-awtoritajiet biex jiġu indirizzati għadd ta’ nuqqasijiet, pereżempju b'rabta mal-proċeduri biex jinkisbu titoli fuq is-sjieda tal-art, l-infurzar tal-kuntratti, l-amministrazzjoni pubblika dgħajfa u l-livelli għolja ta’ korruzzjoni;
38. Meta wieħed iżomm f'moħħu li parti importanti tal-ekonomija tal-pajjiż hija bbażata fuq flus li jibagħtu l-emigranti li jgħixu fil-pajjiżi ġirien, jinkuraġġixxi lill-Albanija biex tkompli l-ħidma fuq politiki pubbliċi u investimenti biex tittejjeb l-infrastruttura fl-oqsma kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u l-koeżjoni soċjali, inter alia fl-edukazzjoni, is-saħħa, il-ġustizzja, it-trasport u l-agrikoltura;
39. Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, filwaqt li fl-istess ħin tittejjeb l-effiċjenza enerġetika; jiġbed attenzjoni partikolari lejn il-potenzjal konsiderevoli tal-Albanija fir-rigward tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u jitlob li jsiru iktar sforzi biex dan il-potenzjal jiġi żviluppat ulterjorment, filwaqt li jitqies li ħafna mill-istruttura tal-provvista tal-enerġija fil-pajjiż qed tiġi żviluppata bħalissa; jilqa, f’dan ir-rigward, il-proġetti ġodda fis-settur tal-enerġija idroelettrika u jappella biex ikun hemm aktar sforzi fir-rigward tal-iżvilupp ta’ proġetti tal-enerġija mix-xemx u mir-riħ; jirirmarka li l-investiment fl-enerġija minn sorsi rinnovabbli joħloq opportunitajiet għat-tkabbir u għall-impjiegi fuq livell lokali u reġjonali;
40. Jenfasizza, fir-rigward tal-proġett imħabbar fl-2007 għall-kostruzzjoni ta’ impjant tal-enerġija nukleari fl-Albanija, l-importanza fuq kollox tas-sikurezza nukleari u tal-protezzjoni mir-radjazzjoni; jinnota, f’dan ir-rigward, li l-Albanija għadha ma ffirmatx il-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni tal-Fjuwil Nukleari Użat u dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni tal-Iskart Radjuattiv;
41. Iħeġġeġ lill-Gvern Albaniż biex jiżviluppa sorsi tal-enerġija rinnovabbli, itejjeb l-implimentazzjoni tal-politika dwar il-ġestjoni tal-iskart u jiżviluppa aktar it-turiżmu sostenibbli mil-lat ambjentali sabiex jippreserva l-wirt sabiħ naturali u arkitettoniku;
42. Jesprimi tħassib dwar il-kundizzjonijiet miżeri tat-trasport pubbliku, partikolarment tal-ferroviji; jistieden lill-Gvern Albaniż sabiex jagħmel użu sħiħ mill-fondi IPA sabiex jiżviluppa, itejjeb u jimmodernizza n-netwerk tal-ferroviji u jtejjeb il-kollegamenti mal-pajjiżi ġara kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija;
43. Jitlob għal aktar progress fil-protezzjoni ambjentali, kemm fiż-żoni urbani kif ukoll fil-kampanja, għall-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni ambjentali u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali bil-għan li tiġi promossa s-sostenibilità ambjentali; għal dan il-għan, jilqa' l-ftehim dwar il-protezzjoni u l-iżvilupp sostenibbli ta' Prespa Park li ffirmaw l-Albanija, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Greċja, flimkien mal-Kummissjoni;
44. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Albanija.