MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni tax-Xmara Ġordan b’attenzjoni speċjali għall-inħawi tan-naħa ta’ isfel tax-Xmara Ġordan
1.9.2010
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Hélène Flautre, Nicole Kiil-Nielsen, Margrete Auken, f’isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0484/2010
B7‑0484/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tax-Xmara Ġordan b’attenzjoni speċjali għall-inħawi tan-naħa ta’ isfel tax-Xmara Ġordan
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani,
– wara li kkunsidra r-Regolamenti dwar il-Liġijiet u l-Prattiki tal-Gwerra fuq l-Art, ta’ Ottubru 1907 u l-Artikolu 55 dwar l-użu ta’ riżorsi naturali mill-Istat li jkun qed iwettaq l-okkupazzjoni, u d-drittijiet u l-obbligi tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Raba’ Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1949 u l-Artikolu 49 li jipprojbixxi t-trasferiment ta’ segmenti ta’ popolazzjoni ta’ stat għat-territorju ta’ stat okkupat ieħor,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni tal-Kultura Mondjali u l-Wirt Naturali ffirmata fis‑16 ta’ Novembru 1972,
– wara li kkunsidra t-Trattat ta' Paċi bejn l-Istat tal-Iżrael u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan tal-1994,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interim bejn l-Iżrael u l-Palestina dwar il-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża tal‑1995 (il-Ftehim 'Oslo II') u b'mod partikolari l‑Artikoli 12 (protezzjoni ambjentali) u 40 (ilma u drenaġġ) tal-Anness III tiegħu;
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Nazzjonali tal-Ilma tal-Ġordan tal-2008-2022,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit ta' Pariġi għall-Mediterran, tat‑13 ta' Lulju 2008,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Dinji ‘Assessment of restrictions on Palestinian Water Sector Development’ ta’ April 2009,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Amnesty International ‘Troubled water-Palestinians Denied Fair Access to Water’ ta’ Ottubru 2009,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni dwar is-Sitwazzjoni fil-Wied tal-Ġordan tal-Kumitat Ad Hoc dwar l-Enerġija, l-Ambjent u l-Ilma tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja tal‑14 ta’ Marzu 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi x-Xmara Ġordan, b’mod partikolari n-naħa ta' isfel tagħha, tirrappreżenta pajsaġġ kulturali ta' sinifikat universali b'importanza storika, simbolika, reliġjuża, ambjentali, agrikola u ekonomika kbira kemm għal-Lvant Nofsani u lil hinn minnu,
B. billi l-ġestjoni ħażina u n-nuqqas ta’ kontrolli rriżultaw fi tniġġis gravi tax-Xmara Ġordan; billi hu stmat li 98% tal-1.3 biljun metru kubu tal-fluss annwali tal-ilma ħelu naturali tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan ġie devjat biex jissodisfa d-domanda domestika u agrikola għall-ilma; billi dak kollu li bħalissa fadal għaddej fin-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan huwa drenaġġ mhux ittrattat, likwidu superfluwu mill-vaski tal-ħut, ilma salmastru u likwidu superfluwu mill-agrikoltura,
C. billi n-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan irreġistrat telf ta' 50% mill-bijodiversità minħabba d-devjazzjoni tar-riżorsi tal-ilma ħelu u r-rimi ta' skart likwidu mniġġes fil-fluss tiegħu,
D. billi fi tmiem l-2011 huwa ppjanat li jibdew joperaw ċentri ġodda għat-trattament tal-ilma mormi li l-għan tagħhom huwa li jneħħu l-iskart likwidu mniġġes li attwalment qiegħed inixxi fin-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan; billi, jekk ma jiġux żviluppati prattiċi sodi u sostenibbli għall-immaniġġjar tal-ilma u ma jkunux allokati riżorsi ta' ilma ħelu għan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan biex jikkoinċidu mal-operat ta' dawn iċ-ċentri, huwa probabbli li sa tmiem l-2011 se jinxfu meded twal tax-xmara,
E. billi kull sena jinħtieġ minimu ta' 400-600 miljun metru kubu ta' ilma għar-riabilitazzjoni tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan;
F. billi l-Baħar Mejjet għandu ekosistema unika fid-dinja; billi x-Xmara Ġordan hija l-akbar xmara tributarja tal-Baħar Mejjet u t-tnaqqis drammatiku tal-fluss tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan kien il-kawża primarja tal-waqgħa kontinwa tal-livell tal-ilma tal-Baħar Mejjet u tat-tnaqqis ta' terz tas-superfiċji tal-Baħar Mejjet f'inqas minn 50 sena,
G. billi d-deterjorament jew l-għajbien ta’ kwalunkwe oġġett ta’ wirt kulturali u naturali jikkostitwixxi eżawriment dannuż tal-wirt tan-nazzjonijiet kollha tad-dinja,
H. billi l-Kunċett ta' Trasferiment tal-Ilma mill-Baħar l-Aħmar għall-Baħar Mejjet jipproponi li jinbena kanal li jgħaqqad il-Baħar Mejjet mal-Baħar l-Aħmar, jagħti kontribut għar-riabilitazzjoni tal-Baħar Mejjet u jipprovdi elettriku u ilma tax-xorb lill-Iżraeljani, lill-Ġordaniżi u lill-Palestinjani; billi kien hemm dubji li tqajmu minn esperti rigward dan il-proġett li jħallat l-ilma tal-Baħar l-Aħmar li huwa mimli sulfat mal-ilma tal-Baħar Mejjet li huwa mimli kalċju minħabba li dan jaf ikollu konsegwenzi serji fuq il-karatteristiċi naturali u ambjentali uniċi tal-Baħar Mejjet; billi l-Bank Dinji qed jaħdem fuq studju ta’ fattibilità sabiex jevalwa d-dimensjonijiet tekniċi, ekonomiċi, finanzjarji, ambjentali u soċjali tal-Kunċett ta' Trasferiment tal-Ilma propost,
I. billi, fit-Trattat ta' Paċi bejn l-Istat tal-Iżrael u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, iż-żewġ partijiet jagħtu importanza kbira lill-iżvilupp integrat taż-żona tal-wied tettoniku tal-Ġordan u qablu li jikkooperaw tul il-fruntieri komuni favur ir-riabilitazzjoni ekoloġika tax-Xmara Ġordan, u favur il-protezzjoni ambjentali tar-riżorsi tal-ilma kemm tax-Xmara kif ukoll tal-Baħar Mejjet,
J. billi l-isforzi biex tiġi salvata n-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan ħolqu kooperazzjoni bejn il-komunitajiet lokali Iżraeljani, Ġordaniżi u Palestinjani li jħabbtu wiċċhom mal-istess sfidi relatati mal-ilma; billi l-kooperazzjoni attiva bejn il-gvernijiet, il-komunitajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi u t-territorji okkupati kkonċernati tista' tagħti kontribut kbir għall-isforzi favur il-bini tal-paċi fir-reġjun,
K. billi l-popolazzjoni Palestinjana fix-Xatt tal-Punent qiegħda tħabbat wiċċha ma' skarsezzi gravi tal-ilma; billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa diġà wissiet li l-provvista ħażina tal-ilma kienet qed tikkawża mard li jiġi trażmess mill-ilma fost għadd dejjem jikber ta’ Palestinjani; billi l-bdiewa Palestinjani huma affettwati b’mod qawwi bin-nuqqas ta’ ilma għall-irrigazzjoni li fil-biċċa l-kbira jintuża għall-kuntrarju fl-Iżrael u mill-Iżraeljani li jgħixu fl-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent; billi riżorsi suffiċjenti tal-ilma jikkostitwixxu waħda mill-prekundizzjonijiet ewlenin għal stat Palestinjan vijabbli tal-futur, kif ukoll aspett importanti tas-sigurtà tal-Istat tal-Iżrael,
L. billi l-finanzjament tal-UE qiegħed jikkontribwixxi għat-tentattivi biex jittaffew l-isfidi ambjentali preżenti fl-inħawi tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan,
1. Jiġbed l-attenzjoni għad-degradazzjoni tax-Xmara Ġordan, b’mod partikolari n-naħa ta' isfel tagħha u jesprimi t-tħassib tiegħu f'dan ir-rigward;
2. Jistieden lill-pajjiżi li jinsabu fuq ix-xatt tax-xmara biex jirriabilitaw ix-Xmara Ġordan billi jelaboraw u jimplimentaw politiki li jiffokaw fuq riżultati bbilanċjati, sodi u sostenibbli fil-ġestjoni tal-ilma, b’mod partikolari fid-domanda domestika u agrikola għall-ilma, fil-konservazzjoni tal-ilma u fil-ġestjoni tad-drenaġġ u tal-iskart likwidu agrikolu u industrijali, kif ukoll biex jiżguraw kwantità adegwata ta' flussi tal-ilma ħelu fin-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan;
3. Jistieden lill-Gvernijiet tal-Iżrael u tal-Ġordan kif ukoll lill-Awtorità Palestinjana biex jaħdmu fi spirtu ta' kooperazzjoni bil-għan li jsalvaw in-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan u jħeġġiġhom jistabbilixxu, bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea, Kummissjoni għall-Baċir tax-Xmara Ġordan, li jkun forum trilaterali ta' kooperazzjoni miftuħ għall-pajjiżi l-oħra li jinsabu fuq ix-xatt tax-xmara;
4. Jistieden lill-Iżrael u lill-Ġordan jonoraw bis-sħiħ l-impenji li daħlu għalihom fil-ftehim ta' paċi tagħhom dwar ir-riabilitazzjoni tax-Xmara Ġordan, kif ukoll il-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma tax-Xmara u tal-Baħar Mejjet;
5. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Ministeru Iżraeljan tal-Ambjent biex jelabora pjan direttur għall-iżvilupp tal-pajsaġġ fl-inħawi tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan; iħeġġeġ lill-Gvern Ġordaniż u lill-Awtorità Palestinjana biex jieħdu inizjattivi analogi bil-għan li jadottaw pjanijiet direttur għar-riabilitazzjoni tat-taqsimiet tax-Xmara li jgħaddu mit-territorji rispettivi tagħhom sakemm l-Iżrael jippermetti li l-Awtorità Palestinjana jkollha aċċess għan-naħa ta’ isfel tax-Xmara Ġordan skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-Liġi Internazzjonali; josserva li dawn il-pjanijiet direttur jafu jsiru bażi għal pjan reġjonali komprensiv għar-riabilitazzjoni u l-ħarsien tal-inħawi tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan; jieħu nota tal-pjanijiet tal-Awtorità Palestinjana biex tistabbilixxi Kanal fil-Punent tal-Ghor li kien previst fil-Pjan Johnston tal‑1955 għall-irrigazzjoni taż-żoni Palestinjani li jinsabu max-xatt tax-xmara tax-Xatt tal-Punent okkupat;
6. Ifakkar li l-Kunċett ta' Trasferiment tal-Ilma mill-Baħar l-Aħmar għall-Baħar Mejjet ma jindirizzax id-degradazzjoni tax-Xmara Ġordan;
7. Josserva li kwalunkwe soluzzjoni sostenibbli għar-riabilitazzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent naturali uniku tal-inħawi tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan għandha tkun ibbażata fuq approċċ ta' żvilupp integrat li jinkludi proġetti ekonomiċi, ambjentali, enerġetiċi u relatati mat-turiżmu u, f’dan ir-rigward, jenfasizza l-importanza li l-komunitajiet lokali jkunu involuti bis-sħiħ fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;
8. Jilqa' b'sodisfazzjon l-applikazzjoni ta' għadd dejjem ikbar ta' metodi u teknoloġiji avvanzati tal-ġestjoni tal-ilma fl-inħawi tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan, speċjalment fl-Iżrael, u jħeġġeġ it-trasferiment ta' dawn il-metodi u teknoloġiji lejn il-pajjiżi kollha tar-reġjun; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u t-traspożizzjoni progressiva tagħha fil-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi tar-reġjun; jistieden lill-komunità internazzjonali, inkluża l-Unjoni Ewropea, biex tintensifika l-isforzi mmirati biex jingħata aktar sostenn finanzjarju u tekniku lill-proġetti f'dan il-qasam;
9. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE biex iqiegħdu aktar enfasi fuq is-sitwazzjoni tax-Xmara Ġordan fir-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali tagħhom mal-pajjiżi li jinsabu max-xatt tax-Xmara u biex ikomplu jagħtu sostenn finanzjarju u tekniku għar-riabilitazzjoni tax-Xmara, b’mod partikolari fir-rigward tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan, fl-ambitu wkoll tal-inizjattiva tal-Unjoni għall-Mediterran;
10. Iqis, fl-istess ħin, li għandha tiġi inkluża referenza ċara u konkreta għall-proċess ta’ riabilitazzjoni ta’ din iż-żona fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-PEV mal-Iżrael, il-Ġordan u l-Awtorità Palestinjana; jirrakkomanda bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tniedi studju konġunt dwar ix-Xmara Ġordan;
11. Jilqa' b'sodisfazzjon il-kooperazjoni bejn il-komunitajiet lokali Iżraeljani, Ġordaniżi u Palestinjani li jħabbtu wiċċhom mal-istess sfidi relatati mal-ilma fl-inħawi tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan u jisħaq għal darb'oħra fuq l-importanza tal-bini tal-fiduċja sabiex tinstab paċi ġusta u dejjiema fil-Lvant Nofsani; jilqa' b'sodisfazzjon ir-rwol attiv tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, fosthom il-"Friends of the Earth Middle East", fl-isforzi mmirati biex isalvaw ix-Xmara Ġordan u jistieden lill-komunità internazzjonali, inkluża l-Unjoni Ewropea, biex tkompli tappoġġa l-attivitajiet tagħhom;
12. Jerġa' jenfasizza li l-kwistjoni tal-ġestjoni tal-ilma, u speċjalment distribuzzjoni ġusta tal-ilma li tirrispetta b'mod ugwali l-bżonn tal-popli kollha li jgħixu fir-reġjun, hija ta' importanza kruċjali għal paċi u stabilità dejjiema fil-Lvant Nofsani u jenfasizza l-bżonn ta' strateġija globali għall-isfidi ewlenin fil-qasam tal-ilma fir-reġjun;
13. Iħeġġeġ lill-Iżrael biex jiżgura, anki billi jnaqqas ir-restrizzjonijiet amministrattivi, żieda fl-aċċess għar-riżorsi tal-ilma għall-Palestinjani li jgħixu fix-Xatt tal-Punent, b’konformità mad-dritt tagħhom skont il-ftehim ‘Oslo II’ u l-Liġi Internazzjonali, kif ukoll biex jiffaċilita l-użu ta' metodi u teknoloġiji ta' ġestjoni tal-ilma, fosthom it-trattament tal-ilma mormi, fl-inħawi;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern Iżraeljan, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Ġordan, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Libanu, lill-President tal-Awtorità Nazzjonali Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u lill-Parlament u lill-Gvern tas-Sirja.