MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, b'mod partikolari l-każijiet ta' Sakineh Mohammadi Ashtiani u Zahra Bahrami
6.9.2010
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Véronique De Keyser, María Muñiz De Urquiza, Ana Gomes, Edite Estrela, Emine Bozkurt, Rovana Plumb, Silvia Costa, Francesca Balzani, Patrizia Toia, Rita Borsellino, Debora Serracchiani, Marc Tarabella f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0494/2010
B7‑0496/2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, b'mod partikolari l-każijiet ta' Sakineh Mohammadi Ashtiani u Zahra Bahrami
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, partikolarment dawk dwar id-drittijiet tal-bniedem u, b’mod partikolari, dawk tal-31 ta’ Jannar 2008 u tal-10 ta’ Frar 2010,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, Catherine Ashton, tas-6 ta' Lulju 2010 dwar l-eżekuzzjonijiet imminenti fl-Iran,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti tal-Amerika Hillary Clinton fl-10 ta' Awwissu 2010 li fiha ħeġġet lill-Iran biex jirrispetta l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini tiegħu,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Iran huwa firmatarju tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi Sakineh Mohammadi Ashtiani, mara ta' 43 sena li għandha żewġ ulied, f'Mejju 2006 nstabet ħatja li kellha "relazzjoni illeċita" ma' żewġ irġiel u ngħatat sentenza ta' 99 sawt bil-frosta; minkejja li diġà kienet ħadet il-kastig, issa nstabet ħatja wkoll ta' "adulterju" u ngħatat sentenza tal-mewt bit-tħaġġir,
B. billi, minkejja kundanna internazzjonali tas-sentenza tal-mewt bit-tħaġġir, din is-sentenza baqgħet fis-seħħ u tista' tiġi implimentatat fi kwalunkwe waqt b'deċiżjoni tal-Kap tal-Ġudikatura Sadegh Larijani,
C. billi f'"konfessjoni" televizzata Sakineh Mohammadi Ashtiani tidher li qiegħda timplika lilha nnifisha fil-qtil ta' żewġha; billi hemm sinjali qawwija li l-"konfessjoni" kienet imġiegħla tagħmilha,
D. billi Sakineh Mohammadi Ashtiani ngħatat sentenza ta' 99 sawt oħra bil-frosta għaliex xerrdet l-"indeċenza" u l-"korruzzjoni" minħabba li allegatament dehret bla velu f'ritratt ippubblikat f'ġurnal Ingliż,
E. billi Mohammad Mostafaei, l-avukat ta' Sakineh Mohammadi Ashtiani, ħarab mill-Iran wara li s-servizzi tas-sigurtà Iranjani ħarġu mandat għall-arrest tiegħu, arrestaw lil martu u lil ħatnu,
F. billi Ebrahim Hamidi, raġel ta' 18-il sena akkużat b'omosesswalità, qiegħed jiffaċċja eżekuzzjoni imminenti minkejja l-fatt li bħalissa m'għandux rappreżentant legali,
G. bili s-sentenza ta' tħaġġir hija ksur ċar tal-obbligi internazzjonali tal-Iran skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCRP); billi kien biss dan l-aħħar li l-Iran, matul ir-Reviżjoni Universali Perjodika tiegħu fil-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, aċċetta li jirrispetta l-istandards minimi u d-dispożizzjonijiet tal-ICCRP rigward il-piena tal-mewt, sakemm jibqa' jżommha,
H. billi fl-1 ta' Awwissu l-President tal-Brażil Luiz Inacio Lula da Silva offra l-asil lis-Sinjura Ashtiani, imma l-gvern Iranjan irrijuta l-offerta tal-Brażil bil-pretest li Lula "ma kellux biżżejjed informazzjoni dwar dan il-każ",
I. billi Zahra Bahrami, mara Olandiża-Iranjana, sfat arrestata wara li ħadet sehem fil-protesti ta' Ashura (tas-27 ta' Diċembru 2009) kontra l-qerq fl-elezzjoni presidenzjali fl-Iran; bili ilha miżmuma fil-Ħabs ta' Evin f'Tehran mill-arrest tagħha, u wriet sinjali ta' tortura,
J. billi Zahra Bahrami ġiet akkużata li waqqfet organizzazzjoni kontra l-gvern, li ssieħbet fi grupp monarkista mhux imsemmi, u li xerrdet propaganda kontra r-reġim; billi ċaħħduha mir-rappreżentanza legali u l-ambaxxata Olandiża f'Tehran ma titħalla toffrilha l-ebda assistenza,
K. billi Zahra Bahrami hija mċaħħda mid-drittijiet ta' viżitazzjoni fil-Ħabs ta' Evin, u jingħad li qed tbati minn kundizzjoni fiżika u psikoloġika gravi,
L. billi Nasrin Sotoudeh, avukat prominenti tad-drittijiet ta-bniedem li tgawdi ħafna rispett għal xogħolha favur minorenni li qed jiffaċċjaw il-piena tal-mewt u għad-difiża tagħha ta' priġunieri tal-kuxjenza, ġiet arrestata fl-4 ta' Settembru 2010 b'akkużi ta' "propaganda kontra l-istat" u "konfoffa u għaqda bil-għan li ssir azzjoni kontra s-sigurtà nazzjonali",
M. billi l-awtoritajiet tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran qed ikomplu jarrestaw u jixħtu l-ħabs attivisti tas-soċjeta ċivili filwaqt li jippersegwitaw u jipprosegwixxu avukati indipendenti; filwaqt li metodu ġdid ta' persekuzzjoni ta' avukati tad-drittijiet tal-bniedem huwa li l-gvern jagħmel allegazzjonijiet bla bażi dwar it-taxxa; billi membri tal-Kampanja Miljun Firma favur l-ugwaljanza tal-ġeneru u l-Kunsill Ċentrali tal-ADVAR, organizzazzjoni ta' studenti u alumni favur id-drittijiet tal-bniedem u t-titjib soċjali intefgħu l-ħabs b'akkużi foloz,
N. billi r-residenza tal-ex kandidat presidenzjali Mehdi Karroubi ġiet attakata min tużżani ta' pulizija armati lebsin biċ-ċivil, bir-riżultat li f'dar Karroubi saru graffiti, vandaliżmu, tkissir ta' twieqi u sparar; billi dawn l-attakki ġraw wara kummenti mill-Kmandant tal-Gwardji Revoluzzjonarji Mohammad Ali Jafari li l-poplu tal-Iran kien sejjer jiġġudika l-"kapijiet tas-sedizzjoni", riferiment għall-kapijiet tal-oppożizzjoni; billi l-pulizija bl-ebda mod ma ppruvaw iwaqqfu l-attakki,
1. Jesprimi l-orrur u x-xokk tiegħu quddiem il-każ ta' Sakineh Mohammadi Ashtiani, li ngħatat sentenza ta' mewt bit-tħaġġir; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran biex ma jwettqux l-eżekuzzjoni ta' Sakineh Mohammadi Ashtiani, la bit-tħaġġir u lanqas b'xi metodu ieħor;
2. Jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblka Iżmaika tal-Iran biex jibdew reviżjoni komprensiva tal-każ tagħha;
3. Jikkundanna l-"konfessjoni" televizzata ta' Sakineh Mohammadi Ashtiani, li milli jidher kienet orkestrata mill-awtoritajiet Iranjani biex jippruvaw jivvintaw akkużi ġodda li qatlet lil żewġha; jinnota li xandiriet ta' dan it-tip jixħtu dubju fuq l-indipendenza tal-ġudikatura;
4. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Iran biex jipprojbixxi t-tħaġġir, metodu ta' eżekuzzjoni partikolarment krudili;
5. Jeġa' jsostni l-oppożizzjoni qawwija tal-UE għall-piena tal-mewt fiċ-ċirkustanzi kollha u jistieden lill-Iran biex idaħħal moratoju fuq l-eżekuzzjonijiet fl-istennija tal-abolizzjoni tal-piena tal-mewt f'konformita mar-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 62/149 u 63/168;
6. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Iran biex iwaqqaf l-eżekuzzjoni ta' Ebrahim Hamidi, raġel ta' 18-il sena akkużat bl-omosesswalità;
7. Jesprimi l-oppożizzjoni tiegħu għall-kriminilizzazzjoni tar-relazzjonijiet sesswali kunsenswali bejn l-adulti, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jiddekriminalizzaw l-"adulterju".
8. Jitlob li Zahra Bahrami tinħeles minnufih; jistieden lil Catherine Ashton, ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, biex tindirizza d-detenzjoni ta' Zahra Bahrami mal-awtoritajiet Iranjani;
9. Isejjaħ biex tinħeles minnufih l-avukat prominenti tad-drittijiet tal-bniedem, Nasrin Sotoudeh, u biex titwarrab kull akkuża kontriha;
10. Jesprimi t-tħassib gravi tiegħu dwar vjolenza mmexxija mill-gvern kontra l-ex kandidat presidenzjali Mehdi Karrubi u t-tifrix ta' atmosfera ta' biża' u intimidazzjoni permezz tal-użu ta' nies ta' qattagħni u forzi lebsin ċivil ikkoordinati mill-forzi tas-sigurta; jitlob li l-gvern joqgħod lura milli japprova atti kriminali ta' dan it-tip; Iżomm lilll-Mexxej Suprem tal-Iran, Ayatollah Ali Khamenei, responsabbli għas-sikurezza tal-kandidat presidenzjali Mehdi Karroubi u tal-familja tiegħu;
11. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-abbuż tal-poteri ġudizzjarji min-naħa tal-awtoritajiet Iranjani biex jaġixxi kontra l-komunità tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tas-soċjetà ċivili, bħall-membri tal-Kampanja Miljun Firma u l-Kunsill Ċentrali tal-ADVAR, fost l-oħrajn;
12. Isejjaħ biex jiġi stabbilit mandat tan-NU li jinvestiga l-abbużi u jinkoraġġixxi r-responsabbiltà għal dawk li jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran;
13. Ifakkar lill-Iran dwar l-obbligi tiegħu skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar l-obbligi li assuma matul matul ir-Reviżjoni Universali Perjodika tiegħu fil-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, u jsejjaħ biex jinħelsu minnufih mill-ħabs il-priġunieri politiċi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kollha;
14. Isejjaħ biex il-lista eżistenti ta' individwi u organizzazzjonijiet li huma soġġetti għal projbizzjoni tal-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi tiġi estiża għal dawk li huma responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, ir-rippressjoni u t-trażżin tal-libertà fil-pajjiż;
15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ifasslu miżuri addizzjonali, fil-kuntest tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, ta' politika ta' immigrazzjoni biex jipproteġu attivament id-drittijiet ta' Iranjani li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli / Viċi President tal-Unjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Republika Iżlamika tal-Iran.