Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0486/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0486/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni tax-Xmara Ġordan b’attenzjoni speċjali għall-inħawi tan-naħa ta’ isfel tax-Xmara Ġordan

1.9.2010

imressqa wara l-mistoqsija b'talba għal tweġiba orali B7-0452/2010
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Ioannis Kasoulides, Cristian Dan Preda f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0484/2010

Proċedura : 2010/2775(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0486/2010
Testi mressqa :
B7-0486/2010
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0426/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tax-Xmara Ġordan b’attenzjoni speċjali għall-inħawi tan-naħa ta’ isfel tax-Xmara Ġordan

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani,

–   wara li kkunsidra t-Trattat ta' Paċi bejn l-Istat tal-Iżrael u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan tal-1994,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-Samit ta' Pariġi għall-Mediterran, li saret fit-13 ta' Lulju 2008,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni dwar Is-Sitwazzjoni fil-Wied tal-Ġordan tal-Kumitat Ad Hoc dwar l-Enerġija, l-Ambjent u l-Ilma tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja tal-14 ta' Marzu 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi x-xmara Ġordan, u partikolarment in-naħa ta' isfel tagħha, tirrappreżenta pajsaġġ kulturali ta' sinifikat universali b'importanza storika, simbolika, reliġjuża, ambjentali, agrikola u ekonomika kbira kemm għal-Lvant Nofsani kif ukoll lil hinn,

B.  billi x-Xmara Ġordan qed tinqered għal kollox minħabba sfruttament żejjed, tniġġis u nuqqas ta’ ġestjoni reġjonali; billi hu stmat li 98% tar-riżorsi tal-ilma ħelu tax-Xmara ġew devjati xi mkien ieħor mill-Iżrael, mill-Ġordan u mis-Sirja, bir-riżultat li ntilef 50% tal-bijodiversità.

C. billi l-bini ta' ċentri ġodda għat-trattament tal-ilma mormi intiżi biex ineħħu s-sustanzi li jniġġsu b’mod serju hu riżultat importanti ħafna; billi, jekk ma jkunux allokati riżorsi ta' ilma ħelu lin-naħa ta' isfel tax-xmara Ġordan biex jikkoinċidu mal-operazzjoni ta' dawn iċ-ċentri, huwa probabbli li sa tmiem l-2011 jinxfu meded twal tax-xmara,

D. Billi r-riabilitazzjoni tax-Xmara Ġordan, u b’mod partikulari n-naħa ta’ isfel tagħha, hi ta’ importanza kbira għall-komunitajiet lokali Iżraeljani, Ġordaniżi u Palestinjani li jaqsmu l-istess sfidi tal-ilma, u toffri benefiċċji ekonomiċi u li jibnu l-fiduċja immensi; billi kooperazzjoni attiva bejn il-gvernijiet u l-komunitajiet lokali kkonċernati tista’ tkun kontribut ewlieni għall-isforzi għall-paċi reġjonali,

E.  billi l-finanzjament tal-UE qiegħed jikkontribwixxi għat-tentattivi biex jittaffew l-isfidi ambjentali preżenti fl-inħawi tan-naħa ta' isfel tax-xmara Ġordan,

1.  Jiġbed l-attenzjoni għad-devastazzjoni tax-Xmara Ġordan u partikolarment in-naħa ta' isfel tagħha u jesprimi t-tħassib tiegħu f'dan ir-rigward ukoll;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati biex jikkooperaw u jirriabilitaw ix-Xmara Ġordan billi jelaboraw u jimplimentaw politiki li jiffokaw fuq riżultati konkreti fil-ġestjoni tad-domanda domestika u agrikola għall-ilma, fil-konservazzjoni tal-ilma u fil-ġestjoni tad-drenaġġ u tal-iskart likwidu agrikolu u industrijali, kif ukoll biex jiggarantixxu kwalità adegwata ta' flussi tal-ilma ħelu fin-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan;

3.  Jilqa' l-kooperazzjoni bejn il-komunitajiet lokali Iżraeljani, Ġordaniżi u Palestinjani li jaqsmu l-istess sfidi tal-ilma fl-inħawi tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan; jistieden lill-Iżrael u lill-Ġordan biex jonoraw kompletament l-impenji li daħlu għalihom fit-Trattat ta' Paċi bejniethom fir-rigward tar-riabilitazzjoni tax-Xmara Ġordan;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Ministeru Iżraeljan tal-Ambjent biex jelabora pjan direttur għall-iżvilupp tal-pajsaġġ fl-inħawi tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan; iħeġġeġ lill-Gvern Ġordaniż u lill-Awtorità Palestinjana biex jieħdu inizjattivi analogi bil-għan li jadottaw pjanijiet direttur għar-riabilitazzjoni tat-taqsimiet tax-xmara li jgħaddu mit-territorji rispettivi tagħhom; josserva li dawn il-pjanijiet direttur jafu jsiru bażi għal pjan reġjonali komprensiv għar-riabilitazzjoni u l-ħarsien tal-inħawi tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan;

5.  Jilqa' l-applikazzjoni ta' metodi u teknoloġiji għal ġestjoni avvanzata tal-ilma fl-inħawi tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan, speċjalment fl-Iżrael, u jħeġġeġ it-trasferiment ta' dawn il-metodi u t-teknoloġiji lejn il-pajjiżi kollha tar-reġjun; jistieden lill-komunità internazzjonali, inkluża l-Unjoni Ewropea, biex tintensifika l-isforzi mmirati biex jagħtu aktar sostenn finanzjarju u tekniku lill-proġetti f'dan il-qasam;

6.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE biex iħeġġu u jappoġġaw pjan komprensiv biex titranġa d-devastazzjoni tax-Xmara Ġordan u biex ikomplu jagħtu sostenn finanzjarju u tekniku għar-riabilitazzjoni tax-Xmara Ġordan, u b’mod partikulari n-naħa ta’ isfel tagħha, fl-ambitu wkoll tal-inizjattiva tal-Unjoni għall-Mediterran;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern Iżraeljan, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Ġordan, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Libanu, lill-President u lill-Awtorità Nazzjonali Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u lill-Parlament u lill-Gvern tas-Sirja.