Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0431/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0431/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet ta' Tferrix (CCM) u r-rwol tal-UE

5.7.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Johannes Cornelis van Baalen, Elizabeth Lynne f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0413/2010

Proċedura : 2010/2772(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0431/2010
Testi mressqa :
B7-0431/2010
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0431/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet ta' Tferrix (CCM) u r-rwol tal-UE

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonjiet ta' Tferrix (CCM) adottata minn 107 pajjiżi fil-konferenza diplomatika li saret f'Dublin mid-19 sat 30 ta' Mejju 2008,

–   wara li kkunsidra l-messaġġ tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-30 ta' Mejju 2008, li fih ħeġġeġ "lill-Istati biex jiffirmaw u jirratifikaw dan il-ftehim importanti mingħajr dewmien", u fejn stqarr li jistenna bil-ħerqa "d-dħul fis-seħħ tiegħu fi żmien qasir",

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal‑20 ta’ Novembru 2008 dwar il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjon tat-tip Cluster (P6_TA(2008)0565),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal 10 ta' Marzu 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea fil-kuntest tal-ESDP (P7_TA(2010)0061)

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-CCM ilha miftuħa għall-iffirmar mit‑3 ta' Diċembru 2008 f'Oslo, u wara fin-Nazzjonijiet Uniti fi New York, u billi se tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tas-sitt xahar wara t-tlettax-il ratifika, li se jaħbat l‑1 ta' Awwissu 2010,

B.  billi s-CCM se tipprojbixxi l-użu, il-produzzjoni, il-ħżin u t-trasferiment tal-munizzjonijiet ta' tferrix bħala kategorija sħiħa ta' armi;

C. billi s-CCM se tesiġi li l-Istati kontraenti jeqirdu ħażniet ta' dan it-tip ta' munizzjon,

D. billi s-CCM se tistabbilixxi standard umanitarju ġdid għall-assistenza tal-vittmi u tobbliga lill-Istati biex inaddfu l-fdalijiet mhux sploduti ta' munizzjonijiet tat-tferrix li tħallew wara l-kunflitti,

E.  billi sal-lum għoxrin Stat Membru tal-UE ffirmaw, ħdax irratifikaw, u sebgħa la ffirmaw u lanqas irratifikaw is-CCM,

F.  billi wara d-dħul fis-seħħ tas-CCM fl-1 ta'  Awwissu 2010 l-proċess tal-adeżjoni mal-konvenzjoni se jsir aktar esiġenti minħabba li l-Istati se jkun jeħtiġilhom jaderixxu mal-Konvenzjoni fi proċess ta' pass uniku;

G. billi l-appoġġ tal-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-UE u għadd enormi ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kien deċiżiv biex is-CCM tikkonkludi b'suċċess il-'Proċess ta' Oslo',

H. billi l-iffirmar u r-ratifika mis-27 Stat Membru tal-UE kollha qabel id-dħul fis-seħħ tas-CCW fl-1 ta’ Awwissu 2010 jkunu jirrappreżentaw sinjal politiku qawwi favur dinja ħielsa mill-munizzjonijiet ta' tferrix u l-objettivi tal-UE fir-rigward tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi li joqtlu b’mod indiskriminat,

1.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet ta' Tferrix b'urġenza qabel l-1 ta’ Awwissu 2010, inklużi l-Istati mhux firmatarji u l-Istati firmatarji li għadhom ma rratifikawx; iżomm quddiem għajnejh li s-CCM jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Awissu 2010 u li wara dik id-data l-Istati se jkun jeħtiġilhom jaderixxu mal-Konvenzjoni fi proċess ta' pass uniku;

2.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE li ffirmaw il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet ta' Tferrix biex jieħdu kull opportunità iħeġġu Stati li mhumiex partijiet fis-CCM biex jiffirmaw u jirratifikaw jew jaderixxu mal-Konvenzjoni mill-aktar fis possibbli, inkluż permezz ta' laqgħat bilaterali, djalogu bejn is-servizzi militari u fora multilaterali, kif għandhom l-obbligu jagħmlu skont l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni;

3.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex ma jieħdu l-ebda azzjoni li tista' twassal biex ikunu evitati jew ipperikolati s-CCM u d-dispożizzjonijiet tagħha; b'mod partikolari, jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE biex la jadottaw, la japprovaw jew lanqas sussegwentement iħallu li jintrabtu bi protokoll possibbli għal Konvenzjoni dwar l-Armi Konvenzjonali (CCW) li jippermetti l-użu ta' munizzjonijiet ta' tferrix li ma jkunx kompatibbli mal-projbizzjoni ta' dan it-tip ta' munizzjon skont l‑Artikoli 1 u 2 tas-CCM; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri tal-UE biex jaġixxu rispettivament fil-laqgħa li jmiss tas-CCW mit-30 ta' Awwissu sat-3 ta' Settembru 2010 f'Ġinevra;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE li għad mhumiex parti f'din il-Konvenzjoni biex jieħdu passi interim fl-istennija tal-adeżjoni, inkluż li jadottaw moratorju fuq l-użu, il-produzzjoni u t-trasferiment tal-munizzjonijiet ta' tferrix u li jibdew b'urġenza jeqirdu l-ħażniet ta' munizzjonijiet ta' tferrix;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati kollha biex jipparteċipaw fl-Ewwel Laqgħa tal-Istati Partijiet (1MSP) li ġejja li għandha ssir bejn it-8 u t-12 ta' Novembru fi Vientiane, Laos, il-pajjiż l-aktar kontaminat bil-munizzjonijiet ta' tferrix fid-dinja;

6.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jieħdu passi ħalli jibdew jimplimentaw il-Konvenzjoni inkluż billi jeqirdu l-ħażniet, iwettqu t-tindif u jipprovdu għajnuna lill-vittmi, u jikkontribwixxu għall-finanzjament jew għal forom differenti ta' assistenza lil stati oħrajn biex jimplimentaw il-Konvenzjoni;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE li ffirmaw il-Konvenzjoni biex jgħaddu leġiżlazzjoni li timplimentaha fil-livell nazzjonali;

8.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex tagħmel kull sforz ħalli twettaq l-adeżjoni tal-Unjoni mas-CCM, li hija possibbli wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona;

9.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex tagħmel kull sforz bil-għan li tiżviluppa strateġija għall-ewwel konferenza ta' reviżjoni fil-forma ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar Pożizzjoni Komuni;

10. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinkludu l-projbizzjoni tal-munizzjonijiet ta' tferrix bħala klawsola standard fi ftehimiet ma' pajjiżi terzi minbarra l-klawsola standard dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa;

11. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jintroduċu l-ġlieda kontra l-munizzjonijiet ta' tferrix fil-programmi Komunitarji ta' għajnuna biex jirfdu lil pajjiżi terzi fil-qerda tal-ħażniet u fl-assistenza umanitarja;

12. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex ikunu trasparenti dwar l-isforzi tagħhom skont din ir-riżoluzzjoni u biex jirrappurtaw pubblikament dwar l-attivitajiet tagħhom;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Koalizzjoni kontra l-Munizzjonijiet ta' Tferrix.