MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar approċċ ibbażat fuq id-drittijiet fir-reazzjoni tal-UE għall-HIV/AIDS
5.7.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Tannock f’isem il-Grupp ECR
B7‑0425/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar approċċ ibbażat fuq id-drittijiet fir-reazzjoni tal-UE għall-HIV/AIDS
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-XVIII-il Konferenza Internazzjonali dwar l-AIDS: "Right Here, Right Now", li ser tinżamm fi Vjenna bejn it-18 u t-23 ta' Lulju 2010,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Impenn tan-NU dwar l-HIV/AIDS, "Kriżi Globali – Azzjoni Globali" adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-27 ta’ Ġunju 2001, waqt is-26 Seduta Speċjali tagħha,
– wara li kkunsidra l-Laqgħa ta’ Livell Għoli tas-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNGASS) dwar l-HIV/AIDS tat-2 ta’ Ġunju 2006 u d-dikjarazzjoni politika adottata f’dik il-laqgħa,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Abuja tas-27 ta’ April 2001 dwar l-HIV/AIDS, it-Tuberkolożi u Mard Infettiv Ieħor Relatat, u l-Pożizzjoni Komuni tal-Afrika dwar il-Laqgħa ta’ Livell Għoli tal-UNGASS tal-2006 u l-Appell għal Azzjoni Aċċellerata lejn l-Aċċess Universali għas-Servizzi li jirrigwardaw l-HIV u l-AIDS, it-Tuberkolożi u l-Malarja fl-Afrika, iffirmata f’Abuja fl-4 ta’ Mejju 2006 mill-Unjoni Afrikana,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 dwar l-HIV/AIDS: Żmien ta' Azzjoni; tal-24 ta’ April 2007 dwar il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi ġirien, 2006-2009; tal-20 ta' Novembru 2008 dwar l-HIV/AIDS: dijanjożi bikrija u kura bikrija,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Progress fil-Programm Ewropew għal Azzjoni kontra l-HIV/AIDS, il-Malarja u t-Tuberkulożi permezz tal-Azzjoni Esterna (2007-2011), Novembru 2009,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-2009 tal-UNAIDS dwar l-Epidemija Globali tal-AIDS,
– wara li kkunsidra l-UNAIDS Outcome Framework 2009-2011,
– wara li kkunsidra r-Rapport tan-NU dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju għall-2010,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2010 dwar il-progress li sar biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju: reviżjoni ta’ nofs it-terminu bi tħejjija għal-laqgħa ta’ livell għoli tan-NU f’Settembru 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-HIV/AIDS tibqa waħda mill-kawżi ta’ mortalità ewlenin fid-dinja, b’responsabilità għall-mewt ta’ żewġ miljun persuna fl-2008, u hu previst li tibqa kawża globali sinifikanti ta' mortalità prematura fid-deċennji li ġejjin,
B. billi is-sess mingħajr protezzjoni bejn eterosesswali, attwalment hu l-aktar fattur uniku importanti fit-tixrid tal-infezzjonijiet tal-HIV madwar id-dinja u nofs l-infezzjonijiet il-ġodda tal-HIV jaffettwaw liż-żgħażagħ f’età anqas minn 25 sena,
C. billi attwalment in-nisa jirrapreżentaw nofs il-persuni kollha li għandhom l-AIDS u s-60% ta' dawk li għandhom l-AIDS fl-Afrika, bin-nisa jkunu darbtejn jew erba' darbiet aktar suxxettibli mill-irġiel li jittieħdu. Jibqa mħasseb ħafna dwar l-espansjoni globali u l-feminizzazzjoni tal-marda,
D. billi l-HIV/AIDS tibqa waħda mill-kawżi ta’ mortalità ewlenin fid-dinja, b’responsabilità għall-mewt ta’ żewġ miljun persuna fl-2008, u hu previst li tibqa kawża globali sinifikanti ta' mortalità prematura fid-deċennji li ġejjin,
E. billi n-nisa u t-tfajliet, iż-żgħażagħ, l-anzjani, l-irġiel omosesswali, dawk li jiddependu mid-droga b’injezzjoni u oħrajn, il-ħaddiema tas-sess, il-popolazzjonijet transesswali, il-priġunieri, il-ħaddiema migranti, l-orfni, il-persuni f'sitwazzjonijiet ta’ kunflitt u ta’ wara kunflitt, il-popolazzjonijet indiġeni, ir-rifuġjati u l-persuni spustati internament, kif ukoll il-ħaddiema ta’ avviċinament tal-HIV/AIDS huma fost l-aktar vulnerabbli għall-HIV/AIDS u għall-impatt tal-pandemija,
F. billi t-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali għal kulħadd huma essenzjali għat-tnaqqis tal-vulnerabilità għall-HIV/AIDS,
G. billi l-Afrika Subsaħarjana għadha l-aktar reġjun milqut ħażin bi 22.4 miljun persuna li għandhom l-HIV/AIDS u b’71% tat-total tal-infezzjonijiet il-ġodda bl-HIV/AIDS fl-2008,
H. billi n-nisa u t-tfajliet għadhom jiġu effettwati b’mod sproporzjonat bl-HIV/AIDS, bin-nisa jirrappreżentaw madwar 60% tal-infezzjonijiet tal-HIV/AIDS fl-Afrika Subsaħarjana.
I. billi minħabba l-istigma marbuta mal-HIV/AIDS madwar 30% tan-nies infettati bl-HIV/AIDS mhumiex konxji mill-pożittività tagħhom għall-HIV/AIDS u l-istudji jissuġġerixxu li l-infezzjoni mhux dijanjostikata tiffaċilità t-trażmissjoni kontinwa tal-HIV/AIDS u tkabbar is-suxxetibilità għall-mortalità bikrija fost in-nies li għandhom l-HIV/AIDS,
J. billi l-imġiba omosesswali għadha stigmatizzata bil-qawwa, l-aktar fl-Afrika Subsaħarjana, fejn 31 pajjiż jikkriminalizzaw l-attività omosesswali bejn adulti konsenswali, 4 pajjiżi jikkundannawha permezz tal-piena kapitali u oħrajn għandhom pieni kriminali ta' aktar minn 10 snin priġunerija u din l-istigmatizzazzjoni xxekkel il-ħidma preventiva kontra l-HIV/AIDS,
K. billi f’ħafna pajjiżi l-kriminalizzazzjoni ta’ dawk li jiddependu mid-drogi illegali twaqqafhom milli jaċċedu għall-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ għall-HIV/AIDS u issaħħaħ it-trażmissjoni tal-HIV/AIDS marbuta mal-użu ta' droga b'injezzjoni,
L. billi 106 pajjiż jirraportaw li għad għandhom liġijiet u politiki li jostakolaw b’mod sinifikanti r-reazzjonijiet effettivi kontra l-HIV/AIDS,
M. billi huwa stmat li fl-2008, 17.5 miljun tifel u tifla tilfu ġenitur wieħed jew it-tnejn li huma minħabba l-HIV/AIDS – bil-maġġoranza l-kbira ta' dawn it-tfal jgħixu fl-Afrika Subsaħarjana – u spiss ibatu minn stigma u diskriminazzjoni u jistgħu jiġu miċħuda l-aċċess għal servizzi bażiċi bħall-edukazzjoni u l-kenn filwaqt li tiżdied ukoll il-vulnerabbiltà tagħhom għall-infezzjoni bl-HIV/AIDS,
1. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrispettaw l-impenji tagħhom u jżidu l-isforzi tagħhom biex l-HIV/AIDS titqies bħala prijorità għas-saħħa pubblika globali, bil-prominenza tad-drittijiet tal-bniedem fil-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ għall-HIV/AIDS, inkluż fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE;
2. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jippromovu l-aħjar politiki u prattiki fid-djalogu politiku fil-livell globali u nazzjonali dwar ir-reazzjonijiet ibbażati fuq id-drittijiet għall-HIV/AIDS:
– billi jiżguraw tal-promozzjoni, il-protezzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni li għandhom l-HIV/AIDS u tal-popolazzjonijiet oħrajn ewlenin,
– billi jappoġġjaw ir-reviżjoni u l-emendar tal-leġiżlazzjonjeit li jostakolaw il-programmi u s-servizzi bbażati fuq l-evidenza għall-HIV/AIDS, b'mod partikolari għall-popolazzjonijiet ewlenin,
– bl-ipprogrammar immirat tal-HIV/AIDS għall-persuni li għandhom l-HIV/AIDS u għall-popolazzjonijiet oħrajn ewlenin u mmirati għat-tisħiħ tal-inividwi u l-komunitajiet biex iwieġbu għall-HIV/AIDs, għat-tnaqqis tar-riskju u tal-vulnerabilità għall-infezzjoni mill-HIV/AIDS u għall-mitigazzjoni tal-impatt negattiv tal-HIV/AIDS,
– billi jiżguraw li l-monitoraġġ tal-progress fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fil-ġejjieni jinkludi indikaturi li jindirizzaw u jivvalutaw b’mod dirett il-kwistjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-HIV/AIDS,
– billi jirrispettaw il-prinċipju tat-3C (kunsens, kunfidenzjalità u konsulenza informata) fl-ittestjar tal-HIV/AIDS u f’servizzi oħrajn relatati mal-HIV/AIDS,
– billi jiġġieldu kontra l-istigma u d-diskriminazzjoni ta’ nies li għandhom l-HIV/AIDS u ta’ popolazzjonijiet oħrajn ewlenin u billi jipproteġu d-drittijiet tagħhom għas-sikurezza u l-protezzjoni mill-abbuż u mill-vjolenza,
– billi jippromovu u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni akbar tan-nies li għandhom l-HIV/AIDS u tal-popolazzjonijiet oħrajn ewlenin fir-reazzjonijiet għall-HIV/AIDS,
– billi joffru informazzjoni oġġettiva u imparzjali dwar il-marda,
– billi jagħtu s-setgħa, il-ħiliet, l-għarfien u r-riżorsi lin-nies biex jipproteġu lilhom infushom mill-HIV/AIDS;
3. Madankollu jiddispjaċih li d-dikjarazzjoni tonqos milli tiffissa kull tip ta’ miri globali jew skadenzi ta’ żmien għat-trattament, ir-riżorsi u l-prevenzjoni u ma tipprovdix pjan ta’ azzjoni vijabbli għat-tisħiħ tal-għan għall-għoti ta’ aċċess universali għall-persuni kollha milquta mill-HIV sal-2010;
4. Jesprimi tħassib serju għall-fatt li nofs l-infezzjonijiet tal-HIV l-ġodda jseħħu fost it-tfal u ż-żgħażagħ;
5. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li għalkemm numru kbir ta’ infezzjonijiet iseħħu minħabba l-qsim ta’ labar użati fl-abbuż tad-droga, f’ħafna pajjiżi għad m’hemm l-ebda programm effettiv fis-seħħ għall-għoti ta’ labar ġodda lil dawk li jabbużaw mid-droga, inkluż fi Stati Membri;
6. Jenfasizza li biex it-tixrid tal-HIV/AIDS jitrażżan u jitreġġa’ lura b'mod effettiv, hu essenzjali li l-gruppi vulnerabbli ewlenin jingħataw miżuri speċifiċi;
7. Jirrikonoxxi l-importanza ta’ sieda nazzjonali, u jistieden lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex b’mod ġenerali jagħtu prijorità lill-infiq għas-saħħa u biex jiġġieldu kontra l-HIV/AIDS u jitlob li l-Kummissjoni tappoġġja l-gvernijiet nazzjonali u tinkludi s-soċjetà ċivili fl-indirizzar tat-tnaqqis tal-istigma u tad-diskriminazzjoni;
8. Iħeġġeġ il-promozzjoni ta’ aċċess għal servizzzi ta' edukazzjoni, informazzjoni, volontarjat, konsulenza, ittestjar u servizzi relatati mal-HIV/AIDS, fil-livell interazzjonali, reġjonali, nazzjonali u lokali, bi protezzjoni sħiħa tal-kunfidenzjalità u l-kunsens informat, u l-promozzjoni ta’ ambjent soċjali u legali li hu ta' appoġġ u sikur għall-istqarrija volontarja tal-istatus tal-HIV;
9. Jenfasizza l-importanza tal-azzjoni lokali u l-fatt li l-prevenzjoni, it-trattament u r-reazzjonijiet ta’ kura jeħtieġu l-parteċipazzjoni tal-komuitajiet lokali;
10. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien mal-UNAIDS fir-rwol tagħha għat-tkattir u l-appoġġ tal-isforzi nazzjonali għat-tfassil ta' proċessi inklussivi, u trasparenti u għal miri nazzjonali ambizzjużi, għall-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ għall-HIV;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Programm Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-HIV/AIDS, lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u lill-organizzaturi tat-XVIII-il Konferenza Internazzjali dwar l-AIDS.