Proċedura : 2010/2771(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0428/2010

Testi mressqa :

B7-0428/2010

Dibattiti :

PV 07/07/2010 - 18
CRE 07/07/2010 - 18

Votazzjonijiet :

PV 08/07/2010 - 6.6
CRE 08/07/2010 - 6.6

Testi adottati :

P7_TA(2010)0284

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 149kWORD 97k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0412/2010
5.7.2010
PE442.026v01-00
 
B7-0428/2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għar-reazzjoni tal-UE għall-HIV/AIDS


Gabriele Zimmer, Bairbre de Brún, Marisa Matias f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għar-reazzjoni tal-UE għall-HIV/AIDS  
B7‑0428/2010

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra t-XVIII-il Konferenza Internazzjonali dwar l-AIDS: "Right Here, Right Now", li ser issir fi Vjenna bejn it-18 u t-23 ta' Lulju 2010,

 

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Impenn tan-NU dwar l-HIV/AIDS, "Kriżi Globali – Azzjoni Globali" adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-27 ta’ Ġunju 2001, waqt is-26 Sessjoni Speċjali tagħha,

 

 wara li kkunsidra l-Laqgħa ta’ Livell Għoli tas-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNGASS) dwar l-HIV/AIDS tat-2 ta’ Ġunju 2006 u d-dikjarazzjoni politika adottata f’dik il-laqgħa,

 

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Abuja tas-27 ta’ April 2001 dwar l-HIV/AIDS, it-Tuberkulożi u Mard Infettiv Ieħor Relatat, u l-Pożizzjoni Komuni tal-Afrika dwar il-Laqgħa ta’ Livell Għoli tal-UNGASS tal-2006 u l-Appell għal Azzjoni Aċċellerata lejn l-Aċċess Universali għas-Servizzi li jirrigwardaw l-HIV u l-AIDS, it-Tuberkulożi u l-Malarja fl-Afrika, iffirmata f’Abuja fl-4 ta’ Mejju 2006 mill-Unjoni Afrikana,

 

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 dwar l-HIV/AIDS: Żmien ta' Azzjoni; tal-24 ta’ April 2007 dwar il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi ġirien, 2006-2009; tal-20 ta' Novembru 2008 dwar l-HIV/AIDS: dijanjożi bikrija u kura bikrija,

 

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Progress fil-Programm Ewropew għal Azzjoni kontra l-HIV/AIDS, il-Malarja u t-Tuberkulożi permezz tal-Azzjoni Esterna (2007-2011), Novembru 2009,

 

 wara li kkunsidra r-rapport tal-2009 tal-UNAIDS dwar l-Epidemija Globali tal-AIDS,

 

 wara li kkunsidra l-Qafas ta’ Eżitu tal-UNAIDS għall-2009-2011,

 

 wara li kkunsidra r-Rapport tan-NU dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju għall-2010,

 

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2010 dwar il-progress li sar biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju: reviżjoni ta’ nofs it-terminu bi tħejjija għal-laqgħa ta’ livell għoli tan-NU f’Settembru 2010,

 

 wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A. billi n-numru ta’ nies li għandhom l-HIV/AIDS għadu qed jikber, b’madwar 33.4 miljun persuna bl-HIV/AIDS fid-dinja, u partikolarment ta’ tħassib huma t-2.7 miljun persuna li ġew infettati fl-2008,

 

B. billi l-HIV/AIDS tibqa’ waħda mill-kawżi ta’ mewt ewlenin fid-dinja, b’rata ta’ mewt ta' żewġ miljuni fl-2008, u hi mistennija li tibqa’ kawża globali sinifikanti ta' mortalità prematura fid-deċennji li ġejjin,

 

C. billi sal-aħħar tal-2009 hu stmat li 5 miljun persuna f’pajjiżi bi dħul ta’ livell baxx jew medju kienu qegħdin jirċievu terapija antiretrovirali – żieda ta’ aktar minn għaxar darbiet fuq ħames snin u żieda f'daqqa bla preċedent fl-istorja tas-saħħa pubblika,

 

D. billi n-numru ta’ infezzjonjiet ġodda għadu jiżboq l-espansjoni tat-trattament, u madwar żewġ terzi tan-nies fi bżonn ta' trattament fl-2009 għad m'humiex qegħdin jirċevuh, li jfisser li 10 miljun persuna fil-bżonn ma kellhomx aċċess għat-trattament effettiv meħtieġ,

 

E. billi l-Afrika Subsaħarjana għadha l-aktar reġjun milqut ħażin bi 22.4 miljun persuna li għandhom l-HIV/AIDS u b’71% tat-total ta’ infezzjonijiet ġodda tal-HIV/AIDS fl-2008,

 

F. billi hemm evidenza qawwija li l-prevenzjoni tal-HIV/AIDS hi mezz effettiv għat-tnaqqis ta’ infezzjonijiet ġodda,

 

G. billi hemm diskrepanza programmatika qawwija fil-parteċipazzjoni tan-nies li għandhom l-HIV/AIDS fl-isforzi ta’ prevenzjoni,

 

H. billi n-nisa u t-tfajliet għadhom jiġu affettwati sproporzjonalment mill-HIV/AIDS, bin-nisa jirrappreżentaw madwar 60% tal-infezzjonijiet tal-HIV/AIDS fl-Afrika Subsaħarjana u l-HIV/AIDS għadha l-kawża ewlenija ta’ mewt u mard fin-nisa fl-età li jistgħu jwelldu,

 

I. billi hemm aktar evidenza ta’ livelli għoljin ta’ infezzjonijiet u riskju f’nies li jkollhom imġiba sesswali ta’ riskju għoli, fi kważi r-reġjuni kollha, kif ukoll f’pajjiżi b’epidemiji ġeneralizzati, hemm ukoll nuqqas komuni li l-programmi ta’ prevenzjoni ta’ HIV/AIDS jiġu prijoritizzati u ffinanzjati għal dawk il-popolazzjonijiet,

 

J. billi minħabba l-istigma assoċjata mal-HIV/AIDS madwar 30% tan-nies infettati bl-HIV/AIDS mhumiex konxji tal-istatus pożittiv tal-HIV/AIDS tagħhom u l-istudji jissuġġerixxu li l-infezzjoni mingħajr dijanjożi tiffaċilità t-trażmissjoni kontinwa tal-HIV/AIDS u tkabbar is-suxxettibilità għal mortalità bikrija fost in-nies li għandhom l-HIV/AIDS,

 

K. billi l-imġiba omosesswali għadha stigmatizzata bil-qawwi, l-aktar fl-Afrika Subsaħarjana, fejn 31 pajjiż jikkriminalizzaw attività omosesswali bejn adulti konsenswali, 4 jikkundannawha bil-piena kapitali u oħrajn għandhom pieni kriminali ta' aktar minn 10 snin priġunerija - din l-istigmatizzazzjoni xxekkel il-ħidma preventiva tal-HIV/AIDS,

 

L. billi f’ħafna pajjiżi l-kriminalizzazzjoni ta’ dawk li jagħmlu użu minn drogi illegali twaqqafhom milli jaċċedu għall-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ għall-HIV/AIDS u ssaħħaħ it-trażmissjoni tal-HIV/AIDS marbuta mal-użu ta' droga b'injezzjoni,

 

M. billi 106 pajjiż għadhom jirrapportaw li għandhom liġijiet u politiki li huma ta’ ostakolu sinifikanti għal reazzjonijiet effettivi kontra l-HIV/AIDS,

 

N. billi huwa stmat li fl-2008 17.5 miljun tifel u tifla tilfu ġenitur wieħed jew it-tnejn li huma minħabba l-HIV/AIDS – bil-maġġoranza l-kbira ta' dawn it-tfal jgħixu fl-Afrika sub-Saħarjana – u spiss ibatu minn stigma u diskriminazzjoni u jistgħu jiġu miċħuda l-aċċess għal servizzi bażiċi bħall-edukazzjoni u l-kenn filwaqt li tiżdied ukoll il-vulnerabbiltà tagħhom għall-infezzjoni bl-HIV/AIDS,

 

O. billi r-relazzjoni bejn l-HIV/AIDS u d-diżabbiltà ma ngħatatx attenzjoni biżżejjed, għalkemm instab li l-persuni b'diżabbiltajiet jinsabu fil-popolazzjonijiet ewlenin kollha li għandhom riskju ogħla ta' esponiment għall-HIV/AIDS,

 

P. billi approċċ ibbażat fuq id-drittijiet b’reazzjoni għall-HIV/AIDS hu kontribut essenzjali biex tintemm l-epidemija,

 

1.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jerfgħu l-impenji tagħhom u jkabbru l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw l-HIV/AIDS bħala prijorità ta’ saħħa pubblika globali bid-drittijiet tal-bniedem ikunu ewlenin fil-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ għall-HIV/AIDS, inkluż fl-iżvilupp tal-kooperazzjoni fl-UE;

 

2.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jippromwovu d-dekriminalizzazzjoni tat-trażmissjoni u l-espożizzjoni(1) għall-HIV/AIDS fl-isforzi ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-UE, inkluż billi jitħeġġeġ ir-rikonoxximent tal-HIV/AIDS bħala diżabbiltà għar-raġunijiet ta' leġiżlazzjoni non-diskriminatorja attwali u futura;

 

3.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jippromovu l-aħjar politiki u prattiki fid-djalogu politiku fil-livell globali u nazzjonali dwar ir-reazzjonijiet ibbażati fuq id-drittijiet għall-HIV/AIDS:

 

–  fl-iżgurar tal-promozzjoni, il-protezzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni li għandhom l-HIV/AIDS u ta’ popolazzjonijiet ewlenin oħrajn,

 

 fl-appoġġ għar-reviżjoni u l-emendar tal-leġiżlazzjonijiet li jiffurmaw l-ostakoli għall-programmi u servizzi bbażati fuq l-evidenza għall-HIV/AIDS, b'mod partikolari għall-popolazzjonijiet ewlenin,

 

 fit-tqegħid tad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba ta’ deċiżjonijiet dwar l-allokazzjonijiet ta’ finanzjament għal reazzjonijiet għall-HIV/AIDS ġewwa u barra mill-Unjoni Ewropea,

 

 fl-ipprogrammar tal-HIV/AIDS immirat għal persuni li għandhom l-HIV/AIDS u għall-popolazzjonijiet ewlenin oħrajn u li huma mmirati għat-tisħiħ tal-individwi u l-komunitajiet biex jirreaġixxu għall-HIV/AIDs, għat-tnaqqis tar-riskju u tal-vulnerabbiltà għall-infezzjoni mill-HIV/AIDS u għall-mitigazzjoni tal-impatt negattiv tal-HIV/AIDS,

 

 fl-iffaċilitar u l-promozzjoni ta’ parteċipazzjoni sinifikanti tal-popolazzjonijiet ewlenin fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-ipprogrammar tal-appoġġ għall-HIV/AIDS,

 

 fl-iffaċilitar tal-aċċess universali għall-kura tas-saħħa, kemm jekk fir-rigward tal-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ marbut mal-HIV/AIDS jew għal dispożizzjonijiet mediċi oħrajn li mhumiex marbutin mal-HIV/AIDS,

 

 fl-iffaċilitar tal-aċċess għall-edukazzjoni u l-impjieg għal persuni li għandhom l-HIV/AIDS u għal popolazzjonijiet ewlenin oħrajn,

 

 fl-iżgurar li l-monitoraġġ tal-progress fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fil-ġejjieni jinkludi indikaturi li jindirizzaw u jivvalutaw b’mod dirett il-kwistjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem f’rabta mal-HIV/AIDS,

 

 fir-rispett tal-prinċipji tat-3C (kunsens, kunfidenzjalità u konsulenza informata) fl-ittestjar tal-HIV/AIDS u f'servizzi oħrajn relatati mal-HIV/AIDS,

 

 fil-ġlieda kontra l-istigma u d-diskriminazzjoni ta’ nies li għandhom l-HIV/AIDS u ta’ popolazzjonijiet ewlenin oħrajn u fil-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom għas-sikurezza u l-protezzjoni mill-abbuż u mill-vjolenza,

 

 fil-promozzjoni u l-iffaċilitar ta' parteċipazzjoni akbar tan-nies li għandhom l-HIV/AIDS u ta' popolazzjonijiet ewlenin oħrajn fir-reazzjonijiet għall-HIV/AIDS,

 

 fl-għoti ta’ informazzjoni oġġettiva u mhux preġudikata dwar il-marda,

 

 fl-għoti tas-setgħa, ħiliet, għarfien u riżorsi lin-nies biex jiġu protetti milli jimirdu mill-HIV/AIDS;

 

4.  Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jindirizzaw il-ħtiġijiet tan-nisa għall-prevenzjoni, it-trattament u l-kura tal-HIV/AIDS bħala miżura essenzjali għat-trażżin tal-epidemija, b’mod partikolari bl-espansjoni tal-aċċess għal programmi għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva, b’ittestjar għall-HIV/AIDS, bl-integrazzjoni sħiħa ta’ servizzi ta' konsulenza u prevenzjoni, u billi jitreġġgħu lura l-fatturi soċjoekonomiċi sottostanti li jikkontribwixxu għar-riskju tan-nisa għall-HIV/AIDS bħall-inugwaljanza tal-ġeneru, il-faqar, in-nuqqas ta’ opportunità ekonomika u ta’ edukazzjoni, u n-nuqqas ta’ protezzjoni legali u tad-drittijiet tal-bniedem;

 

5.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-parteċipazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà fir-reazzjoni għall-HIV/AIDS u għall-inklużjoni tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom fil-pjanijiet u l-politiki strateġiċi nazzjonali għall-HIV/AIDS, u jiżguraw li għandhom aċċess għal servizzi ta’ HIV/AIDS li huma mfasslin skont il-bżonnijiet u huma ekwivalenti għal servizzi oħrajn disponibbli għall-komunitajiet l-oħra;

 

6.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġjaw programmi ta’ tnaqqis ta’ ħsara għall-priġunieri u għal dawk li jagħmlu użu ta’ drogi b’injezzjoni;

 

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja lill-gvernijiet nazzjonali u li tinkludi lis-soċjetà ċivili biex tindirizza l-kopertura baxxa tal-programmi għat-tnaqqis tal-istigma u d-diskriminazzjoni u biex tkabbar l-aċċess għall-ġustizzja fir-reazzjonijiet nazzjonali għall-HIV/AIDS;

 

8.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jaħdmu flimkien mal-UNAIDS u ma’ msieħba oħrajn biex itejbu l-indikaturi għall-kejl tal-progress fil-livell globali, nazzjonali u programmatiku għat-tnaqqis tal-istigma u d-diskriminazzjoni marbutin mal-HIV/AIDS, inkluż l-indikaturi speċifiċi għal popolazzjonijiet ewlenin;

 

9.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jappoġġjaw il-ħidma tal-Kummissjoni Globali dwar l-HIV li twaqqfet reċentement u l-Liġi li tiżgura li l-leġiżlazzjoni taħdem għal reazzjoni effettiva għall-HIV/AIDS;

 

10.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jinvolvu l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali biex tiġbor aktar evidenza dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni li għandhom l-HIV/AIDS u ta’ popolazzjonijiet ewlenin oħrajn fl-Ewropa, b’kunsiderazzjoni speċjali tal-vulnerabbiltà tagħhom għal diskriminazzjoni multipla u intersettorjali;

 

11.  Jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni biex jallokaw tal-inqas 20% tan-nefqa totali għall-iżvilupp għas-saħħa bażika u għall-edukazzjoni, biex iżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-Fond Globali għall-ġlieda kontra l-AIDS, it-Tuberkulożi u l-Malarja, u biex iżidu l-iffinanzjar tagħhom ta' programmi oħra maħsuba biex isaħħu s-sistemi tas-saħħa u s-sistemi tal-Komunità;

 

12.  Jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni biex isibu rimedju għat-tnaqqis allarmanti fil-finanzjament tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u biex jappoġġjaw politiki dwar it-trattament ta’ infezzjonijiet trażmessi b’mod sesswali u l-forniment ta’ provvisti tas-saħħa riproduttiva li jikkonsistu fi drogi li jsalvaw il-ħajja u kontraċettivi, inklużi l-kondoms;

 

13.  Jistieden lill-UE biex tkompli il-ħidma tagħha b’taħlita ta’ strumenti finanzjarji fil-livelli globali u nazzjonali flimkien ma’ appoġġ baġitarju u permezz ta’ organizzazzjonijiet u mekkaniżmi partikolari li kienu ta' suċċess fl-indirizzar tad-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-HIV/AIDS, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet ibbażati fuq il-komunità;

 

14.  Jordna l-adozzjoni tat-Toolkit to Promote and Protect the Enjoyment of all Human Rights by Lesbian, Gay, Bisexual and Transgender People maħruġ mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-bniedem u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu;

 

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Programm Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-HIV/AIDS, lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u lill-organizzaturi tat-XVIII Konferenza Internazzjonali dwar l-AIDS.

(1)

Skont it-Taqsira Politika tal-UNAIDS dwar il-Kriminalizzazzjoni tat-Trażmissjoni tal-HIV, il-gvernijiet għandhom jillimitaw il-kriminalizzazzjoni għall-każijiet ta’ trażmissjoni b’intenzjoni, jiġifieri meta persuna tkun taf bl-istatus pożittiv għall-HIV tiegħu jew tagħha u jaġixxi bl-intenzjoni li jittrażmetti l-HIV, u fil-fatt jittrażmettiha.

Avviż legali - Politika tal-privatezza