MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan
5.7.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Michał Tomasz Kamiński, Adam Bielan, Jacek Olgierd Kurski, Tomasz Piotr Poręba, Charles Tannock, Konrad Szymański, Zbigniew Ziobro, Janusz Wojciechowski, Ryszard Czarnecki f’isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0419/2010
B7‑0434/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Kirgiżistan
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kirgiżistan u l-Ażja Ċentrali, b’kunsiderazzjoni partikulari għal dik tas-6 ta’ Mejju 2010,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Frar 2008 dwar Strateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar kunflitti ġodda fil-Kirgiżistan tal-11 ta’ Ġunju 2010 u dwar ir-referendum kostituzzjonali tat-28 ta’ Ġunju 2010,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-14 ta’ Ġunju 2010,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għal Sħubija Ġdida mal-Ażja Ċentrali adottata mill-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta’ Ġunju 2007,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija u ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kirgiżistan li daħal fis-seħħ fl-1999,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Strateġija Reġjonali tal-Komunità Ewropea għal Assistenza lill-Ażja Ċentrali għall-perjodu 2007-2013,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi fil-11 ta' Ġunju faqqgħu kunflitti vjolenti fil-bliet tan-Nofsinhar ta' Osh u Jalal-Abad, li komplew jintensifikaw ruħhom sal-14 ta' Ġunju, meta ġie rrapurtat li mijiet ta' rġiel armati attakkaw it-toroq tal-bliet, jisparaw fuq iċ-ċivili u jqabbdu l-ħwienet, waqt li l-objettivi tagħhom għażluhom skont l-etniċità,
B. billi skont l-awtoritajiet Kirgiżi madwar 300 persuna mietu fil-ġlied iżda ntwera li hemm il-biża’, anki mill-kap tal-gvern interim Rosa Otunbayeva, li ċ-ċifra reali tista' tkun akbar; billi aktar minn 2000 persuna weġġgħu jew kellhom jiddaħħlu l-isptar u għad fadal ħafna li huma neqsin,
C. billi hu stmat li, minħabba l-vjolenza, 300 000 persuna ġew spostjati internament u 100 000 persuna fittxew kenn fl-Uzbekistan tal-qrib; billi l-gvern ta’ Taxkent ipprovda assistenza umanitarja lir-refuġjati bl-għajnuna ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, iżda għalaq il-fruntiera tiegħu mal-Kirgiżistan fl-14 ta' Ġunju waqt li semma’ nuqqas ta' kapaċità biex jilqgħu aktar nies,
D. billi l-gvern interim iddikjara li ż-żona qegħda fi stat ta' emerġenza u l-forzi tas-sigurtà, li kif jidher ġieli ma kinux jobdu l-ordnijiet, ma kinux kapaċi jieħdu l-kontroll tas-sitwazzjoni; billi l-appelli li l-president interim Roza Otunbayeva għamlet lill-President Russu Medvedev u lill-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar is-Sigurtà Kollettiva għal appoġġ militari biex jerġa' jiġi instawrat l-ordni rċevew tweġibiet negattivi; billi talba biex tintbagħat forza tal-pulizija internazzjonali fil-Kirgiżistan ġiet mgħoddija lill-OSKE u qed tiġi eżaminata minnha,
E. billi l-Kummissjoni Ewropea allokat 5 miljun euro biex tipprovdi għajnuna medika ta’ emerġenza, għajnuna umanitarja, oġġetti mhux tal-ikel, protezzjoni u assistenza psikoloġika għall-persuni milquta mill-kriżi, billi dan ma jistax jitqabbel mal-appell urġentissimu tan-NU għal USD 71 miljun f’għajnuna ta’ emerġenza,
F. billi l-UE għandha tassumi rwol iktar importanti fl-appoġġ tal-pajjiż; billi l-UE impenjat ruħha, b’mod partikulari permezz tal-Istrateġija tagħha għall-Ażja Ċentrali, biex tkun sieħba tal-pajjiżi fir-reġjun; billi issa hemm bżonn urġenti ta’ ħafna aktar involviment internazzjonali u r-rispons tal-UE se jkollu impatt fuq l-kredibilità tagħha bħala sieħba,
G. billi referendum li tmexxa taħt ċirkustanzi pjuttost paċifiċi fis-27 ta' Ġunju u b' rata ta' parteċipazzjoni għolja irriżulta fl-approvazzjoni ta’ iktar minn 90% tal-votanti għal kostituzzjoni ġdida li tibbilanċja s-setgħat presidenzjali u s-setgħat parlamentari, il-konferma ta’ Rosa Otunbayeva bħala president interim sal-31 ta' Diċembru 2011 u x-xoljiment tal-qorti kostituzzjonali; billi hu ppjanat li l-elezzjonijiet parlamentari jsiru fl-10 ta’ Ottubru 2010,
H. billi l-UE għandha interess ċar f’Kirgiżistan li jgħix fil-paċi, fid-demokrazija u fil-prosperità ekonomika; billi l-impenn tal-Kirgiżistan għall-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-valuri demokratiċi, kif ukoll għal ekonomija tas-suq, se jippromwovi s-sigurtà u l-istabilità fl-Ażja Ċentrali,
I. billi, ħafna mill-pajjiżi tar-reġjun tal-Ażja Ċentrali, ġew affetwati mill-faqar, minn governanza ħażina, awtoritarjaniżmu b’saħħtu u nuqqas, jew saħansitra assenza totali, ta’ mezzi legali biex jesprimu nuqqas ta’ kuntentezza u biex ifittxu li jkun hemm bidla politika; billi, bħala riżultat ta’ dan, hemm ħamrija potenzjalment fertili biex jikbru movimenti Islamisti radikali fis-segretezza,
J. billi l-UE għandha, kull meta jkun possibbli, tirrispetta l-impenn tagħha għall-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-ftehimiet kollha tagħha ma' stati terzi, u għall-promozzjoni ta’ riformi demokratiċi permezz ta' politiki koerenti biex tissaħħaħ il-kredibilità tagħha bħala protagonista fir-reġjun,
1. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-kunflitti traġiċi u vjolenti li faqqgħu fin-Nofsinhar tal-Kirgiżistan u joffri l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi kollha;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki kollha u l-atti ta' vjolenza u jitlob lill-gvern interim biex imexxi stħarriġ plawżibbli, imparzjali u indipendenti dwar l-avvenimenti bl-assistenza tal-atturi internazzjonali sabiex issir ġustizzja minn min wettaq il-vjolenzi u jiġu ċċarati l-allegazzjonijiet ta' involviment ta' membri tal-forzi tas-sigurtà Kirgiżi;
3. Jistieden lill-awtoritajiet interim biex jagħmlu kull sforz sabiex is-sitwazzjoni terġa’ lura għall-ħajja normali u biex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex ir-refuġjati u l-persuni spostjati internament ikunu jistgħu jmorru lura volontarjament b’sikurezza u dinjità lejn djarhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali biex jadottaw miżuri effettivi biex tinbena l-fiduċja u biex jibdew djalogu ġenwin mal-komponenti etniċi kollha li jgħixu fin-Nofsinhar tal-Kirgiżistan bil-għan li jiġi żviluppat proċess ta' rikonċiljazzjoni kredibbli;
4. Jenfasizza li l-valuri li l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha favurihom jobbligaw lill-Unjoni twieġeb għal din it-tbatija b'mod komprensiv, anki billi jiġu allokati aktar mill-EUR 5 miljun mobilizzati sa issa, li jkun proporzjonat mal-appell urġentissimu tan-NU għal USD 71 miljun f’għajnuna umanitarja;
5. Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tintensifika l-assistenza umanitarja b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u biex tniedi programmi ta' rikostruzzjoni fuq medda ta' żmien qasira u medja għad-djar meqruda u s-sostituzzjoni tal-assi mitlufa, u proġetti ta' riabilitazzjoni b'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet Kirgiżi u donaturi oħra sabiex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għar-ritorn tar-refuġjati u l-persuni spostjati internament; jiġbed l-attenzjoni, f’dan ir-rigward, għall-importanza tal-proġetti għall-iżvilupp lokali;
6. Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jieħu rwol mexxej fl-arranġamenti għal konferenza tad-donaturi internazzjonali għall-Kirgiżistan, fejn jiġu indirizzati l-problemi umanitarji u l-bżonnijiet bażiċi tal-Kirgiżistan u tiġi pprovduta l-għajnuna kollha meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż;
7. Jenfasizza li r-rispons umanitarju, maħsub biex jindirizza l-ħtiġijiet immedjati, irid ikun akkumpanjat minn sforzi sabiex is-sitwazzjoni tiġi stabbilizzata u jitnaqqas u jitwaqqaf ir-riskju konsiderevoli ta’ vjolenza ġdida, li hija theddida wkoll għall-paċi u s-sigurtà f'partijiet oħra ta’ Wied Ferghana, li hija maqsuma bejn l-Uzbekistan, il-Kirgiżistan u t-Taġikistan;
8. Itenni t-talba tiegħu biex tingħata attenzjoni għal dimensjoni tas-sigurtà definita’ b’mod wiesa’ fil-politika tal-UE għall-Ażja Ċentrali; jinnota li fin-Nofsinhar tal-Kirgiżistan, dan jimplika, inter alia, li tingħata għajnuna biex tiġi ggarantita s-sigurtà interna tal-persuni li jagħmlu parti mill-gruppi etniċi l-oħrajn kollha;
9. Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri biex jappoġġaw u jikkontribwixxu biex tiġi mobilizzata malajr missjoni tal-pulizija tal-OSKE bl-għan li tipprevjeni t-tfaqqigħ ta' vjolenza ġdida, tistabbilizza s-sitwazzjoni fil-bliet milqutin mill-kunflitti, tħares il-vittmi u l-iktar persuni vulnerabbli u tiffaċilita r-ritorn tar-refuġjati u tal-persuni spostjati internament;
10. Jinnota l-imġiba paċifika u r-riżultat tar-referendum kostituzzjonali tas-27 ta' Ġunju, li jwitti t-triq għar-ritorn lejn ordni kostituzzjonali; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex isibu mezzi biex jgħinu lill-gvern interim tal-Kirgiżistan u lill-awtoritajiet biex jimxu 'l quddiem fi triqithom lejn riformi demokratiċi u fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt, jikkontrobattu d-diskriminazzjoni fil-ħajja pubblika, jipprovdu aċċess għal proċeduri legali kredibbli u jtejbu l-ħajja tal-poplu permezz tal-iżvilupp nazzjonali u l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini b'kooperazzjoni mal-persuni interessati kollha u mas-soċjetà ċivili Kirgiża;
11. Jitlob li jsir użu estensiv mill-Istrument għall-Istabilità u jitlob lill-Kummissjoni tħejji proposti dwar ir-riallokazzjoni tal-fondi tal-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp biex tgħin biex jiġi żgurat li r-rispons tal-UE fuq medda ta' żmien kemm qasira u kemm medja għas-sitwazzjoni l-ġdida fil-Kirgiżistan isir fuq skala adegwata;
12. Jesprimi tħassib dwar rapporti li xi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kirgiżistan ġew arrestati u jistieden lill-awtoritajiet Kirgiżi biex jieħdu l-miżuri kollha li hemm bżonn biex jiżguraw li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jkunu jistgħu jagħmlu xogħolhom għall-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem mingħajr ebda xkiel;
13. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iżviluppi fil-Kirgiżistan jinfluwenzaw iżda wkoll huma influwenzati mill-iżviluppi reġjonali u internazzjonali; jinsab ċert li hemm bosta interessi komuni bejn ir-Russja, l-Istati Uniti u interessi ewlenin b’saħħithom oħra, b'mod partikulari fir-rigward tal-Afganistan u l-fatt li qed jikber ir-radikaliżmu Iżlamiku fir-reġjun, inkluż fil-Kirgiżistan; iqis li dan għandu jippermetti li titrażżan l-kompetizzjoni ġeopolitika u li jinstabu sinerġiji; jemmen li s-suċċess f'dan il-qasam ikollu effetti pożittivi aktar estensivi fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali u fuq is-sigurtà internazzjonali; jitlob għalhekk lill-gvern provviżorju tal-Kirgiżistan u l-atturi l-oħra involuti jassistu biex jiżguraw rotta ta' provvista bla xkliel għat-truppi tan-NATO u t-truppi internazzjonali oħra fir-rigward tal-missjoni tagħhom fl-Afganistan;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-OSKE.