Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0424/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0424/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan

5.7.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Marie-Christine Vergiat f’isem il-Grupp GUE/NGL

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0424/2010
Testi mressqa :
B7-0424/2010
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0424/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kirgiżistan u l-Ażja Ċentrali,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija u ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kirgiżistan li daħal fis-seħħ fl-1999,

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Strateġija Reġjonali tal-Komunità Ewropea għal Assistenza lill-Ażja Ċentrali għall-perjodu 2007-2013,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-ex President Kurmanbek Bakiyev, li ħa l-kariga għall-ewwel darba f'Lulju 2005, reġa’ ġie elett is-sena l-oħra għal leġiżlatura oħra bħala president f’elezzjoni li l-osservaturi indipendeti qalu kienet imċapsa bi frodi massiv; billi, wara l-impenji demokratiċi inizjali tiegħu, il-gvern ta’ Bakiyev sar awtoritarju u ripressiv u kien hemm perċezzjoni estensiva li r-reġim tiegħu kien korrott u mħammeġ minn abbużi ta’ awtorità,

B.  billi l-gvern preċedenti dewwem għal xhur il-ħlas tas-salarji u l-pensjonijiet; billi fl-istess ħin il-grupp tal-qalba tal-ex president Bakiyev ittrasferixxa miljuni ta’ dollari lejn kontijiet bankarji offshore,

C. billi mietu aktar minn 84 persuna u weġġgħu aktar minn 500 persuna meta, nhar is-7 ta’ April, it-truppi Kirgiżi intervjenew bħala reazzjoni għall-protesti kontra żieda drastika fil-prezzijiet tad-dawl u t-tisħin,

D. billi madwar 2 000 persuna nqatlu fil-ġlied bejn il-Kirgiżi u l-Uzbeki fin-Nofsinhar tal-Kirgiżistan f’Ġunju 2010,

E.  billi mhijiex biss il-qagħda politika fil-Kirgiżistan li għadha instabbli, imma anki l-qagħda soċjali u ekonomika; billi l-Kirgiżistan, b’mod deplorabbli, għadu fil-biċċa l-kbira kkaratterizzat mill-faqar u kotra ta’ theddid serju kontra s-sigurtà tal-bniedem,

F.  billi r-referendum dwar il-kostituzzjoni l-ġdida seħħ fis-27 ta’ Ġunju u l-mexxejja interim Roza Otunbayeva ġiet inawgurata bħala president u se tifforma gvern,

G. billi l-UE hi essenzjali bħala donatur tal-għajnuna li hi preżenti fil-Kirgiżistan,

H. billi kemm l-Istati Uniti u r-Russja għandhom bażijiet militari fil-pajjiż; billi wara deċiżjoni tal-Parlament biex jingħalqu l-bażijiet militari tal-Istati Uniti, il-gvern tal-Istati Uniti żied il-ħlasijiet b’mod konsiderevoli u kiseb proroga sas-sajf 2010; billi l-gvern ta’ Bakiyev intensifika n-negozjati ġodda mal-Istati Uniti dwar ftehim fit-tul; billi l-bażi militari tal-Istati Uniti fil-Kirgiżistan hi ta’ importanza kbira għall-provvista militari għat-truppi fl-Afganistan,

 

I.   billi l-gvern tal-Federazzjoni Russa adotta pakkett ta’ 50 miljun dollaru f’assistenza ekonomika lill-Kirgiżistan, flimkien ma' konsenji ta’ petrol u diesel,

1.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan u joffri l-kondoljanzi tiegħu għall-familji tal-vittmi kollha tal-avvenimenti traġiċi;

2.  Jitlob li jkun hemm investigazzjoni bir-reqqa tal-avvenimenti; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li ssir ġustizzja minn kwalunkwe persuna responsabbli għall-vjolenza massiva fi proċessi ġusti u li l-vittmi u qrabathom jieħdu assistenza u kumpens;

3.  Jisiteden lill-atturi internazzjonali kollha biex irażżnu u jevitaw kull indħil fl-affarijiet interni tal-Kirgiżistan u biex jirrispettaw id-drittijiet indipendenti tal-Kirgiżistan; jitlob li l-bażijiet militari barranin fir-reġjun jingħalqu, speċjalment dawk li jintużaw mill-forzi tal-Istati Uniti għall-gwerra fl-Afganistan;

4.  Iħeġġeġ lill-gvern biex jagħmel kull sforz biex iżomm il-paċi fin-Nofsinhar tal-Kirgiżistan;

5.  Jappoġġa l-aspirazzjonijiet tal-poplu Kirgiż għat-titjib tal-istandards ta’ għajxien tagħhom; itenni li l-poplu tal-Kirgiżistan bata minn żieda fl-ispejjeż għall-akkomodazzjoni u l-privatizzazzjoni ta’ industriji fundamentali għall-benefiċċju ta’ minoranza oligarka; jikkundanna l-miżuri ripressivi mill-gvern preċedenti li pprojbixxa siti tal-internet, il-portal tal-internet Stan TV u protesti, kif ukoll arresta lill-mexxejja tal-oppożizzjoni;

6.  Jinnota r-riżultati tar-referendum dwar il-kostituzzjoni l-ġdida li sar fis-27 ta’ Ġunju u t-tħabbira ta’ elezzjonijiet ġenerali ġodda fl-10 ta’ Ottubru;

7.  Iħeġġeġ lill-gvern biex jagħmel kull sforz biex joħloq il-kundizzjonijiet għal sistema effettiva u trasparenti li tista’ trażżan id-dominanza tal-politika tal-gruppi tal-qalba u tqanqal l-iżvilupp politiku, soċjali u ekonomiku; jisħaq fuq il-fatt li issa l-isforzi jridu jiġu ffukati fuq it-titjib tal-ħajja tal-poplu permezz tal-iżvilupp nazzjonali u l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadin;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kirgiżistan jiġi assistit biex jegħleb il-problemi soċjali u ekonomiċi; jitlob lill-Kummissjoni biex tħejji proposti dwar ir-riallokazzjoni tal-fondi tal-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp biex tgħin tiżgura li r-rispons tal-UE fuq medda ta' żmien qasira u medja għas-sitwazzjoni l-ġdida fil-Kirgiżistan isir fuq skala adegwata; jenfasizza li għandha tingħata prijorità speċjali għas-soluzzjoni tal-problemi fl-oqsma tal-edukazzjoni, is-saħħa u l-provvista tal-ilma;

9.  Jilqa’ l-isforzi li qed isiru biex tissejjaħ konferenza internazzjonali taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti li għandha tindirizza l-problemi umanitarji u l-ħtiġijiet bażiċi tal-Kirgiżistan u tipprovdi l-għajnuna li jkun hemm bżonn għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iniedu programm ta’ għajnuna ġdid għall-Kirgiżistan;

10. Jilqa’ l-impenn tal-OSKE, attwalment ippreseduta mill-Kazakistan, fil-proċess għall-immaniġġjar tal-kunflitti u l-istabbilizzazzjoni tar-reġjun;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-OSKE u lill-parlament tal-Federazzjoni Russa, l-Istati Uniti u l-Kazakistan.